Floriana

Informazzjoni dwar il-lokalita'

Print this page

Fl-1643 il-Gran Mastru De Paule tawh it-tagħrif li kien qed jitħejja attakk fuq Malta, għalhekk fittex li jġib inġinier Taljan biex jara x’jeħtieġ isir rigward is-swar f`Malta. Ġie l-inġinier Pietru Pawl Floriani, u ra li kien meħtieġ li jinbnew linja ta’ fortifikazzjonijiet ġodda fejn fil-fatt inbnew Bieb il-Bombi u l-Crown Works. Fl-ispazju bejn dawn il-fortifikazzjonijiet u bieb il-belt inbniet il-Floriana.

Fi żmien il-Gran Mastru Vilhena sar ħafna bini importanti f’dan il-wesgħa. Kien dan il-Gran Mastru li bena post għalih u li wara beda jintuża bħala suq. Dal-post illum huwa Montgomery House, magħruf ukoll bħala l-post tal-Middlesea Insurance.

Il-Floriana kompliet tikber b’aktar bini. Sal-1830 ta’ żmien l-Ingliżi kellha mal-1,133 dar u 5,666 ruħ. Minn wara l-gwerra ‘l hawn rajna bosta ftuħ jimtela b’aktar bini. Fiċ-ċensiment tal-1985 naraw li fil-Floriana kienu joqogħdu 3,327 ruħ. Wara l-popolazzjoni bdiet tonqas, minkejja li bħala post il-Floriana tgawdi minn ħafna bini u ġonna sbieħ.

Fost dawn hemm il-ġnien tal-Argotti, li kien sar biex jitkabbru xtieli mediċinali fih biex jintużaw mill-Kavallieri Ospitaljieri ta’ San Ġwann. Il-ġnien ta` San Filippu, magħruf bl-isem ta` ‘‘Ġnien tal-Ġenerali’’, jagħmel parti mis-sezzjoni l-privata tal-Argotti. Dan il-ġnien jinsab f`livell aktar baxx mill-ġnien ewlieni u d-dħul għalih isir minn mal-ġenb tad-dħul ewlieni li twassal għal funtana qadima li qabel kienet fil-misraħ tal-palazz. Quddiem il-kanċell tal-Ġonna ta’ l-Argotti tinsab l-għajn tal-ilma sabiex tfakkar il-wasla ta l-ilma fil-Furjana u l-Belt Valletta fi żmien il-Gran Mastru Wignacourt.

Qrib dawn il-ġonna hemm ġnien ieħor imsemmi l-Mall. Kien sar mill-Gran Mastru Lascaris fis-sena 1656 fejn jieħdu r-rikreazzjoni l-Kavalieri bil-logħba tal-ballun imsejħa l-Maglio. Fi żmien il-Gvernatur Sir Alexander Ball, tħawlu s-sigar u l-fjuri, u nfetaħ għall-pubbliku.Wara l-gwerra dan il-ġnien neħħewlu l-ħitan li kienu jagħlquh u b’hekk ġie jidher aħjar. F’dan il-ġnien insibu wkoll diversi monumenti ta’ Maltin prominenti, fosthom Luigi Preziosi u Sir Filippo Sciberras.

F’dawn l-inħawi nsibu wkoll il-fosos tal-qamħ ta’ żmien l-Ordni. Minħabba l-irranġar tat-toroq u t-tlugħ ta` bini ġdid li sar, ittieħdu xi fosos u ntradmu. Illum il-fosos għadhom jintużaw. Insibu wkoll il-Monumenti tal- Gwerra u dak iddedikat lill-piloti tal-ajruplani tal-gwerra.

Monument sabiħ li jfakkar il-Kungress Ewkaristiku tal-1913 insibuh f’dawn l-inħawi, fi Vjal ir-Re Dwardu VII, jew aħjar fil-parti msejħa “il-Biskuttin” (quddiem il-lukanda Phoenicia). Din l-istatwa artistika magħrufa bħala Kristu Re hija xogħol l-iskultur Malti Antonio Sciortino.

Bini sabiħ huwa l-knisja tal-metodisti u ċ-ċentru magħruf bħala l-Connaught House li nben bħala każin fejn jiltaqgħu n-nies tas-servizzi. Jinsabu wara l-kappella ta’ Sarria, bini tond li ftit ilu ġie restawrat.

Tkompli nieżel minn din in-naħa u tara l-famuż iljun tal-Floriana li tqiegħed hemm mill-Gran Mastru Vilhena. Minn hawn it-triq tkompli għax-xaqliba l-oħra tal-Floriana fejn insibu knisja u kunvent tal-patrijiet Kapuċċini u ċentru tas-saħħa. Jekk umbagħat taqbad nieżel tkompli tgawdi l-veduta b’żewġ ġonna oħra. Bejn dawn iż-żewġ ġonna hemm l-isptar b’veduta quddiem il-port u mdawwar bil-Kalkara Gardens. Dan l-isptar oriġinarjament issemma King George V Merchant Seamen`s Memorial Hospital imma llum nafuh bħala l-Isptar Boffa.

Il-Kunsill Lokali tal-Floriana jieħu ħsieb l-amministrazzjoni mogħtija lilu li tirrigwarda l-ħajja tal-kuljum tar-residenti tal-Floriana.