Għajnsielem

Aktar Postijiet ta' interess

Print this page

Il-Forti Chambray

Fil-limiti t’Għajnsielem, wieħed isib il-famuz Forti Chambray. Din il-fortizza hija mibnija fuq l-għolja magħrufa bħala ‘Ras it-Tafal’ li qiegħda bejn il-Port tal-Imġarr u dak tax-Xatt l-Aħmar. Il-fortizza kienet ġiet mibnija minn flus Konti Normann tal-Ordni ta’ San Ġwann bl-isem ta’ François Chambray fi żmien il-Granmastru Pinto.

Kemmuna

Din il-gżira żgħira hija kbira madwar mil kwadru. Tinsab kważi fl-istess distanza bejn Malta u Għawdex. Din il-gżira hija l-aktar magħrufa għal biċċa fil-baħar li hija ta’ kulur ċar ħafna magħrufa bħala l-Blue Lagoon.

Port tal-Imġarr

L-ewwel impressjoni li tieħu int u dieħel fil-port tal-Imġarr hija waħda ta’ attività għaddejja l-ħin kollu. Il-port għandu xena tassew pittoreska u int u dieħel bil-vapur wieħed jibqa’ impressjonat bil-veduti sbieħ tal-port.

Il-Knisja tal-Madonna ta’ Loretu u l-Istatwa Titulari

Meta qaleb is-seklu, il-knisja l-qadima kienet saret zgħira wisq għal bżonnijiet ta’ dan il-villaġġ li kien qed jikber ġmielu. Għalhekk, bdew it-tħejjijiet għall-bini ta’ knisja ġdida u ikbar.

Il-Knisja l-Qadima

Il-bini ta’ din il-knisja kien il-frott tad-dehriet li kien qed ikollu ċertu Anġlu Grech. Huwa magħruf illi Anġlu Grech kien qed jara xi dehriet sabiex jibni knisja fir-raħal t’Għajnsielem. Dak iż-żmien, Għajnsielem kien jagħmel mal-parroċċa tan-Nadur u bla telf ta’ żmien, in-nies ġabu l-permess mill-Kappillan tan-Nadur, sabiex jibnu din il-knisja.

Il-Kappella ta’ Lourdes u Dar Lourdes

Malli tidħol fil-port tal-Imġarr bil-vapur, wieħed jara l-kappella Gotika ta’ Lourdes. Igħidu li fl-1879, kien hemm raġel barrani illi qal li l-għolja tixbaħ lil post f'Lourdes magħruf bħala l-Grotta ta' Massabielle. Wieħed u għoxrin sena wara li ż-żgħira Bernadette rat lill-Madonna, ġiet mibnija din il-knisja.

Knisja ta’ Sant’Antnin u Padova Retreat Home

Fl-1899, il-Patrijiet Franġiskani ddeċidew li jibnu kunvent f'Għawdex. F’Novembru 1899, il-Patrijiet ta’ Ġieżu ġew Għawdex u bdew joqogħdu f'dar jisimha ‘Ta’ Gliex’ fi Triq Sant’Antnin. Dan kien l-ewwel kunvent tal-Franġiskani f’Għawdex.

Pjazza tad-Dehra u l-Monument tad-Dehra

Il-Pjazza tad-Dehra tinsab f’nofs Għajnsielem kemm ġografikament kif ukoll storikament. Kien f’din il-pjazza li ‘Għajn Salem’, li kienet għajn tal-ilma li tgħaddi minnha, tat isimha lil dan il-villaġġ. Kien ukoll ħdejn din l-għajn li Anġlu Grech kien jirċievi d-dehriet mis-sema.

It-Torri u l-Kappella ta’ Santa Ċeċilja

It-Torri li kien hemm f'Imġarr ix-Xini ma kienx adegwat sabiex jżomm lill-għadu mill-gżira Għawdxija. Għalhekk inbena torri ikbar u aktar ‘l ġewwa li jħares lejn il-bajja ta’ Imġarr ix-Xini . Fejn it-Torri hemm kappella zgħira ta’ Santa Ċeċilja. Din hija kappella taż-żmien Medjevali u hija l-aktar waħda li qiegħda fi stat tajjeb.

Ix-Xatt l-Aħmar

Fi triq sekondarja tat-triq mill-Imġarr lejn ir-Rabat (Città Victoria), tista’ tinżel għall-bajja hekk imsejħa x-Xatt l-Aħmar. Tissejjaħ hekk minħabba l-kulur tal-ħamrija tal-għelieqi madwar dawn l-inhawi li tagħti fl-aħmar. Il-bini f'nofs il-bajja fi' żmien kien Għassa tal-Pulizij tal-Baħar mibni fl-1886.

Borġ Għarib

Borġ Għarib jidher mit-triq tar-Rabat-Xewkija-Qala, fl-inhawi hekk imsejħa l-Gudja. F’dan il-post hemm borġ ġebel illi ġie msejjaħ Borġ Għarib. Il-leġġenda tgħid illi bniedem barrani jinsab midfun taħt dan il-borġ ġebel. L-istorja tgħid illi raġel kien igħaddi kull filgħaxija lejn il-Qala fuq żiemel abjad biex jixgħel xemgħa fil-kappella tal-Verġni Mqaddsa.

Tempji Preistoriċi Tal-Imrejżbiet u Tal-Qigħan

Dawn iż-żewġ siti kienu aktarx kumpless wieħed imma ġew mifruda u mibdula fi triq moderna u bini tas-seklu għoxrin. Dan huwa sit li tassew għandu jiġi protett għaliex fil-futur jista’ jkun żviluppat f’attrazzjoni interessanti.

Belevederes f’Għajnsielem

Għajnsielem għandu ħafna postijiet fil-għoli illi joffru veduti mill-isbaħ tal-port tal-Imġarr u aktar. L-isbaħ minn dawn il-belvederes huwa dak ta’ Triq il-Ħamri li joffri veduta tal-port u ta' Wied il-Kbir.

Gozo Heritage

Il-Gozo Heritage jinsab f'bini antik u affaxxinanti, dan huwa mużew li joffri mixxela spettakolari tal-istorja ta' Għawdex flimkien ma' ħanut fejn il-viżitaturi jistgħu jixtru oġġetti lokali kif ukoll jistgħu jieħdu cafè.  Dan il-mużew juri 7,000 sena mill-istorja ta' Għawdex.