Għajnsielem

L-Istorja tal-Lokalita'

Print this page

Il-villaġġ ta’ Għajnsielem jinsab fil-gżira ċkejkna ta’ Għawdex, waħda mill-Gżejjer Maltin. Malta tinsab fiċ-ċentru tal-Mediterran – 93 km fin-Nofsinhar tal-Italja u 290 km fit-Tramuntana tal-Afrika ta’ Fuq. Għawdex jinsab 5 km fil-Majjistral ta’ Malta u d-distanza bejn iċ-Ċirkewwa f’Malta u l-port tal-Imġarr f’Għawdex tinvolvi ħamsa u għoxrin minuta vjaġġ bil-vapur. Għajnsielem għandu popolazzjoni ta’ madwar 3,000 ruħ u huwa l-ewwel villaġġ Għawdxi li tiltaqa’ miegħu hekk kif tħalli l-port tal-Imġarr fi triq lejn il-qalba ta’ Għawdex. Hekk kif tidħol il-port tal-Imġarr, meta tkun għadek fuq il-vapur, ma tistax ma tinnotax l-għemiel tal-villaġġ tal-port ta’ Għajnsielem. Wieħed jista' jara l-Kappella ta’ Lourdes bil-kampnar stil Gotiku tagħha u n-niċċa tal-Madonna ta’ Lourdes li tinsab taħtu, il-Forti Chambray fuq in-naħa tax-xellug li tiddomina l-għolja u fl-isfond it-torri tal-qniepen ġganteska tal-Knisja Parrokkjali ta’ Għajnsielem. In-nies ta’ Għajnsielem jirreferu għalihom bħala l-Għajnselmiżi.

Għajnsielem tfisser l-għajn ta’ Salem. Salem huwa isem popolari Għarbi, estint fil-Malti. Huwa possibbli li l-isem imur lura għal żmien ir-renju Għarbi. L-għajn imsemmija fit-toponimu kienet tinsab fejn jintemm Wied Simirat – il-wied li jispiċċa fil-Pjazza tad-Dehra fiċ-ċentru tal-villaġġ. Il-Gran Mastru Raymond Perellos, wara li ġab l-approvazzjoni tal-Ġeneral tal-Kunsill tiegħu fl-1710, ordna l-bini ta’ għadd ta’ ħnejjiet madwar il-għar. Taħt il-ħnejjiet inbnew sitt iħwat tal-ġebel li minnhom kien igħaddi l-ilma. Dawn il-faċilitajiet ġabu prosperità għall-popolazzjoni li kienet qed tiżdied ta’ tmiem is-seklu tmintax u tas-seklu dsatax. In-nisa sabuhom speċjalment utli għall-ħasil tal-ħwejjeġ. Għal aktar minn żewġ sekli, miż-żerniq 'il quddiem l-erja madwar il-għajn kienet timtela b’folol ta’ nisa jlabalbu ma' xulxin.

In-nisa kienu jinġabru hemm filgħodu jaħslu l-ħwejjeġ fil-ħwat filwaqt li l-irġiel jgħaddu nofstanharijiet jitgħażżnu taħt il-kanopew tas-siġar tat-tut. L-okkażjonijiet meta kien ikun hemm il-kwiet fejn il-għajn kienu rari. Skond ix-xjuħ, anke filgħaxija wieħed seta’ jisma’ ċ-ċafċif tal-ilma u l-ħsejjes bla waqfien tat-tindif bil-broxk.

Iżda kienet problema biex tinżamm l-iġjene f’tali post. L-erja tal-ħasil ma baqgħux jieħdu ħsiebha u, fl-aħħar snin tal-eżistenza tagħha, ġiet mitluqa għal kollox u l-post spiċċa jinten bil-ħmieġ sakemm tneħħa fil-bidu tal-ħamsinijiet biex jagħmel post għal pjazza ġdida.

Il-pjazza preżenti, Pjazza tad-Dehra, bdiet tifforma ruħha fl-1865 meta nbena pont fejn jintemm Wied Simirat. Triq Simirat ingħaqdet ma' Triq Fuq il-Għajn fl-1911 bil-bini ta’ triq ġdida. Mhux tant wara, din saret magħrufa bħala Pjazza tad-Dehra. Sabiex titkabbar il-pjazza, fl-1954 ġie deċiż inkredibbilment li jitwaqqgħu l-banjijiet pubbliċi storiċi fejn kienu jinħaslu l-ħwejjeġ u li tiġi mirduma l-għajn li tat isimha lill-villaġġ.

Illum u għada

Il-villaġġ li nbena madwar il-għajn ġab ismu minn din l-istess għajn, il-għajn ta’ ‘Hain Salem’ li tfisser Għajn tal-Paċi. Il-villaġġ kiber madwar din il-għajn li għal bosta snin kien il-post fejn jiltaqgħu n-nies f’dan il-villaġġ. Illum din il-għajn m’għadhiex teżisti, mirduma taħt il-pjazza moderna. Iżda għalkemm din il-għajn m’għadhiex hemm, hija għadha tgħix fl-isem tal-komunità li hi kburija li ġġib isimha.