Il-Ħamrun

Informazzjoni dwar il-lokalita'

Print this page

Il-Ħamrun huwa wieħed mis-subborgi li nsibu fil-gżejjer Maltin xi żewġ mili (2.25km) biss ‘il bogħod mill-Belt Valletta (Città Umilissima). Jinsab mibni fuq art watja, imħattba kemmxejn lejn in-naħa Tas-Samra. It-toroq tal-Ħamrun huma ta’ wisa’ normali u dritti bla tgħawwiġ, tneħħi xi żewġ toroq dojoq li jinsabu ‘l isfel mill-Għassa tal-Pulizija. Il-Ħamrun ittieħed minn tliet parroċċi, dik ta’ Ħal Qormi (Città Pinto), ta’ Birkirkara u tal-Floriana. Il-limiti tal-Ħamrun kienu wisq mifruxa milli huma illum, iżda meta Santa Venera u l-Marsa saru paroċċi dawn ħadu parti sewwa mill-Ħamrun. Il-motto tal-Ħamrun huwa ‘Propera”Augesco’”li jfisser ‘Dlonk Nikber’. Dan is-subborg dam żmien twil biex stabbilixxa ruħu imma wara kiber u żvillupa f’daqqa u sar magħruf bħala l-Ħamrun kif nafuh.

Illum ma għadux dak ta’ li kien sittin jew sebgħin sena ilu billi bil-progress li għadda minnu b’ħeffa kbira, sar iħabbatha mal-Belt Valletta (Città Umilissima). Fih insibu ħwienet ta’ lussu u ta’ ġeneri oħra li għamlu lill-abitanti tiegħu jgħixu fil-kumdità ta darhom mingħajr il-ħtieġa li jmorru ‘il bogħod għall-ħtiġiet ta’ kuljum fil-ħajja.

Qabel, il-Ħamrun l-isem li nafuh bih illum kien jissejjaħ ‘Casale San Giuseppe’ - raħal San Ġużepp - għall-Knisja ta’ San Ġużepp li kienet tinsab fin-naħa ta’ fuq tat-triq l-ewlenija li għadha sa illum iġġib l-istess isem u baqa’ magħruf hekk sas-sena 1888, iżda minħabba diżgwid li beda jinħass dak iż-żmien, liema hu l-vera isem ta’ dan is-subborg jekk hux San Ġużepp jew il-Ħamrun, li kien l-aktar magħruf man-nies, indaħal il-Gvern u għażel ‘Il-Ħamrun’ bħala l-isem uffiċjali għal għadd ta’ raġuni, l-aktar billi l-isem San Ġużepp kien beda jinqata’ minn fuq ilsien in-nies.

Jingħadu żewġ verżjonijiet dwar kif bdiet il-kelma ‘il-Ħamrun’. L-ewwel waħda hi, kif jħidu uħud, li l-isem ġej mill-kelma ‘ħamrija’ billi kienet ħamra u minn ‘ħamrija’ saret “il-Ħamrun. Il-verżjoni l-oħra li milli jidher qablu magħha bosta, kienet illi l-isem “il-Ħamrun” huwa laqam ta’ familja li kienet togħqod fil-qalba ta’ Triq Irjali San Ġużepp. Il-laqam ta’ din il-familja, li għadu jeżisti fil-Ħamrun, huwa l-istess wieħed li jġib dan is-subborg. Dan il-laqam kien ta’ ċertu Ġamri Żammit mill-Belt Valletta (Città Umilissima) li kellu ħanut ta’ dverna fejn illum hemm l-ex Hollywood Theatre. Iż-żewġ tifsiriet jistgħu jiġu aċċettati minħabba l-fatt li waħda, tal-‘Ħamrija’ insibuha imniżżla hekk bħala l-isem tal-post fil-fondazzjoni ta’ de Vilhena f’dak iż-żmien, waqt li l-oħra taqbel ħafna mal-laqam tal-‘Ħamruni’. L-arma tal-Ħamrun hija tarka ħamra fuq sfond abjad.

Il-Ħamrun, għalkemm kif ġa għidna dam ħafna ma’ żvilluppa ħdejn postijiet oħra, xorta għandu storja interessanti li tmur lura ħafna u ħafna żmien. Fil-fatt fil-Ħamrun insibu anke oqbra imħaffra ġol-blat u oqbra ta’ żmien ir-Rumani. Fi żmien il-Kavallieri parti mill-Ħamrun kienet isservi bħala mħażen ta’ l-Ordni Ġerosolmitan fejn kienu jżommu depożiti tal-kubrit u l-porvli. Insibu ukoll diversi palazzi fosthom fit-Triq Irjali San Ġużepp u anke f’inħawi ta’ tas-Samra fejn jingħad li kellu wieħed il-Gran Mastru De Rohan. Il-Ħamrun ukoll insibu torri tond li fih kien jiġabbar l-ilma ta’ l-Akwedot li minn Ħ’Attard kien iwassal l-ilma fil-Belt Valletta (Città Umilissima). Dan jinsab fi Triq San Ġejtanu li kien sar fl-1780 mil-Gran Mastru De Rohan. Ħaġa interessanti hija li fit-torri insibu kitba fuq ġebla tal-qawwi li tgħid: ‘Kif fl-ilma hemm il-ħajja hekk il-ħajja bdiet mil-ilma’. Fi żmien l-imblokk Franċiż, il-Ħamrun serva ta’ pont importanti minħabba li l-għolja tas-Samra kienet intużat bħala fortizza mill-Maltin biex ikeċċu l-Franċiżi, billi hawn tinsab l-eqreb għolja tal-Belt Valletta (Città Umilissima). Fi żmien il-Gwerra l-Kbira, il-Ħamrun ukoll ta s-sehem tiegħu billi laqa’ fih il-ħafna nies li ġew jistkennu fih mil-qilla tal-għadu. Tifkira ta’ dak iż-żmien ukoll insibu bosta xelters fejn in-nies kienu joqogħdu waqt l-attakki mil-ajru. Bosta bini fil-Ħamrun tul dak iż-żmien bidlu l-funzzjoni tagħhom. Kien hemm minnhom li spiccaw qorti u anke sptarijiet. Meta fit-28 ta’ Frar, 1883, ġiet inawgurata l-ferrovija mill-Gvernatur Borton, stazzjon minnhom kien ġewwa l-Ħamrun, illum f’dan il-bini insibu il-magna tal-ħalib u l-iscouts tal-Ħamrun. Żmien ta’ importanza ieħor fil-Ħamrun kien iż-żmien meta f’Malta daħlu is-swali ċinematogtafiċi jew iċ-ċinema. Fil-fatt insibu għadd ta’ postijiet li għamlu isem kbir f’dan il-qasam ftit taż-żmien bħal ma kienu l-Hollywood, Radio City, San Remo, Odeon u oħrajn. Sfortunatament ħafna mil-bini li kienu jintużaw bħala ċinema illum twaqqgħu biex jagħmlu wisa’ għal-bini ġdid.

Illum il-Ħamrun sar ċentru kummerċjali fejn hemm bosta ħwienet u li fih insibu ukoll Kwartiri Ġenerali ta’ diversi għaqdiet u Partiti Politiċi. Il-Ħamrun huwa magħruf ukoll fil-qasam sportiv fejn ħa ħafna unuri f’bosta sport differenti. Meta jissemma l-Ħamrun ma jistax ma tissemmiex il-mużika billi hawn tliet każini tal-banda.

Il-Qaddis San Gejtanu huwa sinominu mal-Ħamrun, fejn apparti id-devozzjoni li l-Ħamruniżi għandhom lejh, tigi ċelebrata waħda mill-akbar festi f’Malta li għaliha jattendu ħafna nies biex jaraw l-marċi brijuzi kbar li jsiru. Fil-Ħamrun għex u għallem il-kelma t’Alla l-ewwel Qaddis Malti, San Ġorġ Preca li ħalla ġid bkir warajh kemm bit-tagħlim u kemm bis-soċjeta tad-Duttrina li waqqaf fil-Ħamrun li wara xterded ma’ Malta kollha u anke ġo pajjiżi barranin.