Il-Fgura

Knejjes

Print this page

L-ewwel Knisja

Fl-1788 ċertu Klement Busuttil, wieħed mill-abitanti bikrin tal-Fgura, bagħat petizzjoni lil Granmastru De Rohan biex jibni kappella fl-istess post tan-niċċa ta’ l-Ikona tal-Madonna tal-Karmnu. Il-permess ingħata u l-kappella kienet lesta fl-1790. In-nies ta’ l-inħawi kienu jieħdu ħsieb sewwa tagħha, u kienu kburin ħafna biha.

Għoxrin sena wara, fl-1810, l-Isqof Mattei ta l-permess biex fil-kappella jibda jsir il-Quddies. Fl-1842 Dun Salv Busuttil, li kien in-neputi ta’ Klement, kabbarha billi żied magħha sagristija.

Id-devozjoni tan-nies tal-Fgura lejn il-Madonna tal-Karmnu kienet minn dejjem. Biż-żmien din id-devozzjoni kibret, u l-kappella ma damitx ma saret żgħira wisq għan-nies li kienu jiffrekwentawha.

Wara li ngħata xi art mill-Patrijiet Dumnikani tal-Birgu, Dun Salv Busuttil kiteb lill-Gvern Kolonjali biex jagħtih permess iwaqqa’ ‘l-kappella u jibni oħra ġdida u ikbar. L-art li fuqha kienet il-kappella kienet tal-Gvern. Il-Gvern biegħlu l-art, u tah ukoll il-permess biex jibni kappella ikbar u iktar komda. Ix-xogħol fuq il-kappella l-ġdida, taħt id-direzzjoni tal-Perit Indrì Vassallo, tlesta fl-1844. Il-kappella kienet ikkonsagrata b’mod solenni għaxar snin wara, mill-Vigarju Ġenerali Vincent Chapelle.

Ir-responsabbiltà tal-kappella għaddiet minn id għal oħra fl-istess familja Busuttil. Kollha kemm huma kienu jamminstrawha b’mod tajjeb ħafna; kienu jaħsbu, mill-aħjar li kienu jistgħu, għall-ħtiġijiet spiritwali kollha tan-nies. Imbagħad fl-1945, il-kappella għaddiet f’idejn Dun Ġużepp Zerafa, qassis li, għal seba’ snin sħaħ, xemx u xita, kien jiġi l-Fgura minn Paola biex iqaddes kuljum.

Waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, billi l-Fgura hi tant qrib it-tarzna, ir-raħal kien ibbumbardjat spiss mill-ajruplani tal-għadu, u l-kappella ġarrbet xi ħsarat. Minħabba f’hekk, meta spiċċat il-gwerra, il-kappella ngħatat tidwira sewwa. Wara l-gwerra l-Fgura sar post popolari biex wieħed jiġi joqgħod fih, għax ir-raħal kien joffri ambjent iktar kwiet u iktar veġetattiv minn dak tal-bliet li kienu jdawruh. Djar bdew jinbnew kullimkien, u fl-1955 l-Amministrazzjoni Laburista riedet twessa’ t-triq li tagħti minn Paola sa Ħaż-Żabbar (Città Hompesch). Il-kappella kienet eżatt fin-niofs ta’ din it-triq, u għalhekk kellha titwaqqa’ u tħalli l-ispazju għal dan l-iżvilupp. Bħala tifkira l-poplu tal-Fgura bena niċċa ġdida ftit metri ‘l bogħod minn fejn kienet il-kappella.

Il-Wasla tal-Patrijiet Karmelitani

L-Ordni tal-Madonna tal-Karmnu ġiet Malta fl-1418, ħafna qabel il-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Il-patrijiet marru joqogħdu l-Lunzjata, limiti tar-Rabat. Minhemm marru l-Imdina (Città Notabile) u, meta nbniet il-Belt Valletta (Città Umilissima), bnew Bażilika u kunvent hemm.
Il-Patrijiet Karmelitani kienu jafu sewwa bid-devozzjoni profonda li n-nies tal-Fgura kellhom lejn il-Madonna tal-Karmnu. Għalhekk, fl-1945 bagħtu komunità żgħira ta’ tliet Patrijiet u Fra biex jieħdu ħsieb tal-ħtiġijiet spiritwali tar-raħal. Marru joqogħdu f’dar mikrija fi Triq San Xmun, u bdew jamministraw il-kappella l-antika. Baqgħu jieħdu ħsieb il-kappella sakemm twaqqgħet, għaxar snin wara.

Malli ġew fil-Fgura l-Patrijiet Karmelitani mill-ewwel bdew ifittxu biċċa art biex jibnu knisja ġdida, adegwata għall-popolazzjoni tar-raħal li kienet qegħda tikber b’mod veloċi.

ll-Parroċċa

Il-Providenza riedet li ċertu Anġlu Camilleri u martu Marianna offrew għalqa biex fuqa jinbnew knisja u kunvent. Wara li saru t-tħejjijiet kollha, inbeda x-xogħol fuq il-pjanta li saret minn Ġużé Damato. Fil-11 ta’ Diċembru 1948 l-E.T. Mons. Michael Gonzi, Arċisqof ta’ Malta, qiegħed l-ewwel ġebla. Fi żmien sentejn il-knisja kienet lesta u tbierket mill-istess Arċisqof fil-preżenza tal-Prim Ministru Dr. Enrico Mizzi.

Issa l-Fgura kellha l-ewwel knisja tagħha. Iżda l-abitanti kienu għadhom jiddependu fuq il-knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien għal ħafna servizzi spiritwali essenzjali. Din is-sitwazzjoni ġiet fi tmiemha fil-21 ta’ Jannar 1965, meta l-E.T. Mons. Michael Gonzi, Arċisqof ta’ Malta, ippubblika Digriet li bih il-Fgura saret Parroċċa. L-ewwel Kappillan kien Patri Timoteo Azzopardi, O.Carm.

Iżda l-poplu kiber sewwa u b’rata mgħaġġla ħafna. Għalhekk, fi ftit snin il-knisja li kienet għadha kemm inbniet saret żgħira għall-poplu tal-Fgura. Il-Patrijiet ħasbu biex imiddu għonqhom għax-xogħol u tinbeda l-ħidma biex eżatt wara l-knisja attwali tigi akkwistata biċċa art kbira biex fuqha tinbena knisja ikbar.

Wara li ngħelbu xi problemi, saret pjanta mill-Perit Victor Muscat Inglott, li kien megħjun mis-Sur Karm. Parascandalo. Il-pjanta li saret kienet ta’ knisja b’arkitettura pjuttost stramba għal Malta. Tixbah ħafna t-tinda li fiha kienet tinżamm l-Arka fit-Testment il-Qadim. L-arkitettura tfakkar ukoll f’xi dar tat-tramuntana ta’ l-Ewropa. Ix-xogħol inbeda fit-2 ta’ Jannar 1976, taħt is-superviżjoni tal-Perit Godfrey Azzopardi. Il-Perit Edward Micallef, imbagħad, daħal għat-tieni fażi tal-proġett. Il-knisja kienet lesta u giet inawgurata fil-25 ta’ Marzu 1988. Fil-25 ta’ Mejju 1988 kienet imbierka b’mod solenni mill-E.T. Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca.

Parroċċa Madonna tal-Karmnu l-Fgura - Triq Hompesch, il-Fgura

Uffiċċju Parrokkjali
Wesgha Reggie Miller
Il-Fgura

Telefon Kappillan : 21805756
Fax : 21802992
Telefon Kunvent : 21827900, 21661745

e-mail: