Il-Fgura

Aktar Postijiet ta' interess

Print this page

Triq il-Karmnu

Triq il-Karmnu hija waħda mill-eqdem toroq fil-Fgura. Din it-triq kienet tgħaqqad l-inħawi ta’ Bulebell mat-triq li minn Paola kienet tgħaddi għall-Ħaż-Żabbar (Città Hompesch) u Ħal Tarxien ma’ Bormla (Città Cospicua).

Illum din it-triq hija kollha mibnija bil-bini residenzjali u kummerċjali, iżda mill-għamla tagħha tidher li hija triq antika ħafna. Jista’ jagħti l-każ li l-isem ta’ din it-triq ġej min-niċċa antika li kellha x-xbiha tal-Madonna tal-Karmnu, li kienet fit-tarf ta’ din it-triq, kantuniera ma’ Triq Hompech.

Sqaq Rjallu

Dan huwa l-uniku sqaq li fadal fil-Fgura. Meta wiehed jgħaddi minnu jista’ minn Triq Ħaż-Żabbar  (Città Hompesch) jgħaddi għal Triq Mater BoniConsili.

Wied Blandun

Għalkemm il-Fgura llum hija lokalità pjuttost kummerċjali u ppopolata, xorta fiha għadna nsibu post fejn wieħed jista’ jgawdi n-natura fis-sbuħija tagħha. Sa mitt sena ilu Wied Blandun kien post verament mill-isbaħ, fejn konna nsibu kampanja u ambjent naturali sabiħ ferm. Ghalkemm l-iżvilupp ta’ dawn l-aħħar snin tellef ħafna minn din is-sbuħija, xorta fadal biċċa minn dan il-wied fejn nistgħu naraw u napprezzaw is-siġar, ħitan tas-sejjieħ, ħxejjex u pjanti, u anke insetti u annimali żgħar li għadhom jgħixu f’dan il-wied. Fix-xhur tax-xitwa wieħed jista’ jara ukoll nixxiegħat ta’ l-ilma ġieri li jfawru, speċjalment wara li tkun għamlet ix-xita.