Għajnsielem

Ġemellaġġi

Print this page

Għajnsielem – Tolfa
In-negozjati għall-ġemellaġġ bdew f’Awwissu 2002 wara li delegazzjoni minn Tolfa fl-Italja żaret Għajnsielem. Il-ġemellaġġ ġie ffirmat sena wara, meta grupp ta’ ħamsin ruħ minn Għajnsielem marru Tolfa għall-ewwel darba. L-aħħar ġurnata f'Tolfa uriet ħbiberija ġdida bejn iż-żewġ komunitajiet fejn kien hemm min anke beda jibki.

Is-Sindki rispettivi, Francis Cauchi u Alessandro Battilocchio, għamlu ħilithom kollha sabiex l-iffirmar ta’ dan il-ġemellaġġ ikun wieħed ta’ suċċess. Fil-fatt, hemm ħbiberija kbira bejn in-nies ta’ Tolfa u n-nies ta’ Għajnsielem.

L-istorja s’issa…
L-istorja bdiet b’sempliċi fax li s-Sindku Alessandro Battilocchio ddeċieda li jibgħat lill-Kunsill Lokali t’Għajnsielem. Il-fax kienet stedina sabiex tiġi diskussa proposta għal ġemellaġġ bejn dawn iż-żewġ komunitajiet. Is-Sindku Francis Cauchi għamel xi riċerka dwar Tolfa u ra li hu post sabiħ mimli storja ta’ kultura. Għalhekk, l-istedina ġiet aċċettata mill-ewwel.

2002
Għajnsielem kien diġà beda xi negozjati għal ġemellaġġ ma’ post fil-Portugall. Però xejn ma kien ġie ffinalizzat. In-negozjati ma’ Tolfa bdew uffiċċjalment f’Awwissu 2002 meta s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta' Għajnsielem, Dolindo Cassar, tkellem ma’ xi rappreżentanti tal-Kunsill ta’ Tolfa sabiex isiru l-arranġamenti għall-ġemellaġġ. F’Diċembru tal-istess sena, is-Sindku Alessandro Battilocchio, flimkien ma’ tliet Kunsilliera, żaru Għajnsielem sabiex jiddiskutu l-ġemellaġġ. Id-delegazzjoni baqgħet impressjonata bil-villaġġ ta’ Għajnsielem.

2003
Ftit ġimgħat wara, il-Kunsill Lokali ta' Għajnsielem iddeċieda li jwaqqaf kumitat li jkun responsabbli għall-ġemellaġġ ma’ Tolfa. Fl-ewwel laqgħa ġie deċiż x’kellhom ikunu l-affarijiet li kellhom jiġu diskussi bejn iż-żewġ villaġġi.

F’Marzu 2003, delegazzjoni mill-Kunsill Lokali ta' Għajnsielem żaret Tolfa għal ħamest ijiem. Din iż-żjara kienet tkompli maż-żjara li Tolfa għamlu f'Għajnsielem f’Diċembru 2002. Matul din iż-żjara ġie deċiż li Tolfa kellha tkun l-ewwel post li jilqa’ n-nies ta’ Għajnsielem. Fil-fatt, il-klabb tal-futbol ta’ Għajnsielem ġie mistieden sabiex jagħmel l-ewwel żjara tiegħu f’Tolfa f’Awwissu.

2003
Iż-żjara fil-fatt saret f’Awwissu u l-ġemellaġġ ġie ffirmat. Għajnsielem.com intervista lis-Sindku ta’ Tolfa sabiex jagħti l-kummenti tiegħu wara l-ewwel żjara kulturali li saret.

Is-Sindku Alessandro Battilocchio żar Għajnsielem għat-tieni darba xi ftit ġimgħat wara u din id-darba ġie milqugħ minn ħafna Għajnselmiżi li kienu ltaqgħu miegħu meta marru Tolfa. Huwa kien ukoll preżenti għal Miss Malta Contest. Sadanittant, il-kumitat responsabbli għall-ġemellaġġ beda jipprepara għad-delegazzjoni ta’ 125 ruħ li kienet mistennija tiġi minn Tolfa f’Awwissu 2004. Din l-attività kienet l-akbar prijorità li kellu l-Kunsill Lokali ta' Għajnsielem f’dawk iż-żminijiet.

2004
Ġie deċiż li d-delegazzjoni minn Tolfa ser tiġi fl-aħħar ġimgħa t’Awwissu – il-ġimgħa ddedikata lill-Madonna ta’ Loretu. F’Mejju, 13-il student/a mill-iskola primarja ta’ Għajnsielem marru Tolfa għal sitt ijiem bħala żjara kulturali. Is-Sindku Francis Cauchi qal lil Għajnsielem.com illi l-għan ta’ din iż-żjara kien sabiex l-istudenti jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ma’ studenti oħra, jagħmlu ħbieb ġodda, u jitgħallmu dwar il-kultura ta’ xulxin.

F’Awwissu, delegazzjoni ta’ 140 ruħ waslet minn Tolfa. Ġimgħa wara telqu wara ħafna attivitajiet u esperjenzi ġodda.

2005
Il-kumitat responsabbli għall-ġemellaġġ ħabbar li t-tieni żjara kulturali għal Tolfa ser issir fl-ewwel jew it-tieni ġimgħa t’Awwissu. Din id-darba, żgħażagħ taħt il-25 sena kienu se jagħmlu parti minn din iż-żjara. Mis-7 sal-14 ta' Awwissu, grupp ta’ 70 ruħ minn Għajnsielem għaddew ġimgħa indimentikabbli f'Tolfa. Din kienet it-tieni darba li delegazzjoni minn Għajnsielem kienet qed iżżur dan il-post. U bħalma qal is-Sindku Alessandro Battilocchio "Din iż-żjara hija biss il-bidu ta’ bidu ġdid".

2006
Il-kor ta’ Tolfa, li hu magħruf għal kunċerti tajbin li jagħti kien se jiġi Għajnsielem fi Frar. Għalkemm dan ix-xahar kien karatterizzat minn xita, kesħa u riħ, l-attivitajiet li kellhom jittellgħu kollha saru. Il-kor ta’ Tolfa kien involut f’kemm-il attività kulturali organizzati mill-Comune di Tolfa b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta' Għajnsielem u l-Kor Lawretana.

2007
F’Mejju, il-Kunsill Lokali ta' Għajnsielem organizza t-tieni żjara kulturali f'Tolfa għat-tfal tal-Year 6 tal-iskola primarja ta’ Għajnsielem. Din iż-żjara kienet possibbli grazzi għal European Union Student Exchange Programme. L-istudenti ġew akkumpanjati mis-Sindku Francis Cauchi, il-Kap tal-iskola Ms Pauline Grech, l-għalliema tal-Year 6 Ms Sylvana Agius u l-ġenituri tat-tfal. L-Onor. Ministru tal-Edukazzjoni Louis Galea kien il-mistieden speċjali min-naħa tal-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem. Huwa kien impressjonat bil-ħbiberija li ra min-nies ta’ Tolfa.

F’Awwissu, grupp ta’ 55 resident minn Tolfa ġew għall-festa ta’ Għajnsielem. Waqt iż-żjara tagħhom, reġa' ġie mġedded il-ġemellaġġ bejn Għajnsielem u Tolfa sabiex tkompli tikber il-għaqda bejn iż-żewġ villaġġi.

F’Settembru tal-istess sena, l-Għaqda Mużikali San Ġużepp organizzat mawra ta’ tmint ijiem fl-Italja fejn Tolfa kien wieħed mill-postijiet li huma żaru.

2008
Fil-25 ta’ Lulju, is-Sindku Francis Cauchi ta preżentazzjoni dwar l-istorja ta’ suċċess tal-ġemellaġġ bejn Għajnsielem u Tolfa. Huwa emfasizza illi għalkemm il-ġemellaġġ ġie ffirmat fl-2003, ir-relazzjoni ta’ bejniethom għada waħda tajba ħafna. Il-preżentazzjoni saret waqt laqgħa tal-Kunsilli Lokali li kienet immexxija mis-Segretarju Parlamentari Chris Said.

Fid-9 t’Ottubru 2008, delegazzjoni ta’ madwar 20 student ta’ skejjel primarji minn Tolfa żaru Għajnsielem akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom. Il-grupp kien immexxi mis-Sindku Alessandro Battilocchio. L-istudenti ħadu sehem f’attivitajiet extra kurrikulari u żaru l-iskola primarja ta’ Għajnsielem. Hawnhekk, huma ħadu sehem f’attività li stiednet personalitaijiet distintivi bhal l-iSpeaker tal-Kamra Dr Louis Galea, l-Onor. Ministru għal Għawdex Giovanna Debono, l-Ambaxxatur Taljan għal Malta Dr Paolo Andrea Trabalza u l-Isqof t’Għawdex Mons Mario Grech. F’din l-okkażjoni, is-Sindku Francis Cauchi u s-Sindku Alessandro Battilocchio taw lil xulxin xi rigali ta’ tifkira.