Ta' Kerċem

Assoċjazzjonijiet

Print this page

Għaqda Mużikali San Girgor

L-Għaqda Mużikali "San Girgor" twaqqfet fis-sena 1997, u qed tagħti s-sehem tagħha f'diversi avvenimenti reliġjużi u f'okkażjonijiet oħra soċjali li jiġu organizzati fir-raħal u f’Għawdex matul is-sena.

Kerċem Ajax FC

Is-sena 1953 timmarka ġrajja oħra mportanti fl-istorja ta' Kerċem. Kien twaqqaf it-tim tal-futbol "Kercem Ajax", li originarjament kellu l-każin tiegħu fi Triq San Girgor. Illum għandu klabb modern ferm li jagħmel parti mill-Kumpless Sportiv “Raymond Mercieca” fi Pjazza Orvieto.

Għaqda Armar Madonna tas-Sokkors

L-Għaqda Armar Madonna tas-Sokkors ta’ Kerċem, li qabel kienet magħrufa bħala Għaqda Żgħażagħ Armar Kerċem, twaqqfet fid-29 ta’ Lulju 1991 minn grupp ta’ żgħażagħ. L-iskop ewlieni tagħhom kien li titwaqqaf assoċjazzjoni li taħdem fost iż-żgħażagħ ta’ Kerċem, u huma min naħa tagħhom jagħtu lura dak li jistgħu b’risq ir-raħal.

Fil-fatt, il-ħidma ewlenija tal-membri tal-għaqda hija li jieħdu ħsieb l-armar estern tal-festi titulari tar-raħal ta’ Kerċem, jippromwovu l-kultura u l-folklor lokali u anke li jorganizzaw attivitajiet għaż-żgħażagħ Kerċmin.

Ir-riżultat tal-ħidma qawwija tal-membri ta’ din l-għaqda deher ħafna matul is-snin minn kemm ilha mwaqqfa. Kienu ħafna dawk iż-żgħażagħ li ngħaqdu ma din l-għaqda, llum organizzati f’Kumitat Ċentrali u tlett sezzjonijiet oħra. Il-ħidma ta’ din l-organizzazzjoni sħiħa huwa wieħed mill-fatturi ewlenin tas-suċċess tal-festi titulari ta’ Kerċem. Ix-xogħol kbir li sar mill-membri tista tarah u tmissu b’idejk. Ħafna xogħol u opri tal-armar mill-aqwa li jżejjnu t-toroq prinċipali tar-raħal ta’ Kerċem. Nistgħu nsemmi wħud minnhom; pavaljuni u festuni tad-dawl, settijiet ta’ pavaljuni tad-drapp kbar, settijiet ta’ bandalori, pedestalli u anke restawr ta’ armar antik. Fl-1998, l-għaqda kkummissjonat lill-artist għawdxi Michael Camilleri Cauchi biex jaħdem l-istatwa magħrufa bħala “taż-Żewġ”, li ġġib ix-xbieha taż-żewġ patruni ta’ Kerċem – il-Madonna tas-Sokkors u San Girgor il-Kbir. Din l-istatwa tinġarr waqt dimostrazzjoni popolari fit-tieni jum tat-Tridu. Il-membri tal-Għaqda jistgħu jiftaħru wkoll li fl-1997 reġgħu akkwistaw mill-ġdid u rregalaw lill-parroċċa l-istatwa titulari l-antika tal-Madonna tas-Sokkors, minquxa fl-injam mill-istatwarju sqalli Francesco Lo Turco. Din l-istatwa kienet inbiegħet snin ilu, u llum reġgħet irritornat lura fil-post li għalih saret.

L-Għaqda Armar Madonna tas-Sokkors għandha f’idejja wkoll l-amministrazzjoni taċ-Ċentru Parrokkjali, li llum il-ġurnata huwa post fejn iż-żgħażagħ jinġabru għat-tagħlim u divertiment onest.

Mill-banda l-oħra, ix-xogħol fuq armar ġdid u r-restawr tal-armar eżistenti jsir fl-imħażen li għandha l-Knisja. Dawn l-imħażen ikunu miftuħa matul is-sena kollha. Minn dawn l-imħażen qed joħorġu opri ta’ armar mill-isbaħ minn idejn dawn il-membri ħabrieka u b’superviżjoni u direzzjoni tal-aqwa artisti maltin u għawdxin. L-għaxqa ta’ dawn iż-żgħażagħ hija l-jiem tal-festa titulari, meta jaraw it-toroq ewlenin ta’ Kerċem armati bl-ifjen armar  frott l-għaqal u l-bżulija tagħhom.

Fundazzjoni Folkloristika Ta’ Klula

Bi skop biex wirt il-hamlet ta’ Santa Luċija ma jintilifx u kemm jista jkun jiġi kkonservat, fis-sena 2005 twaqqfet il-Fundazzjoni Folkloristika ta’ Klula, li l-iskop tagħha hu li tiskopri u terġa tqajjem tradizzjonijiet antiki ta’ dan l-irħajjel. L-attivitajiet prinċipali li torganizza din il-fundazzjoni matul is-sena huma tlieta: il-festival tal-inbid “Bis-Saħħa”, l-“Ikla tan-Nanna” u l-“Festival tad-Dawl”.
Il-fundazzjoni Ta’ Klula kienet strumentali sabiex il-lokalita’ tagħna tirbaħ l-unur ewropew “European Destinations of Excellence Award 2007-2008” mill-Kummissjoni Ewropeja, wara applikazzjoni li saret f’isimhom mill-Kunsill Lokali Ta' Kerċem.