|
Aktarx li l-oriġini ta’ Birkirkara ta’ żmienna, bħal tal-irħula antiki l-oħra ta’ Malta tmur lura lejn is-seklu ħdax wara li l-gżira kienet ġiet ripopolata wara xi 200 sena minn meta kienet għaddiet taħt l-Għarab Aghlabiti mit-Tunisija. Meta mbagħad lejn nofs is-seklu tnax Malta reġgħet għaddiet fl-isfera Ewropea permezz tan-Normanni u qawwiet oħra li kienu jaħkmu wkoll Sqallija, Birkirkara messha wkoll sehem minn dak li għaddiet minnu l-gżira f’dawk iż-żminijiet fewdali, sa ma fl-1530, Malta ngħatat mir-Re ta’ Spanja lill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.
Sa din l-aħħar sena Birkirkara kienet stabbiliet ruħha bħala wieħed mill-ewlenin irħula u l-aktar popolati tal-gżejjer, hekk li fih u fil-limiti estensivi ta’ madwaru twaqqfet waħda mill-ewwel cappellae jew parroċċi f’Malta. Minkejja li l-Kavallieri ġabu ċerta sigurtà u eventwalment prosperità f’dawn il-gżejjer, Birkirkara kienet sfat imħarbta kemm fl-inkursjoni kbira ta’ Dirghut Rais (1551) u fil-magħruf Assedju l-Kbir (1565). Iżda meta kull ma jmur l-Ordni beda jġib ruħu b’mod aktar awtokratiku mal-Maltin naraw fost l-oħrajn nies ta’ karattru bħal Dun Filippu Borg, kappillan ta’ Birkirkara, li jagħmel ħiltu biex jipprova jirristabbilixxi d-drittijiet tal-Maltin u li waqqaf l-ewwel Kolleġġjata (1630) bil-għan li jipprova joħloq enklavi b’ċerta awtonomija.
|