Santa Luċija

Aktar Postijiet ta' interess

Print this page

Ġnien is-Serenita'

Is-Simoliżmu fil-Ġnien taċ-Ċiniżi

L-Elementi ewlenin tal-Ġnien taċ-Ċiniżi

Minn żmien il-qedem, il-ġnien Ċiniż, issimbolizza dinja li jiżboq dak li jidher jew ikun meħtieġ u jiġbor fih riflessjoni wiesgħa ta’ ħsibijiet u għażliet. Il-ġnien Ċiniż jipprovdi sfog għaċ-ċittadin sabiex jimraħ fi ħsibijietu ħielsa minn kull xkiel. Il-bniedem li jintona ruħu man-natura jirbaħ is-saħħa tal-moħħ u jgħix ħajja twila.

Hemm tliet prinċipji li fasslu l-ġnien Ċiniż sa minn aktar minn tlett elef sena ilu sa’ llum. L-ewwel, il-ġnien kellu jkun jaqbel ma’ l-ambjent tal-lokal u l-għamara tiegħu tkun aktar qisha naturali milli xogħol il-bniedem, aktar spontanja u ta’ għażla milli simetrika u elaborata, aktar toffri sorpriżi milli sempliċita. It-tieni, l-ġnien kellu jkun jirrifletti dinja fiha nfisha, kompleta fil-ħsieb, mikrokosmu. Il-fażijiet kollha tan-natura qegħdin hemm għas-servizz tal-bniedem fi ħsibijietu. Il-ġnien fih l-elementi bażiċi tad-dinja, il-jang u l-jin, permezz ta’ xibka minsuġa jew aħjar bizzilla ta’ blat u ilma, magħġuna flimkien fl-ispazju limitat disponibbli iżda f’arkitettura konsistenti u estetika mill-isbaħ. It-tielet, minħabba ċ-ċokon tiegħu l-ġnien Ċiniż kellu jokkupa l-ispazju b’tali mod li l-għażla li joffri tkun issuġġerita. Wieħed ma jistax jara kollox f’salt, iżda minn kull post wieħed jinduna li għad fadal x’jara, l-bidla kontinwa ta’ l-elementi użati tissuġġerixxi varjeta infinita ta’ esperjenzi.

l-aktar żewġ elementi importanti fil-ġnien Ċiniż huma l-blat u l-ilma. L-għaġna tagħhom flimkien jiffurmaw l-arkitettura u l-ortikultura. Il-blat u l-ilma jissimbolizzaw dak kollu li jifforma l-bażi tan-natura, il-jang u l-jin, dak kollu li jaghti l-ħajja. Il-blat huwa l-ġisem tad-dinja bl-għoljiet u l-widien bħala l-arterji li fihom jimxi d-demm. L-ilma huwa r-ruħ tad-dinja, dak li jipprovdi l-ossiġenu, n-nifs, is-sħab magħmul likwidu, d-demm li jiġri fil-vini. Il-blat jissimbolizza dak kollu li hu attiv, il-ħidma, il-forzi tax-xogħol; l-ilma dak kollu li hu kontemplattiv, dak kollu li jikkomplimenta x-xogħol, il-ħsieb, il-ħelsien, is-skiet, ir-riflessjoni, f’kelma waħda s-serenita`.

Mit-Twelid sal-Maturita`

Ġnien is-Serenita` f’Santa Luċija, għaldaqstant, jissimbolizza l-ħajja, l-ħajja sħiħa, mit-twelid sal-mewt. Il-funtana, kif tidħol hija xbiha tat-twelid, bil-figura ta’ l-Omm (il-ma) fl-isfond, bl-ilma imqanqal u jbaqbaq waqt il-ħlas, kif ikun kull ħlas, u bil-wild jaqbeż ix-xifer tal-funtana bħal ma’ tarbija, qisha bla ma trid qed tikkawża l-uġigħ li jġib il-ferħ, il-ferħ ta’ ħajja ġdida. Tibda t-tfulija.

It-tfulija hija rappreżentata mill-ispazju ta’ bejn il-funtana tad-dħul u l-bieb tal-ġnien, il-bieb tal-maturita`. Bħal fil-ħajja, hemm żewġ toroq. Waħda dritta bla inkwiet, bla diffikulta`, serena, taħt il-gwida u l-ħarsa tal-ġenituri u l-oħra imserrpa, kollha avventura, perikli, tidwir u barra mill-ħarsa tal-ġenituri.

Il-ġenituri huma minquxa fil-figuri taż-żewg iljuni, wieħed raġel b’ħarsa maskili jiġbor fih is-saħħa u l-ħarsien ta’ missier li hu; l-oħra mara, femminili bil-ferħ tagħha f’idha, b’ħarsa tenera, b’inpenn ta’ bżulija, mħabba u ferħ.

Mit-tfulija wieħed jgħaddi għall-maturita`. Din il-għatba, li fil-ħajja, kull persuna trid taqsam, toffri merħba permezz ta’ portiku li joffri kenn sakemm tidħol ġewwa. Ġewwa wieħed jibda tfittxija għal għeġubijiet tal-ħajja (Wu) bħal ma hemm miktub fuq il-bieb min-naħa ta’ ġewwa. Hawnhekk il-blat immatura u joffri ruħu bħala maħżen ta’ għerf u ta’ enerġija għal ħajja. Huwa poġġut bħal xi xbieha ta’ alla, qisu fuq altar, mdawwar bi pjanti u fjuri. Il-kliem ta’ wara l-blat jgħid: "Il-hena tal-ġenna". Hawnhekk tibda l-għazla tal-ħajja. Fin-naħa tal-lemin hemm bieb ċkejken iżda li jagħtik merħba speċjali bil-portiku elaborat li għandu u jistiednek għal jum ta’ ħidma wara li jagħtik l-għodwa t-tajba; minn hawn issib ruħek fil-kurutur ta’ ħajja attiva – is-sebħ ta’ ħajja ġdida.

Ħajja Attiva

Il-kuritur huwa f’forma ta’ zig-zag sabiex niftakru li l-ħajja attiva hija mimlija tidwir u diffikultajiet. Saħansitra l-pont huwa zig-zag. Ħafna drabi fil-ħajja attiva m’aħniex weħidna, l-kuritur huwa mgħotti b’simbolu tal-wens li nsibu f’dawk li għażlu l-istess stat ta’ ħajja bħal tagħna.

Iżda l-ġnien Ċiniż jipprovdi għażla ta’ esperjenzi. Għaldqstant in-naħa l-oħra hemm bieb tond forma ta’ qamar bil-kliem minqux fuqu "Il-mogħdija għal irtir" – irtir spiritwali- maqtugħ mill-kotra tan-nies. Din il-mogħdija hija dik li fiha hemm il-liberta` tal-ħsieb, iżda mhux il-ħsieb, imsawwar f’rokna mdallma, iżda l-ħsieb imfassal fuq l-osservazzjoni tan-natura ħajja; fuq smigħ tal-mużika ħelwa tal-ħsejjes, tpespis, u tfesfis tan-natura; fuq l-għożża tal-qawsalla ta’ lwien li toffri n-natura u għala le, fuq ir-riflessjoni tal-ħajja attiva. Sabiex jinħoloq l-ispazju għal din il-varjeta` ta’ ħsibijiet ebda ġnien Ċiniż ma huwa strutturat bħala ġnien wieħed. Kull ġnien huwa fir-realta` ħafna ġonna bl-ispazju mqassam bejn ħsieb u ieħor b’ħitan, kurituri msaqqfa, u kmamar f’kuruna, sekwenza, kważi kważi kantaliena ta’ spazji, kull wieħed xort’oħra sabiex ipproduċu serje ta’ esperjenzi differenti u kuntrastanti. B’dan il-mod, il-ġnien inissel sens ta’ kontinwita`, ħaġa wara l-oħra, bla tmiem.

Ħajja Kontemplattiva

Il-ħajja kontemplattiva tibda fil-ġnien tal-bambu`. Il-qasab tal-bambu` joħolqu tvenvina msaħħra fiż-żiffa ħelwa, u l-weraq tari tagħhom jiffurmaw forom u dellijiet bla tarf u bla qies biż-żifna tagħhom għall-istess żiffa. Id-disinn, qisu bizzilla, ta’ kull tieqa huwa differenti wieħed mill-ieħor fil-ġnien kollu sabiex jikkumplimenta l-idea tal-varjeta` infinita ta’ ħsibijiet. Minn din it-taqsima wieħed jista’ jilmah biss l-ilma ta’ l-għadira, iżda jista’ jisma’ l-ħoss tal-kaskata, ta’ l-ilma nieżel fuq il-blat li jitma’ l-għadira. Din l-għaġna tal-blat u ilma tista’ tirrifletti aktar fil-fond fuqha billi tagħraf is-sustanza tal-familja ta’ stalagmiti mlewna li hija taħlita ta’ blat u ilma li tqattar minn xi saqaf ta’ għar (l-għamara tal-eretiċi), tagħqad u titla’ mill-qiegħa u dejjem tilħaq qċaċet ġodda. Fuq il-bieb qamar min-naħa ta’ ġewwa hemm minqux il-kliem "ħaxix ħadran jistaħba" qisu qed jilgħab noli wara l-qamar jew qed jibki il-mergħat tal-ħajja attiva li ħalla warajh.

Sewwa sew f‘nofs din it-taqsima nsibu bieb fjura b’qisu reklam fuqu li jgħid "ix-xandir tal-fwejjaħ ħelwin" jistiednek tidħol ġo ġnien ċkejken għal riflessjoni aktar profonda u aktar personali. Minn dan il-ġnien gustuż tista’ tirrifletti fuq id-dellijiet imxerrda ‘l hawn u ‘l hinn b’ħafna spazju bejniethom fil-ġnien tal-bambu`; jew jisma’ geġwiġija ta’ ħsejjes tal-ħajja attiva, bħal gozz ġnieġel iċenċlu jew inissel f’qalbu xewqa għall-grazzja u l-ħlewwa fl-imġiba u fid-dehra. Din ix-xewqa titwettaq meta tidħol fid-dar – kamra msaqqfa, bl-ilma għaddej minn taħtha u bil-gallerija fuq l-għadira. Din il-kamra hija msejħa "Dar l-għaxqa taċ-ċafċif". Hawnhekk is-skiet isaltan u titkellem biss il-poeżija miktuba mal-pilastri: "Qalb it-tixjir tal-qasab u l-għana taċ-ċaqliqa taż-żnuber, tfur il-grazzja u l-ħlewwa, tant li fid-dawl tal-qamar u fiż-żiffa tal-lejl id-dell tal-pont u tal-paviljun ma jitħarrikx". Minn din id-dar toħrog għal kuritur imkenni li jwasslek sal-paviljun kwadru msejjaħ "L-istennija tal-qmar". Hawnhekk nitrejqu bil-kliem ta’ poeżija oħra "Is-sħab itir ‘l fuq aktar fil-għoli, il-qamar jiddi fl-għadira aktar ileqq" allegorija fuq l-eqqel tal-ħsieb ħieles. Fit-tarf tal-poġġaman tal-gallarija hemm iljun żgħir bi tbissima f’ħalqu jistiednek tissaħħar bl-għeġubijiet tan-natura u tal-ħsieb.

In-naħa l-oħra ta’ l-għadira, f’nofs il-kuritur tal-ħajja attiva hemm paviljun ieħor, din id-darba b’sitt kantunieri. Hawnhekk b’kuntrast ma’ dak ta’ erba’ kantunieri, tal-faċċata, "is-sħab jitlajja qisu ma jridx jiċċaqlaq". Anke fil-ħajja attiva hemm mumenti ta’ riflessjoni. Hawnhekk niflu dak li għadda minn għalina u nfasslu ġejjieni aħjar. Għalhekk hawnhekk ukoll insibu familja ta’ stalagmiti mlewna li jxenquna biex naħdmu għal żvillupp sħiħ. Fl-għadira hemm żewġ gżejjer żgħar sabiex ifakkruna li fid-dinja hemm ukoll post – dak li hu maqtugħ għalih waħdu. Fost dawn hemm min jibqa’ għeri u ħsibijietu ma jwasslu mkien u hemm min jasal biex jgħarraf il-verita u ħsibijietu jħaddru u joffru s-serħan.

Il-Komunita`

Il-ħajja attiva twassal dritt għall-parteċipazzjoni fil-komunita` filwaqt li dik kontemplattiva tippreżentalna triq imħarbta sabiex twassalna għall-parteċipazzjoni sħiħa fil-komunita`. Din it-triq tinkludi ringiela ta’ ġebel fl-għadira biex wieħed jaqsam minn fuqhom, b’sagrifiċċju għalih biex jingħaqad mal-komunita`. F’tarf it-triq hemm kaskata li minnha jinżel gelgul ta’ ilma li jmantni l-għadira. Dan huwa l-frott ta’ l-għaqda fil-komunita`, l-għajxien ta’ kull membru, ta’ kull individwu hu x’inhu l-istat ta’ ħajja li għażel. Dan kollu huwa rappreżentat fis-sala l-kbira – is-sala panoramika – minn hawn ix-xena turi sa fejn timrah l-għajn jew sa fejn iwassal il-ħsieb. Din is-sala hija msejħa "Is-sala mimlija ritmu safi, abjad silġ". Dan ifisser li l-komunikazzjoni, d-djalogu u l-għaqda jsaffu r-ruħ u jissarfu fil-paċi, s-sliem u l-ġid. Din is-sala tilqa’ fiha lil kulħadd, tant li għandha portiku ma’ kull naħa – dawramejt. Fin-naħa ta’ barra fis-saqaf hemm farfett il-lejl, b’rasu ħierġa min-naħa u denbu min-naħa l-oħra; dan huwa simbolu tal-ferħ u l-hena li ġġib magħha l-għaqda. Naħa minnhom hemm munita li tfisser il-ġid li jinħoloq bil-għaqda u n-naħa l-oħra hemm ħawha li tfisser ħajja twila ferħana.

Il-poeżija mal-pilastri ta’ barra li jagħtu għal fuq it-terrazzin fuq l-għadira tgħid hekk: "madwar il-bieb ta’ barra l-qala kollha fjuri xxerred fwejjaħ ħelwin; ‘l hinn mill-ħitan tal-belt l-għoljiet iferrxu l-mergħat fil-bogħod".

Din tfisser li ebda komunita` ma tgħix weħidha u għaldaqstant il-ġid li joħroġ minnha jitwassal bl-ilma u l-blat u fwejjaħ tagħhom lill-komunitajiet viċini, ġirien u bil-ħsieb lil dawk ‘il bogħod.

Wara din is-sala fi speċi ta’ ħofra hemm spazju kbir. Hawnhekk jispiċċa kollox u kulħadd. Il-blat jidħol ġo l-art u l-ilma jidħol taħt l-art ġo bir. Meta wieħed iħares fil-bir jilmaħ ix-xbieha ta’ wiċċu stess sabiex jiftakar li hu wkoll għandu jmut u jgħaddi għal ħajja oħra, ħajja li tibda f’livell aktar ‘l fuq sabiex tilħaq quċċata ġdida mibnija fuq ħajjet dawk li ġew qabilna b’hekk nirbħu serħan il-moħħ u ħajja li ma tispiċċa qatt – ‘l fuq mis-sħab u l-qamar u aktar profonda minn qiegħ l-għadira jew qiegħ il-baħar u tisboq kull għar.

Franco Serracino Inglott (1948-2002)

Ex-Direttur Ġenerali ta’ l-Agrikoltura