Il-Fgura

Dħul

Print this page

Il-Fgura

Il-Fgura hu raħal pjuttost modern, li kiber sewwa f’dawn l-aħħar ħamsin sena. Iżda din l-art kienet abitata sa minn żmien bikri ħafna. Biżżejjed niftakru li fl-inħawi hemm t-tempji neolitiċi ta’ Ħal Tarxien. Insibu wkoll it-Tempji ta’ Kordin u l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni. Dawn il-fdalijiet kollha juruna li din il-pjanura ta’ art li illum insejħula ‘Il-Fgura’ fl-imgħoddi kienet abitata mill-istess nies li kienu jqimu ‘l-allat tagħhom f’dawn it-tempji.

Fdalijiet Puniċi

Il-fdalijiet li l-aktar juruna li f’dawn l-inħawi kienu jgħixu n-nies huma l-oqbra tal-perjodu Puniku li nstabu fi Triq Liedna. B’kollox instabu sitt oqbra li jvarjaw bejniethom għat-tielet u r-raba’ seklu Q.K. Il-perijodu Kartaġiniż beda bl-avventuri tal-Feniċi fil-baħar Mediterran u spiċċa ma’ l-espansjoni lejn in-nofsinhar ta’ l-Imperu Ruman.

Minkejja l-gwerer li kienu laqtu lil Malta f’dan il-perijodu xorta waħda pajjiżna għadda minn żminijiet ta’ prosperità. F’dan iż-żmien Malta kienet magħrufa ħafna għall-produzzjoni tal-Qoton, taż-żejt taż-żebbuġa u għall-Inbid. Taħt ir-Rumani Malta ingħatat status speċjali.

Mill-fdalijiet li nstabu fl-oqbra li kienu skavati fi Triq Liedna jidher ċar li n-nies li ndifnu fihom kienu sinjuri u kellhom pożizzjoni għolja fis-soċjetà, u dan juri wkoll li l-Maltin dak iż-żmien kienu għaddejjin minn perijodu ta’ kummerċ sejjer tajjeb ħafna.

Jidher ukoll li l-komunità li kienet tgħix fil-Fgura dak iż-żmien kienet temmen fil-ħajja ta’ wara din. Dan hu kkonfermat mill-oġġetti li nstabu f’dawn l-oqbra: lanterni, reċipjenti għall-ikel u għall-ilma, platti, tazez u vażetti tal-fwieħa, li kienu jakkumpanjaw lill-mejjet fil-vjaġġ tiegħu lejn l-eternità. Id-disinji fini u l-materjal b’saħħtu wżati fuq dawn il-vażetti tal-fuħħar u fuq oġġetti oħra juru l-livell kulturali tal-komunità u l-istatus familjari tan-nies li kienu midfunin hemmhekk. Barra minhekk il-katavru kien jitlibbes l-aħjar ħwejjeġ u xi ġojjelli wkoll. Fil-każ tal-oqbra ta’ Triq Liedna naraw li min kien midfun fihom kien ġej minn familja b’pożizzjoni għolja fis-soċjetà.

Il-fuħħar li nstab f’dawn l-oqbra hu fost l-isbaħ li qatt instab f’Malta. Fuqu naraw dekorazzjoni b’weraq tal-Liedna u ornamenti oħra. Din id-dekorazzjoni aktarx kienet ir-raġuni għaliex din it-triq issemmiet ‘Triq Liedna’. L-oġġetti li nstabu f’dawn l-oqbra llum qegħdin fil-kollezzjoni tal-Mużew tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta (Città Umilissima).

Isem ir-Raħal

Jingħad li l-isem tal-Fgura ġej mill-kelma ‘figura’, għalkemm dan mhux ikkonfermat minn ebda dokument. Ħafna snin ilu, meta l-Fgura kienet għadha mhix abitata ħlief minn xi bdiewa u rgħajja, u kienet għadha kollha kemm hi raba’, f’nofs triq li kienet taqsam l-art mit-tul fi tnejn u li kienet tieħu minn Paola sa Ħaż-Żabbar (Città Hompesch), kien hemm niċċa fejn kien hemm Ikona tal-Madonna tal-Karmnu. Din in-niċċa kienet popolari ħafna ma’ min kien ikun għaddej minn dik it-triq, u n-nies kienet tirreferi għaliha bħala ‘in-niċċa tal-figura’. Biż-żmien il-kelma ‘figura’ setgħet saret ‘Il-Fgura’, u jista’ jkun li din tat l-isem lir-raħal.
Versjoni oħra tgħid li uħud mill-ewwel abitanti tal-Fgura ġew minn Għawdex. Dawn ġew hawn bil-familji u l-merħliet tagħhom biex jibdew ħajja ġdida. Biċċa art żgħira (illum aktar tista’ tissejjaħ ‘rokna’) bejn Ta’ Pinu u San Lawrenz jisimha ‘Il-Fgura’. Illum għad hemm tabella b’dan l-isem biex tindika lil din il-biċċa art. Jingħad minn xi wħud li l-isem ‘Il-Fgura’ ġabuh magħhom dawk l-Għawdxin, u hekk semmew il-biċċa art f’Malta fejn ġew jgħixu. Fil-Fgura llum għad hawn nies li l-antenati tagħhom kienu fost dawk l-ewwel abitanti tal-Fgura li ġew mill-gżira/oħt tal-Arċipielgu Malti.

L-ewwel Knisja

Fl-1788 ċertu Klement Busuttil, wieħed mill-abitanti bikrin tal-Fgura, bagħat petizzjoni lil Granmastru De Rohan biex jibni kappella fl-istess post tan-niċċa tal-Ikona tal-Madonna tal-Karmnu. Il-permess ingħata u l-kappella kienet lesta fl-1790. In-nies tal-inħawi kienu jieħdu ħsieb sewwa tagħha, u kienu kburin ħafna biha.

Għoxrin sena wara, fl-1810, l-Isqof Mattei ta l-permess biex fil-kappella jibda jsir il-Quddies. Fl-1842 Dun Salv Busuttil, li kien in-neputi ta’ Klement, kabbarha billi żied magħha sagristija.

Id-devozjoni tan-nies tal-Fgura lejn il-Madonna tal-Karmnu kienet minn dejjem. Biż-żmien din id-devozzjoni kibret, u l-kappella ma damitx ma saret żgħira wisq għan-nies li kienu jiffrekwentawha.

Wara li ngħata xi art mill-Patrijiet Dumnikani tal-Birgu (Città Vittoriosa), Dun Salv Busuttil kiteb lill-Gvern Kolonjali biex jagħtih permess iwaqqa’ ‘l-kappella u jibni oħra ġdida u ikbar. L-art li fuqha kienet il-kappella kienet tal-Gvern. Il-Gvern biegħlu l-art, u tah ukoll il-permess biex jibni kappella ikbar u iktar komda. Ix-xogħol fuq il-kappella l-ġdida, taħt id-direzzjoni tal-Perit Indrì Vassallo, tlesta fl-1844. Il-kappella kienet ikkonsagrata b’mod solenni għaxar snin wara, mill-Vigarju Ġenerali Vincent Chapelle.

Ir-responsabbiltà tal-kappella għaddiet minn id għal oħra fl-istess familja Busuttil. Kollha kemm huma kienu jamminstrawha b’mod tajjeb ħafna; kienu jaħsbu, mill-aħjar li kienu jistgħu, għall-ħtiġijiet spiritwali kollha tan-nies. Imbagħad fl-1945, il-kappella għaddiet f’idejn Dun Ġużepp Zerafa, qassis li, għal seba’ snin sħaħ, xemx u xita, kien jiġi l-Fgura minn Paola biex iqaddes kuljum.

Waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, billi l-Fgura hi tant qrib it-tarzna, ir-raħal kien ibbumbardjat spiss mill-ajruplani tal-għadu, u l-kappella ġarrbet xi ħsarat. Minħabba f’hekk, meta spiċċat il-gwerra, il-kappella ngħatat tidwira sewwa.

Wara l-gwerra l-Fgura sar post popolari biex wieħed jiġi joqgħod fih, għax ir-raħal kien joffri ambjent iktar kwiet u iktar veġetattiv minn dak tal-bliet li kienu jdawruh. Djar bdew jinbnew kullimkien, u fl-1955 l-Amministrazzjoni Laburista riedet twessa’ t-triq li tagħti minn Paola sa Ħaż-Żabbar (Città Hompesch). Il-kappella kienet eżatt fin-niofs ta’ din it-triq, u għalhekk kellha titwaqqa’ u tħalli l-ispazju għal dan l-iżvilupp. Bħala tifkira l-poplu tal-Fgura bena niċċa ġdida ftit metri ‘l bogħod minn fejn kienet il-kappella.

Il-Wasla tal-Patrijiet Karmelitani

L-Ordni tal-Madonna tal-Karmnu ġiet Malta fl-1418, ħafna qabel il-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Il-patrijiet marru joqogħdu l-Lunzjata, limiti tar-Rabat. Minhemm marru l-Imdina u, meta nbniet il-Belt Valletta (Città Umilissima), bnew Bażilika u kunvent hemm.

Il-Patrijiet Karmelitani kienu jafu sewwa bid-devozzjoni profonda li n-nies tal-Fgura kellhom lejn il-Madonna tal-Karmnu. Għalhekk, fl-1945 bagħtu komunità żgħira ta’ tliet Patrijiet u Fra biex jieħdu ħsieb tal-ħtiġijiet spiritwali tar-raħal. Marru joqogħdu f’dar mikrija fi Triq San Xmun, u bdew jamministraw il-kappella l-antika. Baqgħu jieħdu ħsieb il-kappella sakemm twaqqgħet, għaxar snin wara.

Malli ġew fil-Fgura l-Patrijiet Karmelitani mill-ewwel bdew ifittxu biċċa art biex jibnu knisja ġdida, adegwata għall-popolazzjoni tar-raħal li kienet qegħda tikber b’mod veloċi.

ll-Parroċċa

Il-Providenza riedet li ċertu Anġlu Camilleri u martu Marianna offrew għalqa biex fuqa jinbnew knisja u kunvent. Wara li saru t-tħejjijiet kollha, inbeda x-xogħol fuq il-pjanta li saret minn Ġużé Damato. Fil-11 ta’ Diċembru 1948 l-E.T. Mons. Michael Gonzi, Arċisqof ta’ Malta, qiegħed l-ewwel ġebla. Fi żmien sentejn il-knisja kienet lesta u tbierket mill-istess Arċisqof fil-preżenza tal-Prim Ministru Dr. Enrico Mizzi.

Issa l-Fgura kellha l-ewwel knisja tagħha. Iżda l-abitanti kienu għadhom jiddependu fuq il-knisja parrokkjali ta’ Ħal Tarxien għal ħafna servizzi spiritwali essenzjali. Din is-sitwazzjoni ġiet fi tmiemha fil-21 ta’ Jannar 1965, meta l-E.T. Mons. Michael Gonzi, Arċisqof ta’ Malta, ippubblika Digriet li bih il-Fgura saret Parroċċa. L-ewwel Kappillan kien Patri Timoteo Azzopardi, O.Carm.

Iżda l-poplu kiber sewwa u b’rata mgħaġġla ħafna. Għalhekk, fi ftit snin il-knisja li kienet għadha kemm inbniet saret żgħira għall-poplu tal-Fgura. Il-Patrijiet ħasbu biex imiddu għonqhom għax-xogħol u tinbeda l-ħidma biex eżatt wara l-knisja attwali tigi akkwistata biċċa art kbira biex fuqha tinbena knisja ikbar.

Wara li ngħelbu xi problemi, saret pjanta mill-Perit Victor Muscat Inglott, li kien megħjun mis-Sur Karm. Parascandalo. Il-pjanta li saret kienet ta’ knisja b’arkitettura pjuttost stramba għal Malta. Tixbah ħafna t-tinda li fiha kienet tinżamm l-Arka fit-Testment il-Qadim. L-arkitettura tfakkar ukoll f’xi dar tat-tramuntana ta’ l-Ewropa. Ix-xogħol inbeda fit-2 ta’ Jannar 1976, taħt is-superviżjoni tal-Perit Godfrey Azzopardi. Il-Perit Edward Micallef, imbagħad, daħal għat-tieni fażi tal-proġett. Il-knisja kienet lesta u giet inawgurata fil-25 ta’ Marzu 1988. Fil-25 ta’ Mejju 1988 kienet imbierka b’mod solenni mill-E.T. Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca.

Is-Sorijiet tal-Qalb ta’ Gesu’

Fl-14 ta’ Settembru 1972 grupp ta’ tnax-il soru ta’ l-Ordni tal-Qalb ta’ Ġesù ġie fil-Fgura, u marru joqogħdu fi Triq Liedna. F’dan il-kunvent kellhom kappella żgħira fejn, bil-permess ta’ l-Arċisqof, setgħu jżommu s-Sagrament b’mod permanenti. Din il-kappella kienu jisilfuha lill-Għaqdiet reliġjużi biex jiltaqgħu fiha jew jagħmlu sessjonijiet ta’ talb flimkien.

Dawn is-sorijiet kienu ta’ għajnuna kbira għall-komunità. Kienu jgħinu n-nies bl-attivitajiet karitatevoli tagħhom, kienu jżommu t-tfal sakemm il-ġenituri kienu jkunu jaqdu l-ħtiġijiet spiritwali tagħhom, u kienu jżuru u jgħinu lix-xjuħ. Kienu jgħinu wkoll b’kampanji ta’ għajnuna, u fiċ-Ċentru tar-Rijabilitazzjoni, f’Kordin.

Fil-kunvent kellhom ukoll librerija, li kienet armata sewwa b’kotba u materjal ieħor għall-qari. Il-librerija kien jisimha Duchesne Lending Library.

Is-Sorjiet tal-Qalb ta’ Ġesù, issa, ilhom li telqu mill-Fgura. Il-kunvent tagħhom, ta’ Triq Liedna, issa qed jintuża bħala rifuġju u kenn għall-immigranti irregolari.

Ċentri għat-tagħlim tad-Duttrina Nisranija

Qabel it-Tieni Gwerra Dinjija xi rġiel mill-qasam ta’ Ħal Tarxien tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M.) kienu jiġu l-Fgura biex jgħallmu l-katekiżmu lil xi tfal li kienu joqogħdu l-Fgura f’dak iż-żmien.

Meta spiċċat il-gwerra l-għadd tat-tfal beda jiżdied b’rata mgħaġġla ma’ Malta kollha; u ħafna iktar fil-Fgura, li bdiet tiġbed lejha ħafna familji. Il-katekiżmu kien ikun mgħallem f’żewġt ikmamar, iżda ma damitx ma nħasset il-ħtieġa għal post ikbar, u s-Soċjetà xtrat il-bini sħiħ li kien jinkludi lil dawk iż-żewġt ikmamar. Dan ċ-ċentru kien 60, Triq Carmel. Wara xi żmien, minflok l-għalliema minn Ħal Tarxien, bdew jiġu l-Fgura għalliema miż-Żejtun (Città Beland).

B’danakollu, din is-soluzzjoni kienet temporanja, għax l-għadd ta’ tfal fil-Fgura baqa’ jikber b’mod fenomenali. Għalhekk instab ċentru ġdid, meta s-Soċjetà xtrat flat imdaqqas fi Triq Dun Ġorġ Preca. Dan il-flat kellu iktar kmamar, u sala mdaqqsa biex tintuża bħala kappella.

Iżda dan il-flat ma damx ma wera li kien ukoll inadegwat għall-ħtiġijiet tat-tfal. Is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija tagħti lit-tfal mhux biss formazzjoni reliġjuża, iżda l-għan tagħha hu li tagħti lit-tfal trobbija ħolistika. Jeħtieġ li t-tfal jiltaqgħu b’mod informali u jilagħbu biex jagħmlu ħbieb u jgħinu lil xulxin f’atmosfera rilassanti. Biex jissodisfa dawn il-ħtiġijiet il-Qasam tal-Fgura xtara biċċa art, qrib il-knisja parrokkjali, u bniha bil-konsiderazzjoni tal-ħtiġijiet tat-tfal. Dan il-post ġdid qiegħed fi Triq il-Patrijiet Karmelitani.

Il-Fgura għandha wkoll il-Fergħa Nisa tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija. L-ewwel ċentru fejn l-għalliema kienu jagħtu lezzjonijiet tal-katekiżmu lill-bniet kien fi flat żgħir, fl-ewwel sular, fi Triq il-Patrijiet Karmelitani. Fl-1990 is-Soċjetà ddeċidiet li tixtri dar kbira fi Triq Kampanella. Dan iċ-ċentru għadu hemm sa llum. Din id-dar toffri spazju akbar għall-attivitajiet minbarra t-tagħlim tal-katekiżmu.

Ġonna Pubbliċi u monumenti


Fis-6 ta’ Settembru 1986 inkixef monument li jfakkar lil Ġorġ Stevens, li kien kittieb u li kien ko-fundatur tal-Għaqda Letterarja Maltija. Dan il-monument inħadem mill-iskultur Alfred Camilleri Cauchi.
Fi Pjazza Reggie Miller insibu statwa sabiħa tal-Madonna tal-Karmnu, li ukoll hi xoghol ta’ l-iskultur Alfred Camilleri Cauchi. Ta’ min isemmi li dan l-iskultur jgħix fil-Fgura, u rregala diversi xogħlijiet oħra lill-komunità.
Fit-28 ta’ Marzu 1976 kien inawgurat Ġnien Pubbliku, li ssemma għal Reggie Miller, li kien il-fundatur tal-General Workers’ Union. Dan il-ġnien kien rinnovat f’forma ta’ pjazza fl-1996.
F’Marzu tas-sena 2000 kien inawgurat il-Ġnien Patri Redent Gauci, fil-qasam tad-Djar. Dan il-ġnien jinkludi faċilitajiet sportivi u ta’ rikreazzjoni għat-tfal u ż-żgħażagħ. Patri Redent Gauci kien wiehed mill-ewwel Patrijiet tal-Komunità Karmelitana li ġew il-Fgura. Aktar tard mar jagħmel xogħol pastorali f’artijiet tal-missjoni. Imbagħad ġie maħtur Isqof ta’ Mawritania.

Għaqdiet fil-Fgura


Il-Fgura Football Club twaqqaf fl-1970. Sena wara l-Fgura United kien affilajt mal-Malta Football Association u beda jipparteċipa fil-League. Fl-istaġun 1972/73 ġew Runners Up, u fl-istaġun ta’ wara rebħu s-Sezzjoni tal-Minors.
Illum għandhom il-każin tagħhom fi Triq San Tumas, u għandhom ukoll qrib ground fejn jitħarrġu u jorganizzaw kompetizzjonijiet tal-football.
L-Għaqda Mużikali u Soċjali ‘Madonna tal-Karmnu’ twaqqfet fl-1985. L-ewwel dilettanti ltaqgħu f’garaxx fi Triq Kent, bil-ħsieb li jgħaqqdu banda biex tieħu sehem fil-festa tal-Fgura u f’okkażjonijiet oħrajn.
Il-banda twaqqfet, u s-Soċjetà kellha l-ewwel Każin tagħha f’garaxx ieħor fl-istess triq. Iżda l-Assoċjazzjoni ma waqfitx hemm, u l-Kumitat mill-ewwel beda jaħseb biex ikollu post ikbar.
Inxtrat dar kbira fi Triq Hompesch u, wara ħafna xogħol, il-każin il-ġdid ġie inawgurat fl-1991. Issa l-banda kellha post ikbar u iktar komdu fejn tiltaqa’ u titħarreġ, u tippjana l-attivitajiet.
Is-Soċjetà għandha skema ta’ tagħlim b’xejn lil tfal dilettanti li jkunu jixtiequ jitgħallmu jdoqqu xi strument.
Hi affiljata wkoll mal-Kummissjoni li tieħu ħsieb il-festa esterna, u tieħu sehem fit-tiżjin tat-toroq u wkoll fit-tħejjija tal-logħob tan-nar.
Fil-Fgura nsibu diversi Għaqdiet ohra li jagħtu sehemhom biex jikber is-sens Ċiviku tal-lokal. Minbarra l-Għaqdiet reliġjużi, sportivi u politiċi, insibu wkoll fost l-oħrajn l-iScouts u l-Girl Guides. Ilkoll flimkien jagħtu identita’ lil dan ir-raħal u jservu biex ħafna talenti jingħaqdu flimkien. Ma’ dawn ta’ min isemmi wkoll il-Kummissjoni Festa Esterna, li għandha l-Maħżen ta’ l-armar fi Triq il-Karmelitani. Imbagħad hemm il-Club tal-Ħamiem li qiegħed fi Triq il-Klerku, u l-Klabb tal-Boċċi li twaqqaf fit-8 ta’ Diċembru 1985.
Fil-Fgura għandna spectrum sħiħ ta’ Għaqdiet reliġjużi u sekulari. Ma’ dawk ta’ fuq ta’ min isemmi t-tliet Praesidia tal-Leġjun ta’ Marija, il-Fergħa tal-Fgura ta’ l-Azzjoni Kattolika Maltija, il-Grupp Karismatiku, il-Gruppi Familji Nsara, u n-Neo-Katekumenat.

Skejjel

Meta l-Fgura kienet abitata minn ftit nies ma kienx hawn skola. L-edukazzjoni ma kinitx obbligatorja dak iż-żmien, u t-tfal li xtaqu jitgħallmu, jew il-ġenituri li kienu jridu jagħtu edukazzjoni ‘l uliedhom, kellhom jibagħtuhom fi skola fl-irħula tal-madwar: Bormla (Città Cospicua), iż-Żejtun (Città Beland), Ħaż-Żabbar (Città Hompesch), jew Ħal Tarxien.

Immedjatament wara t-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija, fl-1944, Dun Ġużepp Zerafa, l-istess wieħed li kien jieħu ħsieb il-kappella tal-Madonna tal-Karmnu, ħa l-inizjattiva u applika lid-Direttur ta’ l-Edukazzjoni, is-Sur Brennan, biex jiftaħ skola fil-Fgura. Il-permess ingħata, u d-Direttur tal-Edukazzjoni awtorizza lis-Sur E.B.Vella biex jiftaħ l-iskola.

L-ewwel uġigħ ta’ ras kien biex jinsab post għal din l-iskola. Dun Ġużepp kellem lil ċertu Sur Cutajar, u talbu biex jikrilu żewġ garaxxijiet, li kellhom bitħa kull wieħed, u xi kmamar fuq wara, f’16 u 17 Triq San Xmun. Is-Sur Cutajar aċċetta, u din kienet l-ewwel skola tal-Fgura.

Biż-żmien l-għadd ta’ tfal beda jikber, tant li l-amministrazzjoni ta’ l-iskola kellha tgħaqqad ma’ l-iskola mezzanin u garaxx ieħor. Iżda n-nies tal-Fgura xtaqu li t-tfal tagħhom ikollhom skola moderna, arjuża u addattata. Il-Parent Teachers Association ta’ l-iskola bagħtet petizzjoni lill-Gvern f’dan ir-rigward.

Id-Direttur tal-Edukazzjoni laqa’ t-talba tagħhom, u ma damitx ma nbniet skola ġdida u sabiħa fin-naħa ta’ isfel ta’ Triq Carmel. Kienet skola b’sular wieħed, imdawra bil-ġonna. Il-kmamar tagħha huma arjużi u mdawla sewwa. Iktar tard żdied it-tieni sular. L-iskola għandha sala kbira fejn it-tfal jistgħu jieħdu sehem fi drammi u manifestazzjonijiet oħrajn. Għandha wkoll btieħi kbar fejn it-tfal jistgħu jilagħbu waqt il-break u waqt il-lezzjonijiet ta’ l-Edukazzjoni Fiżika.

Is-Swar tal-Kottonera

Nikola Cotoner, wieħed mill-Granmastri tal-Kavallieri ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann, ħakem fuq il-Ġżejjer Maltin bejn l-1663 u l-1680. Matul dawn is-sbatax-il sena ħadem ħafna biex jgħolli l-prestiġju ta’ l-Ordni u jħalli warajh patrimonju meraviljuż.

Il-Granmastru kesa minn ġewwa bl-irħam il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann. Ikkummissjona wkoll lil Mattia Preti, wieħed mill-pitturi l-aktar famużi dak iż-żmien, biex isebbaħ il-Katidral b’pitturi fuq temi mill-Bibbja.

Iżda aħna l-Maltin, b’mod speċjali n-nies li joqogħdu fin-nofsinhar ta’ Malta u fiż-żona tal-port, nassoċjaw lill-Granmastru Cotoner mal-bini tas-swar manjifiċi u imponenti, li jdawru u jagħlqu fihom lit-tlitt ibliet: Bormla (Città Cospicua), il-Birgu (Città Vittoriosa) u l-Isla (Città Invicta). Parti minn dawn is-swar tifforma l-ħajt li jissepara lill-Fgura minn Bormla (Città Cospicua), bil-Fgura fuq in-naħa ta’ barra tas-swar.

L-Inġinier li bena s-swar kien Maurizio Valperga li, dak iż-żmien, kien fis-servizz tad-Duka ta’ Savoia. Biex jiffinanzja l-proġett il-Granmastru daħħal taxxa fuq il-porpjetà. Dawn is-swar kienu meħtieġa f’każ ta’ attakk fuq Malta, kif kien ġara fl-Assedju l-Kbir ta’ l-1565.

Cotoner qiegħed l-ewwel ġebla f’Awwissu 1670, u s-swar kienu mibnijin ġebla fuq ġebla fuq pedamenti fil-livell tat-triq. Illum is-swar huma attrazzjoni turistika meraviljuża.

Triq il-Karmnu

Triq il-Karmnu hija waħda mill-eqdem toroq fil-Fgura. Din it-triq kienet tgħaqqad l-inħawi ta’ Bulebell mat-triq li minn Paola Ġdid kienet tgħaddi għall-Ħaż-Żabbar (Città Hompsech) u Ħal Tarxien ma’ Bormla (Città Cospicua). Illum din it-triq hija kollha mibnija bil-bini residenzjali u kummerċjali, iżda mill-għamla tagħha tidher li hija triq antika ħafna. Jista’ jagħti l-każ li l-isem ta’ din it-triq ġej min-niċċa antika li kellha x-xbiha tal-Madonna tal-Karmnu, li kienet fit-tarf ta’ din it-triq, kantuniera ma’ Triq Hompech.

Sqaq Rjallu

Dan huwa l-uniku sqaq li fadal fil-Fgura. Meta wiehed jgħaddi minnu jista’ minn Triq Ħaż-Żabbar (Città Hompesch)jgħaddi għal Triq Mater Boni Consilii.

Wied Blandun

Għalkemm il-Fgura llum hija lokalità pjuttost kummerċjali u ppopolata, xorta fiha għadna nsibu post fejn wieħed jista’ jgawdi n-natura fis-sbuħija tagħha. Sa mitt sena ilu Wied Blandun kien post verament mill-isbaħ, fejn konna nsibu kampanja u ambjent naturali sabiħ ferm. Ghalkemm l-iżvilupp ta’ dawn l-aħħar snin tellef ħafna minn din is-sbuħija, xorta fadal biċċa minn dan il-wied fejn nistgħu naraw u napprezzaw is-siġar, ħitan tas-sejjieħ, ħxejjex u pjanti, u anke insetti u annimali żgħar li għadhom jgħixu f’dan il-wied. Fix-xhur tax-xitwa wieħed jista’ jara ukoll nixxiegħat ta’ l-ilma ġieri li jfawru, speċjalment wara li tkun għamlet ix-xita.

Il-Kunsill Ċiviku


Fuq inizjattiva ta’ Patri Klement Caruana, O.Carm., twaqqaf Kunsill Ċiviku fl-20 ta’ Novembru 1962. Il-Kunsilli Ċiviċi kienu magħrufa mill-Gvern dak iż-żmien, u l-funzjoni tagħhom kienet biex jixprunaw lill-Gvern iwettaq proġetti fir-raħal biex titjieb il-ħajja tar-residenti.

L-ewwel President tal-Kunsill Ċiviku tal-Fgura kien is-Sur Carmelo Attard, il-Kap ta’ l-Iskola Primarja tal-Fgura, u bħala Segretarju kien hemm is-Sur George Lewis. Il-Kunsill ma damx ma ġie affiljat mal-Konfederazzjoni tal-Kunsilli Ċiviċi, u b’hekk seta’ jaħdem iktar u aħjar għall-iżvilupp u l-progress tal-Fgura.

Fost il-persuni li ddedikaw ħajjithom, fi ħdan il-Kunsill, biex jaħdmu għall-Fgura, insemmu b’mod speċjali lis-Sur Anthony P.Bilocca u lis-Sur Nazzareno Farrugia, Membru tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija (M.U.S.E.U.M.) u li dam ħafna jmexxi l-Qasam tal-Fgura.


Konklużjoni

Il-Fgura llum huwa raħal modern u ċentru kummerċjali. F’dawn l-aħħar ħamsin sena, minn art battala, il-Fgura nbniet kollha kemm hi, u l-popolazzjoni kibret ħafna. Illum il-popolazzjoni tlaħħaq madwar 12,000 ruħ, u fiha nsibu toroq sbieħ u spazjużi, pjazez u wesgħat, kif ukoll appartamenti u stabbilimenti moderni.

.


View Larger Map