Il-Gżira

Aktar Postijiet ta' interess

Print this page

Ġnien Kunsill ta’ l-Ewropa 

Il-Ġnien li hem fix-Xatt tal-Gżira ma’ ġenb il-Yacht Marina li qabel kien Ġnien il-Gżira u Ġnien Yacht Marina, llum insibuh bħala Ġnien Kunsill ta’ l-Ewropa l-Gżira.

L-iżvilupp tal-proġett ta’ Manoel Island, ser jibdel il-pożizzjoni preżenti tal-Yacht Marina u ser jiġi trasferit għal Manoel Island u b’hekk mhux ser ikun hemm konnezzjoni bejn il-Yacht Marina u l-Ġnien.

Il-Kunsill Lokali ħass li l-Ġnien għandu jissejjaħ Ġnien Kunsill ta’ l-Ewropa il-Gżira, biex jikkommemora żewġ okkażjonijiet – il-ħamsin anniversarju minn meta twaqqaf il-Kunsill ta’ l-Ewropa u l-35 anniversarju minn meta Malta kienet membru ta’ dan l-istess Kunsill.

Il-monument dedikat għall-Kunsill ta’ l-Ewropa, ġie nawgurat mill-Onor. Dott John Vella M.D. M.P. li hu mill-Gżira u li kien il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-Assemblea Parliamentari għall-Kunsill ta’ l-Ewropa flimkien mas-Sindku tal-Gżira, Dott Ian Micallef LL.D. li huwa Kap tad-Delegazzjoni għall-Kungress ta’ l-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa.

Dan il-Ġnien li huwa devolut lill-Kunsill Lokali, joffri post ta’ rekreazzjoni kemm għall-kbar kif ukoll, għaż-żgħar u għalhekk, huwa amministrat mill-Kunsill li qed jimpennja ruħu bis-sħiħ biex isebbħu.

Il-Ġnien jista’ jinkera għall-attivitajiet kemm private kif ukoll, pubbliċi skont il-Bye Law ppubblikata mill-Kunsill Lokali. Kopja ta’ din il-Bye Law u aktar informazzjoni tista’ tinkiseb mill-Kunsill Lokali.