Il-Birgu (Città Vittoriosa)

Informazzjoni dwar il-lokalita'

Print this page

L-istorja tal-Birgu (Città Vittoriosa) tista’ tinqasam kif ġej:

Żminijiet Pre-istoriċi u l-Perjodu Klassiku:
Minn xhieda storika, l-ewwel abitanti li nafu bihom li ħakmu l-gżira kienu l-Feniċi, li dwarhom nafu li kienu bnew tempju f’dil-belt iddedikat lill-alla tutelari tagħhom. L-istorja bikrija tal-Birgu (Città Vittoriosa) mhijiex magħrufa iżda hemm evidenza minn dokumenti li kien hemm bini importanti fil-Birgu fi żminijiet klassiċi u ta’ qabel dawk medjevali.

Żminijiet Medjevali
L-istorja medjevali tal-Birgu għandha rabtiet mill-qrib mal-istorja ta’ Castrum Maris, (Forti Sant’Anġlu), li nbena mill-Biżantini kmieni fid-9 Seklu. Dan kien l-uniku bini li serva bħala difiża qabel il-bini tas-swar mill-Kavalieri. Maż-żmien kien ukoll okkupat mill-Aragoniżi u mill-Anġevini. Matul dan il-perjodu nbniet il-knisja parrokkjali tal-Birgu (Città Vittoriosa), iddedikata lil San Lawrenz. Eventwalment din kienet l-ewwel knisja parrokkjali li nbniet fil-Gżejjer Maltin. Fil-Birgu (Città Vittoriosa) insibu wkoll żewġt idjar b’lavur Normann li jaħsbu li nbnew fit-tlettax-il seklu.

Il-Perjodu tal-Kavalieri
Mal-wasla tal-kavalieri ta’ San Ġwann f’Malta fl-1530, il-Birgu (Città Vittoriosa) ntgħażel biex ikun is-sede tal-Ordni bil-Forti San’ Anġlu bħala l-kwartier ġenerali tiegħu. L-Ordni minnufih daħlu għall-inkarigu li jtejbu l-ħitan tad-difiża tal-Forti Sant’ Anġlu u mmodernizzaw il-faċċata min-naħa tal-art tal-Birgu (Città Vittoriosa) bi swar u żewġ torrijiet (kavalieri). Inbnew ukoll it-tliet mini ewlenin bħala l-unika daħla tal-Birgu (Città Vittoriosa), magħrufa bħala l-Advanced Gate, il-Mina Prinċipali u l-Couvre Porte. Aktar tard inbnew is-Swar tal-Kottonera li jdawru t-tlitt ibliet tal-Kottonera u li żdiedu mal-Mina tal-Kottonera, magħrufa bħala l-Mina ta’ Notre Dame ġewwa s-sur.  Il-Kavalieri bnew l-ewwel sptar tagħhom fil-Birgu (Città Vittoriosa), is-Sacra Infermeria, f’liema post illum insibu s-sorijiet Benedittini tal-Klawsura u l-knisja sabiħa ta’ Santa Skolastika. Huma qasmu wkoll il-belt tal-Birgu (Città Vittoriosa) f’żewġ partijiet importanti: il-parti tal-Collachio, li kienet riżervata għalihom, u l-post għall-kumplament tar-residenti lokali. Fil-parti tal-Collachio bnew seba’ bereġ, bl-eċċezzjoni tal-Berġa tal-Italja li nbniet qrib il-baħar. Fl-1538, il-Gran Mastru d’Homedes bena dar fil-Birgu biex isservi ta’ Università, li kienet forma ta’ muniċipalità fdata biex tixtri l-ikel u oġġetti essenzjali oħra għar-residenti tal-lokal. Preżentement, fil-Birgu (Città Vittoriosa) għad hemm il-Palazz tal-Kappillani Konventwali tal-Ordni u l-Palazz Maġisterjali, ir-residenza uffiċjali tal-Gran Masru tal-Ordni. Flimkien mal-Kavalier ta’ San Ġakbu fil-Birgu, il-Kavalieri bnew ukoll armerija li, aktar tard, fi żmien il-Gwerra, serviet ta’ Sptar Militari. Bħalissa dal-post qed jintuża mit-Taqsima tar-Restawr.

Il-Perjodu tal-Inkwiżizzjoni

L-inkwiżituri tal-Papa f’Malta kienu joqogħdu l-Birgu fil-Palazz tal-Inkwiżitur. Dal-palazz, li għadu fl-istat oriġinali tiegħu, jinkludi l-qorti tal-Inkwiżizzjoni, iċ-ċelel taħt l-art u l-bitħa fejn dawk misjuba ħatja kienu jingħataw il-mewt.

Żmien l-Ingliżi
Meta l-Ingliżi ġew Malta wirtu dil-belt bin-nies tas-snajja’ tagħha u l-Forti Sant’ Anġlu, li wara sar il-kwartier ġenerali tal-Flotta Ingliża tal-Mediterran. Max-Xatt tal-Birgu l-Ingliżi bnew il-Fran Kbar tal-Qawwi Navali tagħhom, li bħalissa qed iservu bħala Mużew Marittimu.

Il-Birgu (Città Vittoriosa) matul it-Tieni Gwerra Dinjija
Il-Birgu kien ibbumbardjat bla waqfien matul it-Tieni Gwerra Dinjija, li ġabet magħha bidla kbira soċjali. Il-Birgu tilef ħafna mill-postijiet storiċi tiegħu, bħat-Torri tal-Arloġġ u l-Knisja tal-Lunzjata. Xi snin ilu il-Kunsill Lokali Birgu naddaf u reġa’ fetaħ ix-xeltrijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija fil-Birgu. Bħalissa dawn qegħdin fdati f’idejn il-Fondazzjoni Wirt Artna, li stabbiliet Mużew tal-Gwerra fid-daħla ta’ dan ix-xelter.

Il-Birgu (Città Vittoriosa) llum
Flimkien mal-bini importanti msemmi aktar qabel li jinsab fil-Birgu, insibu wkoll diversi binjiet oħra bħall-knisja sabiħa ta’ San Lawrenz u l-Knisja tal-Knisja tal-Annunzjata. Jiġu organizzati wkoll matul is-sena diversi attivitajiet fil-Birgu biex ifakkru l-istorja glorjuża ta’ dil-belt bħal il-Birg Festival u Historical Cities Festival.   Fil-Birgu jiċċelebraw żewġ festi li huma San Lawrenz u San Duminku.