San Ġiljan

Informazzjoni dwar il-lokalita'

Print this page

San Ġiljan tbiddel minn lejl għal nhar. Oriġinarjament kien villaġġ għas-sajjieda. Imma bil-mod il-mod sar ukoll post ghall-villeġġjatura matul il-ġranet tas-sajf. Bil-popolazzjoni dejjem tikber, San Ġiljan sar wieħed aktar magħruf bħala post turistiku u għad-divertiment. Minbarra li fih inbnew ħafna lukandi u appartamenti, sar aktar popolari maż-żgħazagħ, fejn fi tmiem il-ġimgħa jippakkjaw litteralment Paċeville. Minbarra hekk, hawnhekk hawn ukoll żewġ casinos.

Tant kiber dan il-villagg li s’issa għandu fih żewġ parroċċi, Tal-Karmnu li qegħda l-Balluta, u dik ta’ San Giljan.

Balluta

Fil-21 ta’ Novembru 1858, il-fratelli tal-Karmnu tal-Belt bnew kappella żgħira f’San Giljan f’għalqa li kienu jgħidulha Ta’ l-Iljun. L-ewwel ġebla tqiegħdet mill-Vigarju Mons. F. Amato Gauci. F’qasir żmien il-knisja nbniet fuq il-pjanta tal-perit Ġuze Bonavia u tbierket minn Mons. Pace Forno fit-18 ta’ Settembru 1859. Fl-1889 din il-kappella ingħatat lill-patrijiet Karmelitani li bnew kunvent warajha. Malli twaqqaf il-kunvent, il-patrijiet Karmelitani ta’ Malta saru provinċja għalihom. Fl-1990 il-patrijiet kabbru bi spejjes tagħhom l-ewwel kappella u bnewha fuq stil gotiku. Il-perit li bena l-knisja kien E Galizia. Qabel ma nbena l-kunvent, il- patrijiet kienu joqogħdu ġo Miriam House u Casa Dingli, vilel li jinsabu fin-naħa l-oħra tal-bajja quddiem il-knisja. Fi żmien l-Ewwel Gwerra Dinjija l-kunvent serva bħala skola tal-gvern peress li dik ta’ Tas-Sliema saret sptar. Għal darb’oħra l-patrijiet marru joqogħdu f’Miriam House.  Fl-1974 saret parroċċa ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu.

Il-Parroċċa ta' San Ġiljan

M’hemm ebda dokumenti ċari meta nbniet eżatt il- kappella ta’ Lapsi, iżda hemm indikazzjonijiet li juru li fl-1580 inbniet l-ewwel kappella fost ir-raba’ minn xi kavallieri ta’ San Gwann li ġew hawn ghall-Kaċċa. Fl-1593 il-knisja ż-żghira twaqqgħet u nbniet oħra minn flokha. Fl-1682 telgħet it-tliet waħda. Ix-xogħol tlesta fl-1683. Il-bennej kien Mikiel Gaffan, waqt li l-periti kienu Vincenzo Casanova u Giovanni Barbara.

Fl-1693 kien sar terremot kbir f’Malta u Sqallija li kien waqqa’ ħafna bini. Dan kien inħass fil-knisja u fl-1716 l-isqof kien wissa lil-Guzeppi Ciantar biex jieħu ħsieb li din terġa’ tinbena. Fl-1730 l-Isqof Paolo Alferan De Bussan għamel il-vista pastorali u kien sab li l-bini kien mibni mill-ġdid.

Fl-1847 fir-raħal ta’ San Giljan kien hemm madwar 50 familja u 1000 ruħ kienu jiġu villeġġjatura fis-sajf. Kienet saret talba biex issir viċi parroċċa, u din it-talba ntlaqghet fl-1849. Bħala vici kappillan kien sar Dun Ġużepp Xerri, u meta fit-8 ta’ Settembru 1891 saret parroċċa, hu kien dikjarat bħala l-ewwel kappillan.

Peress li San Giljan kien kiber ħafna ġie deċiż li tinbena knisja gdida u tpoġġiet l-ewwel ġebla fid-9 ta’ Lulju 1961. Kien Ħadd il-Palm tal-1968 li l-knisja fetħet il-bibien għall-pubbliku, ghalkemm kien jonqos xi xogħol li jsir.