Santa Luċija

Knejjes

Print this page

IL-Kappella Li Minnha Ħadet Isimha Santa Luċija

L-isem "Santa Luċija" ħareġ mill-Kappella li tinsab fil-qrib u li fiż-żmien kienet dedikata lil Santa Luċija. Kif wieħed joħroġ minn Ħal Tarxien u jaqbad it-triq għall-Gudja, (illum tinsab fil-konfini ta’ Santa Luċija), wieħed jiltaqa’ ma knisja żgħira li kienet inbniet fl-1535 fuq biċċa art tal-Katidral ta’ Malta. Din kienet Kappella ‘Kanonikali’ għax mir-renti li kienet iddaħħal mill-artijiet li kellha din il-knisja kien joħroġ il-ħlas tal-prebenda (kanonikat) ta’ kanonku tal-Katidral ta’ Malta. L-obbligu ta’ dan il-ħlas kien li tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Santa Luċija, u jitqassmu xi flus u ikel lill-foqra nhar il-festa. Din id-drawwa kienet għadha ssir sa żmien l-aħħar gwerra (1939-45). Din il-kappella kienet nbniet mill-ġdid minn nobbli Paola Pellegrino u s-sagristija li hemm mal-ġenb tagħha nbniet billi hallas għall-ispejjeż Wiġi Agius, bidwi li kien jieħu ħsieb din il-kappella. Il-kwadru titulari kien juri fih lill-Madonna bil-Bambin u Santa Luċija għarkobbtejha f’riġlejn il-Madonna. Jingħad li xi pellegrini kienu jżuru din il-knisja tant li f’rokna taz-zuntier li hemm quddiem din il-knisja kien hemm bir biex jipprovdi l-ilma minħabba li l-post fejn hi mibnija l-knisja kien meqjus bħala deżert. Il-festa kienet issir fi-13 ta’ Diċembru u kienu jinżlu l-Monsinjuri tal-Katidral. Meta dan ma baqax isir, il-Kappella waqgħet f’idejn il-Kappillan ta’ Ħal Għaxaq u llum tinsab mitluqa u dejjem magħluqa.

Parroċċa San Piju X


Fl-20 ta' Settembru 1966 ġie ffirmat kuntratt fejn il-gvern għadda lill-awtoritajiet tal-Knisja 1429 qasba kwadra ta' art b'ċens perpetwu ta' lira. L-ewwel ġebla ġiet imqiegħda fis-6 ta' Novembru 1969 minn Monsinjur Arċisqof Mikiel Gonzi. Taħt din il-ġebla ġiet imqiegħda kitba bid-dettalji kollha ta' din l-okkażjoni u ġie stabbilit f'din il-ġurnata li t-titular ta' din il-knisja kellu jkun San Piju X. Ix-xhieda ta' din iċ-ċerimonja kienu l-Monsinjur Dun Franġisk Xuereb u l-Kavalier Antonio Cassar. Ix-xogħol beda miexi ġmielu taħt it-tmexxija ta' Dun Manwel Mifsud. Il-Periti kienu Italo Raniolo u Edgar Caruana Montaldo. Ir-residenti kienu jgħinu b'kull mod; donazzjonijiet u organizzazzjoni ta' diversi attivitajiet biex jinġabru l-fondi għall-bini ta' din il-knisja. L-Arċisqof Mikiel Gonzi nnifsu ta Lm300 u l-Kavalier A. Cassar ħareġ is-somma ta' Lm100. Kien hemm persuni oħrajn li ħarġu l-flus għall-bini tal-knisja. Dawn ta' l-aħħar riedu li jibqgħu anonimi fuq talba tagħhom stess. Hawn wieħed jista' jgħid li minn dawn il-benefatturi li semmejt l-aħħar, saret pressjoni fuq l-Arċisqof Mikiel Gonzi biex il-Knisja tiġi ddedikata lil San Pija X. Insemmi wkoll li Dun Amator Gambin li ħadem xogħol manwali fil-ġebel biex b'hekk ukoll permezz ta' din il-ħidma ta' dan is-saċerdot jonqsu l-ispejjeż tal-bini.


Il-Knisja kienet lesta għal kollox, meta b'digriet maħruġ nhar it-8 ta' Lulju 1969 mill-Kurja Arċiveskovili kien jgħid li b'effett mis-27 ta' Lulju 1969 il-Knisja ddedikata lil San Piju X tkun eretta bħala parroċċa; tgħid ukoll li l-ewwel Kappillan kellu jkun Dun Ġużepp Buġeja B.A., Lic.D. Dan kien saċerdot mill-Imqabba, fl-eta' ta' 29 sena u sena bħala segretarju privat ta' l-Arċisqof Gonzi. Iċ-ċerimonja tal-pussess ta' Kappillan saret fil-Knisja proviżorja nhar l-10 ta' Awissu 1969. Fl-istess ġurnata tal-pussess l-Arċispof Gonzi amministra s-sagrament tal-Griżma lil 46 tifel u tifla. Fl-istess ġurnata l-Kappillan għammed l-ewwel tarbija fil-parroċċa Vania Josette Scicluna. L-ewwel żwieġ f'din il-parroċċa sar fl-10 ta' Jannar 1970, bejn Paul Scerri u Mary Frances Attard. L-ewwel mewt f'din il-parroċċa ġdida kien Carmelo Attard ta' 80 sena li miet nhar it-2 ta' Frar 1970.

B’dan kollu fl-4 ta’ Ġunju 1972 sar it-tberik tal-Knisja l-ġdida. Fiha naraw l-artal maġġur li sar fuq disinn ta’ Ġanni Bonnici. Dan sar fi Pietra Santa, fl-Italja mid-ditta Marmorificio Luisi. Il-kurċifiss li jiddomina l-knisja wara l-artal imsemmi, l-Madonna minquxa fl-injam li naraw fil-ġenb, il-kappella tas-Sagrament kif ukoll il-Via Sagra huma xogħlijiet sbieħ tal-istess Ġanni Bonnici.

Taħt il-kwadru ta’ San Piju X, hemm Kallotta ta’ dan il-Papa qaddis. Din ingħatat lill-Parroċċa mill-Kanonku Arċipriet ta’ San Pawl Dun F. Calleja Gera meta kien għadu seminarista. Din ġiet akkwistata minn dan is-seminarist meta kellu udjenza mal-istess Papa u bidel dik li kellu f’rasu mal-wahda li taħ dan is-seminarist. B’hekk din tinsab fil-parroċċa dedikata lil dan il-qaddis.

Naturalment issa ma kienx hemm bżonn li tintuża aktar il-kappella proviżorja u għalhekk issa saret Każin Lokali tal-Partit laburista u wara bdiet tintuża bħala berġa (klinika). F’din il-kappella proviżorja saru 87 magħmudijiet. L-ewwel magħmudija li saret fil-knisja ġdida dedikata lill-San Piju X kienet ta’ Bernadette Mintoff nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju 1972, l-ewwel żwieġ illi sar f’din il-knisja kien bejn Emanuel Spiteri u Ophelia Marija Demicoli fl-1 ta’ Lulju 1972 u l-ewwel funeral li sar kien ta’ Ġużeppi Ripard nhar is-16 ta’ Frar 1973.

Dak in-nhar tal-4 ta’ Ġunju 1972 sar programm speċjali u waqt li l-Arċisqof Gonzi bierek il-Knisja saret ukoll l-ewwel tqarbina tat-tfal. Filgħaxija saret il-Griżma mill-Isqof Emanuel Gerada. Inkixfet lapida li tfakkar din l-okkażjoni u dan il-jum. Ħadu sehem l-iscouts tal-Marsa u anke sar programm mużikali mill-orkestra “Malta Żagħżugħa” waqt li saret mixegħla ġenerali bil-fjakkoli. Il-Kappillani li mexxew sa issa din il-Parroċċa San Piju X, barra dak l-ewwel wieħed Dun Joe Bugeja (1969-79) li wettaq sat-tmiem il-bini tagħha, kienu Dun Charles Cordina mill-1979-88 u Dun Joe Magro li beda fl-1988 sal-1996 it-tnejn mir-Raħal Ġdid u Dun Gordon Refalo minn tas-Sliema li beda l-ħidma tiegħu bħala Kappillan fid-29 ta’ Novembru 1996