Il-Fontana

Informazzjoni dwar il-lokalita'

Print this page

Il-Fontana, magħrufa sempliċiment bħala t-Triq tal-Ghajn għall-Għawdxin, tieħu isimha minn għajn rikka f’tarf it-triq tal-villaġġ, magħrufa bħala l-Għajn il-Kbira, l-għajn prinċipali.

L-għajn tiġri qrib il-post fejn it-tlitt widien, Wied il-Lunzjata, Wied Siekel and Wied tas-Saqwi, jiltaqgħu f’Wied ix-Xlendi. Il-villaġġ għaldaqstant kif inhu xieraq huwa msejjah il-villaġġ tal-widien u tal-fawwara.

Il-villaġġ jitla’ mal-għolja li minn nofsinhar tal-belt tar-Rabat (Città Victoria) tinżel lejn Wied Siekel fuq il-lvant u Wied il-Lunzjata lejn il-punent. L-ewwel djar inbnew madwar l-għajn prinċipali, fejn Wied il-Lunzjata jiltaqa’ ma’ Wied Siekel biex jiffurmaw Wied ix-Xlendi. L-ewwel li marru joqogħdu fil-post kienu l-bdiewa li ħadmu l-għelieqi li kienu jinsabu fil-viċinanza. Dil-kolonizzazzjoni llum hija magħrufa bħala dik Ta` Wied Siekel fuq naħa, u dik Ta` Ghajn Tuta, fuq in-naħa l-oħra.

Dawk l-għelieqi maġenb l-ewwel kolonizzazzjoni li qegħdin għat-telgħa huma magħrufa bħala Ta` Mulejja u dan kien il-post li ġie abitat wara l-ewwel waħda. Minn hemm 'l hemm il-villaġġ ma baqax jiżviluppa aktar ‘il fuq, fejn kien wisq għoli, iżda mexa lejn parti fir-Rabat magħrufa bħala Santa Dminka. Din il-parti eventwalment saret magħrufa bħala Tal-Isptar San Ġiljan. L-iżvilupp suċċessiv, u l-aħħar wieħed għaż-żewġ sekli ta' wara, kien fejn dawn iż-żewġ partijiet jiltaqgħu ‘l fuq lejn Fuq it-Tomba, lejn l-inħawi ta’ barra tar-Rabat (Città Victoria) medjevali. Kienet din it-triq li saret magħrufa għal kulħadd bħala t-Triq tal-Ghajn, l-isem li bih il-villaġġ huwa magħruf.

L-isem Latin fons magnus, l-għajn prinċipali, huwa mniżżel għall-ewwel darba f’lista ta’ dħul minn fawwara Għawdxin datata 2 ta’ Jannar 1373. Gran Fontana, l-ekwivalenti Taljan li minnu l-isem uffiċjali ġie meħud, huwa msemmi għall-ewwel darba f’dokument notarili tad-9 ta’ Ġunju 1567. Dan it-titlu kien użat ħafna f’dokumenti ekkleżjastiċi u baqa’ ħaj fl-isem uffiċjali tal-lum. Wieħed jiltaqa' mal-ekwivalenti Malti miktub hekk Jll hain chibire, ftit snin wara f’dokument notarili ieħor tat-2 ta’ Ġunju 1578. Huwa msejjaħ il-għajn prinċipali mhux biss għax hu l-iżjed għajn rikka tal-inħawi, iżda speċjalment biex il-post ma jiġix imfixkel ma’ erba' fawwara oħra li jinsabu qribu.

In-nies ta’ Fontana jistgħu jissejħu l-Fontanin iżda l-kelma rarament tintuża.