Birkirkara

L-Istorja tal-Lokalita'

Print this page

Fi żmien ir-Rumani, Malta kienet magħquda mal-provinċja ta’ Sqallija. F’dawn iż-żminijiet jidher li l-Maltin kienu stmati tajjeb mir-Rumani. F’Birkirkara nstabu xi fdalijiet li jagħtu xhieda taż-żmien Ruman.

Fl-ewwel żminijiet tal-Ordni n-nies ta’ Birkirkara batew ħafna. Fl-1551 meta t-Torok niżlu fi gżiritna ħarqu u qerdu l-prodotti tal-għelieqi li kellhom il-Karkariżi. Meta l-Gran Mastru La Vallette xtaq li jerġa’ jieħu Tripli minn taħt idejn il-Musulmani, id-djar f’Birkirkara spiċċaw sptar għas-suldati morda u feruti. Fl-Assedju l-Kbir tal-1565, in-nies ta’ Birkirkara kellhom iħallu djarhom u jistkennu wara s-swar tal-Imdina (Città Notabile).

Matul l-aħħar Gwerra Dinjija li bdiet fl-1939 u baqgħet sejra sal-1945 Birkirkara laqgħet elef ta’ refuġjati li ġew mill-ibliet ta’ madwar il-port. Saru wkoll żewġ sptarijiet kbar.

Diversi nies minn Birkirkara nqatlu mill-bombi tal-għadu. L-akbar disgrazzja f’Birkirkara seħħet fit-30 ta’ Lulju 1942, meta bomba kbira waqgħet fi Triq Santu Rokku, qatlet u darbet ħafna nies. Kienu żminijiet koroħ ta’ mard, ġuħ u bombi. Iżda l-poplu kien iħobb igħin u l-firda ma kienx jaf x’inhi.

Tassew għandna biex nitgħallmu.