Il-Gżira

Manoel Island

Print this page
Panoramic Image of Manoel Island as seen from the Strand Gzira  - photo Fabian Borg

Manoel Island

Manoel Island hi msemmija wara l-Granmastru Manoel de Vilhena li kien bena forti tas-seklu tmintax. Din il-blata prattikalment ċatta u forma ta’ werqa, kienet magħrufa bħala l-gżira tal-Isqof għax dak iż-żmien kienet ġiet mogħtija lilu mill-Kapitolu ta’ l-Imdina fl-1570.

Fl-1643 Manoel Island ġiet mogħtija lill-Ordni tal-Kavallieri bi tpartit ma’ biċċa art magħrufa bħala tal-Fidden fil-viċinanzi tar-Rabat biex il-Kavallieri setgħu jibnu Lazzarett (sptar kwarantina) f’Marsammett.

Is-sbuħija ta’ Manoel Island wieħed jista’ japprezzaha meta jħares leja minn fuq is-swar tal-Belt Valletta (in-naħa tal-Punent).

Il-Forti Manoel tokkupa l-parti –il kbira tal-gżejra u n-naħa li tħares lejn il-Belt tiddomina l-port ta’ Marsamxett, tant li ġiet imsejħa waħda mill-isbaħ fortizzi tal-Ewropa.

Il-Granmastru Antonio Manoel De Vilhena li ha ħsieb jibniha fl-1726 kien qabbad lil De Tigne u lil De Mondion biex jieħdu ħsieb ix-xogħol. Għall-ewwel kien maħsub li l-gżejra kollha ssir fortizza iżda x-xogħol ġie restritt għall-fortizza li tinsab illum.

Il-Granmastru Manoel De Vilhena kien stabbillixxa fond speċjali biex jipprovdi għall-manutenzjoni li kien magħruf bħala The Manoel Foundation li kellha dħul annwali ta’ 10,000 skud li kien jgħin biex jinxtara kanun ġdid kull tlett snin apparti minn affarijiet oħra.

Photo by Fabian Borg

Il-Forti Manoel bil-lejl

L-ewwel ġebla tqegħdet mill-Granmastru fl-14 ta’ Settembru 1723 fil-preżenza tal-Kavallieri. Fl-1732, il-kanal ta’ l-ilma kien ġie skavat u d-data mnaqxa fuq il-plakka ta’ l-irħam li tpoġġiet fuq il-faċċata tal-bieb prinċipali taqra 1726.

Il-pjanta tal-forti hi pjazza kwadrata b’erba’ swar f’kull kantuniera. L-iswar ta’ wara li jħarsu lejn l-art ġew imsaħħa b’cavaliers baxxi maqgħudin b’ħajt li kien fih akkommodazzjoni bombproof għat-truppi.

Iż-żewġ swar li jħarsu lejn il-baħar, dak ta’ Sant’Antnin u dak ta’ Sant’Elena, kienu mamra bi mħażen fejn jaħżnu l-porvli.

Il-pjazza tal-forti jew il-ground tal-parati, kienet imdawwra b’bini rettangolari fejn kien hemm il-kwartieri ta’ l-Uffiċjali, barracks, l-armerija, ħabs, u kappella dedikata lil Sant’ Antnin ta’ Padova, protettur tal-Granmastru.

L-entrata prinċipali mżejna b’kanċell stil barok, kienet faċċata tal-baħar tħares lejn il-Belt li kienet protetta b’gandott ta’ l-ilma u pont li jista’ jintrafa’ u sur triangolari magħruf bħala couvre porte. Statwa kbira tal-bronż tal-Granmastru de Vilhena, kumissjunata mill-Kavallier Savasse, ġiet imqegħda f’nofs il-pjazza iżda fis-seklu dsatax din ġiet meħudha l-Belt Valletta u wara l-Furjana fi Pjazza Sant’ Anna.

Fil-fortizza kien hemm ma’ l-erbgħin kanun iżda fl-aħħar żmien tal-Kavallieri, kellha ftit wisq biex tiddefendi ruħha u għalhekk, fit-12 ta’ Ġunju 1798, il-bibien infetħu għall-Franċiżi u l-Ġeneral Vaubois ha pussess tagħha u għadda l-kmand tal-gżejra lill-Ammiral Decrez.

Mal-miġja ta’ l-Ingliżi, ħaduha f’idejhom u fl-aħħar twaqqfet hemm it-10th Submarine Flotilla Malta Force u billi libset libsa navali, ġiet imsejħa H.M.S. Tabot u aktar tard H.M.S. Pheonicia. Ħdejn il-fortizza u Lazzarett ġew ibbażati ħmistax –il sottomarine magħrufa bħala l-U-Force. Għal din ir-raġuni, l-fortizza ġiet ibbumbardjata bl-aħrax u ġiet milquta aktar minn 400 darba. L-agħar attakki saru bejn Frar u Marzu tal-1942.

Lazzarett

Struttura oħra mibnija fuq din il-gżejra hi Lazzarett li nbena mal-kosta direzzjoni nofs in-nhar tal-forti.

L-ewwel Lazzarett kien wieħed temporanju li kien jikkonsisti f’huts ta’ l-injam li nbnew matul il-pesta fl-1592. Dawn twaqqgħu fl-1593 meta kienet għaddiet il-pesta.

Fl-1643, meta l-gżejra ġiet mogħtija lill-Kavallieri, ġie stabbilit li jinbena Lazzarett permanenti. Maż-żmien dan tkabbar u nbnew mħażen biex tinżamm il-merkanzija wara l-pesta ta’ 1675-76 mill-Granmastru Nicolo’ Cottoner u aktar tard mill-Granmastru Caraffa u De Vilhena. Mill-ħafna ċimiterji li kien hemm f’Manoel Island, li kienu jservu Lazzarett, illum baqa’ biss kappella żgħira.

Saru diversi modifiki, matul is-seklu dsatax partikularment matul it-tmexxija ta’ Sir Henry Bouverie.

Il-Lazzarett ġie mkabbar bejn 1837 – 1838 u matul dawn ix-xogħlijiet, ittieħdet l-opportunita’ biex jinbena sptar ġdid.

Matul iż-żmien, l-isptar kien sar kwartieri għas-suldati miżżewġa iżda, fl-1871 reġa’ sar sptar minħabba l-mard tal-ġidri.

Kemm il-Forti Manoel kif ukoll Lazzarett, huma meqjusa bħala monumenti arkitettoniċi u storiċi li jiddokumentaw stadji mportanti fl-istorja ta’ Malta.

Disin tal-Forti Manoel

Disin tal-Forti Manoel

L-pont antik ta' Manoel Island

L-pont antik ta' Manoel Island

 

Il-Lazzarett

Il-Kappella ta' Sant Antnin ta' Padua

Il-Gżira kif tidher minn Manoel Island - ritratt meħud qabel l-ewwel gwerra dinjija, jidher ukoll l-pont antik ta' Manoel Island.

Dehra tal-Marina ta' Manoel Island

Dehra tal-Lazzarett ta' Manoel Island u l-Belt Valletta

Manoel Island

Dehra tal-Lazzarett bil-lejl minn Ian Wright