Is-Siġġiewi (Città Ferdinand)

Servizzi offruti mill-Kunsill Lokali

Print this page

Manutenzjoni u titjib tat-toroq u l-bankini

Il-Kunsill jagħmel xogħolijiet infrastrutturali bħalma huma l-manutenzjoni jew titjib fuq toroq u bankini diġà eżistenti. Il-manutenzjoni tinkludi l-kisi jew asfaltar iżda ma tinkludix rikostruzzjoni kemm ta' bankini kif ukoll tat-toroq. Bankini u toroq ġodda (dawk li qatt ma jkunu saru) kif ukoll toroq, sqaqien jew mogħdiji privati ma jaqgħux taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill.
Il-Kunsill ukoll jieħu ħsieb il-manutenzjoni jew it-titjib tat-toroq u trejqiet li jinsabu fil-kampanja.

Knis u Tindif ta' Toroq

Il-Kunsill huwa responsabbli għall-knis u t-tindif tat-toroq u l-bankini. It-tindif fil-maġġoranza tat-toroq isir fuq bażi ta' tliet darbiet fil-ġimgħa filwaqt li numru ta' toroq fiz-zona ċentrali jitnaddfu kuljum. Siti privati u toroq arterji ma jaqgħux fir-responsabbiltà tal-Kunsill.

Ġbir ta' Skart Domestiku

L-iskart domestiku kif ukoll dak fil-laned taż-żibel li jinsabu f'postijiet pubbliċi, jinġabar fuq bażi ta' sitt ijiem fil-ġimgħa. Matul ix-xhur tas-sajf dan is-servizz jingħata fuq bażi ta’ sebat ijiem fil-ġimgħa.
L-iskart domestiku miz-zoni rurali jinġabar nhar t’Erbgħa u nhar ta’ Sibt. Jekk inti resident ġdid f’zona rurali, jekk jogħġbok ċempel l-uffiċċju biex inkunu nistgħu noffrulek is-servizz tagħna.
Ir-residenti huma mitlub li ma joħorġux l-iskart tagħhom qabel is-7:00am.

Ġbir ta’ Skart għar-riċiklaġġ

L-iskart domestiku għar-riċiklaġġ jinġabar kull nhar ta’ Tlieta u dan is-servizz jibda mill-11:00am ‘il quddiem.

Ġbir ta' Skart Goff


Il-Kunsill joffri wkoll ġbir ta’ skart goff. Dan jikkonsisti f'imbarazz u skart li jinġabar minn djar u residenzi iżda li ma jaqax fil-kuntratt tas-servizz ta' ġbir ta' skart domestiku minħabba l-kobor tiegħu; dan ma jkunx jinkludi fdalijiet industrijali, barrieri jew għelieqi, kif ukoll fdalijiet ta' bini u kostruzzjoni.

Wieħed jista' jċempel direttament lill-kuntrattur fuq 79956147 jew il-Kunsill fuq 21466000.

Bring-in sites

Fil-lokalità tagħna għandna tlett bring-in sites
• fi Triq Dun Manwel Zammit (ħdejn il-ground tal-football),
• fi Triq Lapsi u
• fi Triq in-Nirien (ħdejn iċ-Ċentru Santissima Trinità)
Stallazzjoni u manteniment tad-dwal tat-toroq
Il-Kunsill jieħu ħsieb li jinstalla bozoz ġodda fit-toroq taz-zoni urbani u rurali tal-lokalità dejjem bl-approvazzjoni tal-Korporazzjoni Enemalta. Il-Kunsill jieħu ħsieb ukoll it-tiswija u l-manteniment tal-bozoz eżistenti.

F’każ ta’ bozoz mitfija u/jew maqtugħa wieħed għandu jirrapporta l-Kunsill fuq 21466000 billi jikkwota t-triq u n-numru tal-bozza. (Kull bozza għandha magħha pjanċa żgħira bin-numru tagħha).

Twaħħil ta' sinjali tat-traffiku

Il-Kunsill iwaħħal sinjali tat-traffiku u jagħmel żebgħa ta' marki tat-toroq skond livelli nazzjonali u internazzjonali. Dawn is-sinjali u marki iridu jkunu ġew approvati mid-Direttorat għall-Immaniġġjar tat-Traffiku qabel ma jiġu mwaħħla jew miżbugħa jew tittieħed xi tip ta' azzjoni fuqhom.

Proġetti Infrastrutturali

Il-Kunsill jidħol għal proġetti infrastrutturali bħal parkeġġi organizzati, tisbiħ ta' postijiet rikreattivi u ġonna u l-manteniment tagħhom.

Twaħħil ta' Ismijiet tat-Toroq

Il-Kunsill huwa responsabbli għat-twaħħil ta' plakek għall-ismijiet tat-toroq.
Tneħħija ta' Vetturi Abbandunati

Il-Kunsill ukoll jista' jgħin fit-tneħħija ta' vetturi abbandunati mit-toroq tal-lokal. Fil-preżent, iżda, dan is-servizz ta' tneħħija ta' vetturi abbandunati (li jinkludu anke dgħajjes) għadu qiegħed jingħata mill-Pulizija.

Tindif ta' Għar Lapsi

Dan ix-xogħol isir mill-kuntratturi tal-Kunsill kif ukoll mill-ħaddiema tad-Dipartiment tat-Turiżmu. Dan is-servizz jinkludi t-tbattil ta' tankijiet taż-żibel, tneħħija ta' skart u imbarazz u tindif ġenerali fuq bażi ta' ħamest ijiem fil-ġimgħa. Matul is-sajf dan is-servizz jingħata wkoll fi tmiem il-ġimgħa.

Żbir ta’ siġar

Regolarment jinżabru s-siġar tat-toroq li jaqgħu fir-responsabbiltà tal-Kunsill. Siġar li qegħdin f'toroq arterji jinżabru mill-Gvern Ċentrali u mhux mill-Kunsill Lokali. Siġar li qegħdin f'siti privati mhumiex responsabbiltà tal-Kunsill.
Iż-żamma fi stat tajjeb tal-latrini pubbliċi

Il-Kunsill huwa responsabbli mit-tindif, iż-żamma fi stat tajjeb u l-manutenzjoni tal-latrina pubblika tal-Pjazza. Din tkun miftuħa kuljum bejn is-7.00 am u s-7.00 pm.
Il-latrina pubblika ta’ Għar Lapsi tkun miftuħa bejn id-9:00 am u l-5:00pm u fis-sajf bejn id-9.00am u l-11.00pm.
Il-latrina pubblika fil-Girgenti tkun miftuħa minn Novembru sa April bejn is-2.00pm u l-5.00pm. Bejn Mejju u Ottubru tkun miftuħa bejn is-2.30pm u s-7.30pm.

Għoti ta' ismijiet ġodda tat-toroq

Il-Kunsill jieħu sehem sħiħ f'kull deċiżjoni dwar l-għoti jew l-għoti mill-ġdid ta' ismijiet lit-toroq tal-lokalità. Kull proposta li jagħmel il-Kunsill tgħaddi lill-Kumitat għall-Ismijiet tat-Toroq fi ħdan il-Ministeru ta' l-Intern. L-ismijiet tat-toroq imbagħad jiġu magħmula pubbliċi fuq il-Gazzetta tal-Gvern.

Il-ħarsien tal-Ġonna Pubbliċi

Il-Kunsill jipprovdi li jsiru, jinżammu fi stat tajjeb u jkun hemm manutenzjoni ta' playgrounds tat-tfal u ġonna pubbliċi.

Librerija Pubblika “Karmenu Vassallo”
Il-Kunsill flimkien mad-Dipartiment tal-Libreriji Pubbliċi jamministra l-librerija pubblika li tinsab fi Triq Dr Nikola Zammit. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma nhar ta’ Erbgħa bejn l-4:00pm u s-6.00pm u l-Ġimgħa bejn it-3.00pm u s-6.00pm.
Minn żmien għal żmien, il-Kunsill jara li jkompli jżid in-numru ta’ kotba li preżentament ilaħħqu ‘l fuq minn 8000 ktieb.

Jagħmel Rakkomandazzjonijiet

Il-Kunsill jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet lil kull awtorità kompetenti għal jew dwar xi skema ta' ippjanar jew bini.

Konsultazzjoni

Il-Kunsill jipproponi lil u meta applikabbli, ikun konsultat minn kull awtorità kompetenti qabel ma' l-awtorità kompetenti tagħmel xi tibdil fi skemi tat-traffiku li jolqtu direttament il-lokalità.

Attivitajiet oħrajn

Il-Kunsill Lokali Siġġiewi jieħu ħsieb ukoll l-aspett soċjali, kulturali, sportivi u edukattiv tar-residenti tal-lokalità tiegħu. Fost oħrajn, għaldaqstant jieħu ħsieb jorganizza:
• Jum is-Siġġiewi li f’serata kommemorattiva annwali persuna, persuni jew għaqda tingħata jew jingħataw L-Onorifiċenza Siġġiewi
• Wirja Agrarja Annwali fil-Pjazza tas-Siġġiewi
• Mixegħla tas-Salib tal-Għolja fil-jiem tal-Ġimgħa l-Kbira
• Mixegħla tal-Pjazza u t-toroq tal-madwar fil-jiem tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
• jorganizza korsijiet ta’ tagħlim dwar il-computer, arts and crafts għat-tfal, u korsijiet oħrajn tal-ganutell, bizzilla, eċċ.,
• jorganizza ħargiet għall-familja kollha
• kull sena jikkordina l-għoti b’xejn ta’ injezzjoni kontra l-influwenza għal dawk il-persuna li għandhom aktar minn 55 sena.
Servizzi oħrajn għar-residenti offrut mill-Kunsill Lokali Siġġiewi huma dawk offruti mill-uffiċini tal-Kunsill, bħalma huma:
Għajnuna liċ-Ċittadini
Il-Kunsill jgħin liċ-ċittadini billi jipprovdi, bl-għajnuna ta' l-awtoritajiet kompetenti, tagħrif dwar il-jeddijiet taċ-ċittadini b'mod generali, bħal tagħrif dwar jeddijiet tal-konsumatur, trasport, kommunikazzjonijiet, faċilitajiet ta' turiżmu, taxxi, sigurtà soċjali, saħħa pubblika u ħwejjeġ oħra ta' siwi u interess pubbliku.
Ħlas ta' Ċitazzjonijiet
Iċ-ċitazzjonijiet mogħtija mill-Gwardjani Lokali kif ukoll dawk mogħtija mill-Pulizija jew uffiċċjali tal-MEPA jistgħu jitħallsu fl-uffiċju tal-Kunsill. Il-ħlas jista' jsir permezz ta' flus "cash", biċ-ċekk jew "on-line" fuq http://www.les.gov.mt.
Ħlasijiet ta' Kera
Il-ħlasijiet tal-kera ta' proprjeta` tal-Gvern jista jsir fl-uffiċji tal-Kunsill fi żmien 21 ġurnata mid-data tal-kont. Il-ħlasijiet jistgħu isiru wkoll b'ċekk, brank draft jew money order fir-Revenue Collection Section tad-Dipartiment ta' l-Artijiet. Dawn iridu jkunu pagabbli lill-Kummissarju ta' l-Artijiet. Id-Dipartiment ta' l-Artijiet ma jaċċettax ħlasijiet "cash" u ma' kull pagament irid jintbagħat il-kont oriġinali.
Kemm-il darba ikun hemm problema rigward xi kont, wieħed jista' jżur l-uffiċċju tad-Dipartiment ta' l-Artijiet bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa (mit-8:00am sa' nofsinhar) jew iċempel fuq 21224016/7; 21242047/8 jew 21235269.
Internet Kafe
Illum l-uffiċċju tal-Kunsill huwa mgħammar b'numru ta' kompjuters għall-użu tar-residenti u tal-pubbliku in ġenerali. B'dan il-mod, aktar nies ta' kull età jitħajru jagħmlu użu minn mijiet ta' servizzi offruti permezz ta' l-internet, speċjalment dawk offruti mill-Gvern Ċentrali. Biex jagħmel użu miċ-ċentru ta' l-internet tal-Kunsill, wieħed irid jasal sa l-uffiċċju tal-Kunsill. Wieħed jista' jagħmel użu mill-kompjuters waqt il-ħin tal-ftuħ ta' l-uffiċċju tal-Kunsill jiġifieri bejn it-8:30am u nofsinhar.

Ħrug ta’ Permessi
Il-Kunsill joħroġ permessi għal:

• tpoġġija ta’ skips f’postijiet pubbliċi
• użu ta’ makkianrju bħal ma huma cranes, eċċ.,
• għeluq ta’ toroq
• permessi għal attivitajiet fil-pjazza u df’postijiet pubbliċi oħra, kif ukoll BBQs f’Għar Lapsi
• attivitajiet oħrajn fil-lokalità
• permessi għal tqegħid ta’ kiosks fi żmien il-festa kif ukoll tqegħid ta’ mwejjed u siġgijet fil-festa.
Kuntratturi reġistrati ma’ l-ADT iridu japplikaw mill-Uffiċċju tal-Kunsill għall-permess tat-tqattigħ tat-toroq.
Sabiex jinħareġ il-permess, Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jkun hemm il-ħtieġa ta’ servizz ta’ Gwardjan Lokali.
Xogħol f’toroq prinċipali u f’dawk it-toroq li minnhom jgħaddi s-servizz tal-karrozzi tal-linja għandu jiġi avżat mill-anqas ġimgħa qabel.

Kuntatt dirett

Il-Kunsill Lokali Siġġiewi jemmen ħafna fil-bżonn li jżomm kuntatt dirett mar-residenti għaliex b'dan il-mod wieħed jista' dejjem iżomm aġġornat dwar x'qed jiġri fil-lokalità kollha u xi jkunu l-bżonnijiet u r-rikjesti tar-residenti. Għaldaqstant, barra li l-uffiċċju jkun miftuħ kuljum sabiex jilqa' l-ilmenti u s-suġġerimenti tar-residenti, illum il-ġurnata huwa wkoll mgħammar b'sistema kompjuterizzata biex dawn l-ilmenti jiġu solvuti b'aktar effiċenza.

Bla dubbju ta' xejn, jinżamm kuntatt regolari mar-residenti ukoll permezz ta' gazzetti, flyers u ċirkulari biex, kemm jista' jkun kull aħbar u aġġornament jasal fir-residenza tan-nies tal-lokal fl-inqas żmien possibli.

Laqgħa annwali tal-lokalità

Kuntatt dirett jinżamm ta' kull sena bejn Frar u Marzu, fejn ir-residenti kollha tan-Siġġiewi jiġu mistiedna għal-Laqgħa Annwali tal-lokalita fejn kull persuna tista' tgħaddi lmenti, suġġerimenti u opinjonijiet direttament lill-membri tal-Kunsill.

Responsabilitajiet li mhumiex tal-Kunsill

Dawk il-bżonnijiet u problemi li mhumiex responsabiltajiet diretti tal-Kunsill ma jintesewx minn dan il-Kunsill, iżda fejn hu possibli, jintbagħtu ittri f'isem ir-residenti u jsiru laqgħat ma' Ministri u Diretturi ta' Dipartimenti diversi.
L-aktar servizz riċenti li nħoloq huwa dak ta' l-infurzar tal-liġi permezz tal-Gwardjani Lokali, fejn il-Kunsill jikri numru ta' siegħat ta' servizz tal-Gwardjani b'rotot imħejjija mill-istess Kunsill.