Il-Fgura

Skejjel

Print this page

Skejjel

Meta l-Fgura kienet abitata minn ftit nies ma kienx hawn skola. L-edukazzjoni ma kinitx obbligatorja dak iż-żmien, u t-tfal li xtaqu jitgħallmu, jew il-ġenituri li kienu jridu jagħtu edukazzjoni ‘l uliedhom, kellhom jibagħtuhom fi skola fl-irħula tal-madwar: Bormla (Città Cospicua), iż-Żejtun (Città Beland), Ħaż-Żabbar (Città Hompesch), jew Ħal Tarxien.

Immedjatament wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, fl-1944, Dun Ġużepp Zerafa, l-istess wieħed li kien jieħu ħsieb il-kappella tal-Madonna tal-Karmnu, ħa l-inizjattiva u applika lid-Direttur tal-Edukazzjoni, is-Sur Brennan, biex jiftaħ skola fil-Fgura. Il-permess ingħata, u d-Direttur ta’ l-Edukazzjoni awtorizza lis-Sur E.B.Vella biex jiftaħ l-iskola.
L-ewwel uġigħ ta’ ras kien biex jinsab post għal din l-iskola. Dun Ġużepp kellem lil ċertu Sur Cutajar, u talbu biex jikrilu żewġ garaxxijiet, li kellhom bitħa kulwieħed, u xi kmamar fuq wara, f’16 u 17 Triq San Xmun. Is-Sur Cutajar aċċetta, u din kienet l-ewwel skola tal-Fgura.

Biż-żmien l-għadd ta’ tfal beda jikber, tant li l-amministrazzjoni ta’ l-iskola kellha tgħaqqad ma’ l-iskola mezzanin u garaxx ieħor. Iżda n-nies tal-Fgura xtaqu li t-tfal tagħhom ikollhom skola moderna, arjuża u addattata. Il-Parent Teachers Association ta’ l-iskola bagħtet petizzjoni lill-Gvern f’dan ir-rigward.

Id-Direttur tal-Edukazzjoni laqa’ t-talba tagħhom, u ma damitx ma nbniet skola ġdida u sabiħa fin-naħa ta’ isfel ta’ Triq Carmel. Kienet skola b’sular wieħed, imdawra bil-ġonna. Il-kmamar tagħha huma arjużi u mdawla sewwa. Iktar tard żdied it-tieni sular. L-iskola għandha sala kbira fejn it-tfal jistgħu jieħdu sehem fi drammi u manifestazzjonijiet oħrajn. Għandha wkoll btieħi kbar fejn it-tfal jistgħu jilagħbu waqt il-break u waqt il-lezzjonijiet tal-Edukazzjoni Fiżika.

Skejjel


L-Iskola Primarja tal-Fgura
Dun Guzepp Zerafa - Primary 'A'
Triq il-kitba
Il-Fgura

Tel. - 21691291; email -


Emanuel Debono Decesare, Skola Primarja B tal-Fgura,
Triq il-Kitba
Il-Fgura FGR 2111
Malta.


Tel. - 21896002; email - fgura.primary.b@gov.mt  

Fil-Lokal wieħed jista' jsib ukoll ċentri ta' kindergarten u ċentri ta' matul il-ġurnata għat-tfal immexxija mill-privat.