Għajnsielem

Geografija

Print this page

   Il-Mappa ta' Għajnsielem

Il-villaġġ ta’ Għajnsielem jinsab fuq il-Lbiċ ta’ Għawdex. Għajnsielem huwa l-ewwel villaġġ li wieħed jiltaqa’ miegħu hekk kif jitla’ l-port tal-Imġarr. Il-villaġġ ikopri medda wiesgħa ta’ art maqsuma min-nofs b’wied li jserrep 'l isfel lejn il-baħar.

Mil-lat ġeoloġiku jista’ jingħad li l-inħawi huma magħmulin miż-żonqor ta’ fuq u t-truf tiegħu huma magħmulin minn formazzjoni ta’ tafal ikħal (madwar il-Forti Chambray). B’żieda ma’ dan taħt il-Forti Chambray hemm ukoll saff tal-Franka li qiegħed fuq saff ta’ żonqor ta’ taħt.

ghajnsielem map
Wieħed mill-karatteristiċi prinċipali tal-villaġġ huwa l-għadd konsiderevoli ta’ għejjun tal-ilma li jinsabu fil-viċinanzi. L-isem tal-villaġġ ġej minn din il-karatteristika partikolari u jista’ jingħad li l-kelma Għajnsielem ġejja mill-kliem ‘miġra ta’ Salem’. Dil-miġra kienet tinsab f’tarf il-wied ta’ Simirat u kienet tibqa’ nieżla sal-misraħ tar-raħal. Fl-1710 il-Gran Mastru Ramon Perellos qatagħha li jdawwar il-miġra b’banjijiet għall-ħasil. Sfortunatament dawn twaqqgħu fl-1954 biex jitkabbar il-misraħ tar-raħal. Miġriet oħra li jinsabu fil-viċinanzi ta’ Għajnsielem jinkludu Għajn ir-Rajjes, Għajn il-Liebru, Għajn il-Għonq u Għajn Klin.

Skont l-aħħar ċensiment li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fl-2005, il-popolazzjoni ta’ Għajnsielem kienet madwar 2,570. Din hija żieda konsiderevoli fuq il-figura tal-1901 meta l-popolazzjoni kienet biss ta’ madwar 1,21. Skont l-aħħar ċensiment f’Għajnsielem hemm 1,274 raġel u 1,296 mara li jfissru 394 persuna iktar miċ-ċensiment tal-1995.

Daqqa t’għajn lejn dan iċ-ċensiment juri li l-biċċa l-kbira tal-abitanti ta’ Għajnsielem għandhom bejn il-50 u d-59 sena (total ta’ 386 abitant). Minkejja dan, wara din il-figura nsibu l-grupp ta’ bejn l-40 u d-49 sena (total ta’ 382 abitant) u l-grupp ta’ bejn l-10 u d-19-il sena (total ta’ 376 abitant).