Ħal Għaxaq

Knejjes

Print this page

Il-Knisja Ġdida
Meta Ħal Għaxaq sar parroċċa għalih, aktar u aktar kibret il-kburija li l-Għaxqin kellhom bil-knisja tagħhom. Imma l-kappella ta’ Santa Marija kienet żgħira u primittiva wisq. Għalhekk l-Għaxqin bdew jaħsbu biex ikollhom knisja oħra, li tagħmel unur lir-raħal tagħhom.

Is-sena eżatta ta’ meta bdiet tinbena din il-knisja l-ġdida f’Ħal Għaxaq, ma nafuhiex, iżda x’aktarx li kien madwar l-1645. Nafu li fil-5 t’ Awissu 1655 il-knisja tlestiet u ġiet imbierka u ddedikata lill-Ommna Marija Santissima mtella’ s-sema.

Bħal kappella ta’ qabilha, il-knisja l-ġdida kienet tħares lejn il-Gudja. Għall-ewwel il-knisja żammet l-istess faċċata tal-kappella l-qadima, imma għall-bidu tas-seklu 18 din il-faċċata ġiet mibdula. Kien hemm il-ħsieb li tiġi b’ żewġ kampnari; fil-fatt sas-sena 1709 il-kampnar tax-xellug kien lest. Iżda l-kampnar l-ieħor, għalkemm mibdi, baqa’ qatt ma tlesta. Ir-raġuni aktarx li bdiet tinbet fi qlub il-poplu Għaxqi x-xewqa li tinbena t-tielet knisja tiegħu – il-knisja li għandna llum.

Għal dak iż-żmien it-tieni knisja ta’ Santa Marija kienet tagħmel ġieh lir-raħal. Madankollu din damet biss 78 sena, għax fl-1733 tqegħdet l-ewwel ġebla tat-tielet knisja parrokkjali f'Ħal Għaxaq – il-knijsa li għandna llum, li tħabbatha ma’ l-isbaħ knejjes ta’ Malta.

Il-Knisja li Għandna Llum
il-knisja parrokkjaliFl-20 ta’ Diċembru 1733 l-Isqof Fra Paolo Alpheran de Bussan qiegħed l-ewwel ġebla tat-tielet knisja f’Ħal Għaxaq- il-knisja li għandna llum. Skond ir-rit Ruman l-ewwel ġebla kienet tkun taħt il-pilastru tan-naħa ta’ l-Evanġelu.

Ma nafux eżatt min kien il-perit ta’ din il-knisja. Iżda kemm it-tradizzjoni, kif ukoll il-kittieb storiku Achille Ferris isostnu li l-Perit kien Sebastiano Saliba. Il-knisja hija forma ta’ salib latin bi stil barokk qawwi fiha. Il-bieb ta’ barra iħares lejn iż-Żejtun.

Il-50 sena ta’ xogħol, tbatija u sagrifiċċju raw il-frott tagħhom fil-jum tal-Konsagrazzjoni tal-Knisja, nhar il-Ħadd, 2 ta’ Mejju 1784, meta l-Isqof Mons. Vincenzo Labini mdawwar bil-kleru u l-poplu Għaxqi, ikkonsagra l-Knisja l-ġdida u ddedikaha lill-Verġni Marija Mtellgħa s-Sema.

San Filippu Neri
kappella san filippuIl-knisja ta’ San Filippu Neri, qiegħda ftit ‘il bogħod mill-knisja parrokkjali, din il-knisja hija benefiċjali u ġuspatronata tas-sekular.

Din il-knisja hija sabiħa ħafna speċjalment b’dik is-sempliċita’, għandha koppla u fil-faċċata għandha wkoll portiku żgħir.

Is-saċerdot Dun Ġwann Filippu Żammit Mifsud kien dak li ħareġ il-flus, fuq il-lok ta’ żewġt ikmamar, li kienet propjeta’ tiegħu stess. Il-bini tal-knisja nbena fit-23 ta’ Jannar 1761, u ntemm fit-3 ta’ Lulju, 1762, fuq id-disinn tal-Perit Saliba. Din tbierket mill-istess fundatur fid-9 ta’ Mejju, 1763.

Din il-knisja, fl-1769, ġiet affiljata ma’ dik ta’ San Ġwann Lateran ta’ Ruma, u tgwadi l-istess privileġġi.

Il-Kappella Ta’ Santu Kristu
kappella santu kristuIl-knisja tar-Redentur hija devota u magħrufa bosta, l-iktar imsejħa bħala ta’ Santu Kristu; għalhekk jingħadu bosta fehmiet fuq il-bidu ta’ dan is-santwarju.

Jingħad li l-istimatur ta’ l-art, Mikielanġ Żammit, fl-1806, ġieħ il-ħsieb li jwassal fir-raħal tiegħu d-devozzjoni lejn il-Passjoni ta’ Ġesu’ Kristu, billi jibni niċca fit-triq ewlenija tar-raħal tiegħu, jiġifieri Ħal Għaxaq, preċiż fil-quċċata fejn kienu isibuh bħala Kalamija.

F’waħda min-niċeċ fl-1808 ġiet imqiegħda l-istatwa tar-Redentur, xoghol Mastru Pawl Cassar, minn Bormla, student ta’ Marjanu Ġerada. Twajjeb ieħor inqala’ sabiex jagħmel minn butu n-niċċa tal-Veronika.

Sal-1808 kien hemm dejjem id-devozzjoni lejn dik ix-xbieha, li din tat ħsieb lil qassis mill-istess raħal, Dun Ġużepp Demicoli, li jibni knisja minflok in-niċċa, u fiha jqiegħed l-istatwa ta’ Ġesu’ Kristu.

Fis-17 t’ Ottubru, 1852, il-Kappillan Dun Tumas Naudi ġie purċissjonalment għal-lok, bierek l-ewwel ġebla u niseġ kelmtejn għall-okkażjoni. Il-knisja l-ġdida filgħodu tal-25 ta’ Settembru 1859, ġiet imbierka mir-Reverendissmu Kanonku Dun Filippu Amato, Vigarju Ġenerali.

Biswit dan is-santwarju hemm dar ċkejkna li ġiet offruta lis-Sorijiet Franġiskani ta’ Malta mill-Arċisqof biex jieħdu ħsieb il-knisja.

Santa Luċija
kappella santa lucijaGħalkemm din il-kappella, illum qegħda fil-konfini tal-lokalita ta' Santa Luċija, din il-Kappella hija parti mill-wirt storiku tar-raal tagħna u għalhekk trid tiġi nkluża mat-tagħrif tar-raħal tagħna.

Din il-knisja ġiet mibnija fl-1535 fuq art u bi flus il-knisja Kattedrali, għalhekk hija tagħhom. Wara ġiet ri-edifikata min-Nobbli Pawlu Pellegrino. Fiha artal wieħed, u s-sagristija tagħha ġiet mibnija minn Wiġi Agius.

Din il-knisja tinsab, tista’ tgħid, ‘il barra mir-raħal, f’Tal-Barrani, imma bil-konfini ċivili tagħmel parti mar-raħal ta’ Santa Luċija.