Ta' Kerċem

Knejjes

Print this page

Knejjes

Is-Santwarju Parrokkjali ddedikat lill-Madonna tas-Sokkors u lill-Papa San Girgor il-Kbir Papa. 

L-ewwel Knisja ddedikata lil San Girgor f'Ta' Kerċem, mibnija lejn is-sena 1581, kienet tinsab sewwa sew fejn jibda l-Wied tal-Lunzjata hekk kif tibda tiela lejn Triq Xuxa. Kienet Kappella ċkejkna bħal ħafna oħrajn imxerrda mal-kampanja Għawdxija. Mibnija b'filliera ta' tlett ħnejjiet u msaqqfa bix-xorok.

Meta r-raħal beda jizviluppa, l-kappella ta' San Girgor saret zgħira wisq għall-poplu li kien beda jikber. Inħass il-bżonn ta' Knisja akbar u aktar fil-qalba. Kien hawn li certu Frangisk Camilleri negozjant mir-Rabat u martu Rosina, ddecidew li jidhlu huma ghall-ispejjeż tal-Knisja l-ġdida ta' San Girgor fir-raħal Ta' Kerċem. Wara li saru t-tħejjijiet meħtieġa u ġiet magħzula l-art li fuqha kellha tinbena l-Knisja, nhar it-30 ta' Ottubru 1843, l-Arcisqof Francesco Saverio Caruana ta formalment l-permesstiegħu ghall-Knisja l-gdida.

L-ewwel ġebla tal-Knisja l-gdida tqiegħdet nhar il-Festa ta' San Girgor, fit-12 ta' Marzu 1846, mill-Pro Vigarju l-Kanonku Dun Mikiel Cassar u l-bini baqa' tiela fuq pjanta tal-Kanonku Dun Salv Bondi` sakemm tlestiet, u fit-23 ta' Novembru 1851, giet imbierka mill-Pro Vigarju Dun Tumas Pace.

Sadanittant, meta fl-1 ta' Settembru 1848, l-Isqof Publiju Marija Santa żar il-bini tal-Knisja l-ġdida ta' San Girgor, waqqaf il-hara Ta' Kerċem bħala Viċi Parroċċa. L-ewwel Viċendarju, Dun Ġuzepp Cachia, kellu temporanjament jaqdi d-doveri tiegħu fil-Knisja ta' Santa Luċija sakemm kellha titlesta l-knisja l-ġdida ta' San Girgor.

Meta tlesta l-bini, l-Knisja l-ġdida bdiet tiġi mgħammra bl-opri meħtieġa, u bdiet tiżżejjen b'diversi xogħlijiet ta' l-arti. Fost l-ewwel xogħolijiet insibu l-kwadru titulari, li kien tpitter f'Ruma fis-sena 1854, xogħol kapulavur tal-artist Salvatore Busuttil.

Il-Knisja ta' San Girgor saret parroċċa fi żmien Dun Ġuzepp Vella, l-aħħar Viċendarju u li aktar 'l quddiem, fit-30 ta' Gunju 1885, ġie elett bħala l-ewwel kappillan Ta' Kerċem. L-Isqof Pietru Pace, bid-Digriet "Visa Istantia" tad-19 ta' Gunju 1885, qatagħha li l-Knisja ta' San Girgor f'Kerċem tibda tiffunzjona bħala Parroċċa mill-Ħamis 25 ta' Gunju 1885. Ftit wara, eżattament fis-17 ta' Awissu 1885, b'digriet tal-Kongregazzjoni tar-Riti, ffirmat mill-Kardinal Prefett Domenico Bartolini, l-Kongregazzjoni ddikjarat lill-Madonna tas-Sokkors kon-titulari flimkien ma' San Girgor, u ffissat iċ-ċelebrazzjoni tal-festa ta' Madonna tas-Sokkors għat-tieni Ħadd ta' Lulju. Sa dak in-nhar il-festa tal-Madonna tas-Sokkors kienet issir fir-raba' Ħadd t'Ottubru.

Minn dak in-nhar 'l hawn il-Parroċċa kompliet torganizza ruħha. Twaqqfu l-Fratellanzi (1885), u bdew maż-żmien jiżdiedu wkoll l-għaqdiet religjuzi fosthom l-Ghaqda ta' l-Apostolat tat-Talb u l-"Pia Unione" tal-Qalb ta' Gesu (1886), il-"Figlie di Maria", l-Azzjoni Kattolika (1933), il-Leġjun ta' Marija (1953), il-Museum (1963) u t-Terzjarji Karmelitani (1993). Din l-aħħar għaqda twaqqfet mis-Sorijiet Karmelitani ta' Santa Tereża tal-Bambin Ġesu li kienu fetħu l-ewwel kunvent tagħhom f'Kerċem fis-sena 1957. Ma' dawn jixraq insemmu gruppi oħra fi ħdan il-Parroċċa li huma l-grupp ta' l-Abbatini (1885), il-Kor San Girgor (1973), u l-Għaqda Zgħażagħ Armar (1991), tlett għaqdiet li jagħtu kontribut ferm siewi lill-Parroċċa matul is-sena kollha.

Il-poplu tar-raħal maż-żmien kompla jikber u fl-ewwel snin tas-seklu 20 beda jinħass il-bżonn li titkabbar ukoll il-Knisja Parrokkjali. It-tkabbir tal-Knisja sar fi żmien il-Kappillan Dun Frangisk Portelli bejn is-snin 1906-1910. Inbnew il-kappelluni tal-Qalb ta' Gesu' I tal-Madonna tal-Karmnu flimkien mal-kor u l-koppla u hekk il-Knisja li qabel kienet tikkonsisti biss fin-navata ċentrali, issa ħadet forma ta' salib latin kif nafuha llum. Kompliet tiġi mzejna bl-opri meħtieġa sakemm imbagħad ġiet ikkonsagrata mill-Isqof Giovanni Maria Camilleri nhar it-22 t'Ottubru 1911.

Minn dak in-nhar sal-lum, ix-xogħlijiet fil-Knisja u l-opri ta' l-arti ma' waqfux. Sar il-paviment tar-rħam (1929), l-iskultura (1930-1934), il-pittura tas-saqaf (1937-1943), l-artal mejda tar-rħam (1980), paramenti sagri, u mitt oggett ieħor li llum iżejnu din il-Parroċċa.

Kif kien xieraq, fl-1985, b'inizjattiva tal-Kappillan il-Kan. Dun Franġisk Debrincat tfakkar solennament l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tal-Parroċċa. Il-festi kommemorattivi saru bejn il-25 ta' Gunju u l-14 ta' Lulju 1885, u laħqu l-qofol tagħhom bl-inkurunazzjoni tal-Madonna tas-Sokkors fil-Kwadru Titulari mill-E.T. Mons Isqof Nikol G. Cauchi, nhar id-9 ta' Lulju 1985. Il-funzjonijiet fi tmiem dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kommemorattivi kienu tmexxew mill-Kardinal Pietro Palazzini, dak iż-żmien Prefett tas-Sagra Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin.

Il-festi kbar li saru fl-1985, fl-1997, u fl-2003, fl-okkażjoni ta' l-Ewwel Ċentinarju tal-Parroċċa, l-ewwel Ċentinarju mill-wasla tal-istatwa titulari tal-Madonna tas-Sokkors u l-1700 sena mill-mewt ta’ San Girgor u l-100 sena mill-wasla tal-istatwa titulari tiegħu, ħolqu ċertu entużjażmu fil-poplu ta' dan ir-raħal, u żgur li taw spinta 'l quddiem lill-organizzazzjoni taż-żewġ festi titulari li l-kommunita' tiċċelebra kull sena.

Il-Knisja ta’ Santa Luċija Verġni u Martri.
Din il-Knisja, l-unika waħda f’Għawdex dedikata lil din il-qaddisa verġni u martri, tinsab f'irħajjel żgħir li jġib l-istess isem. Infatti għal fini ta' amministrazzjoni ċivili u ekkleżjastika, Santa Luċija hija meqjusa mal-lokalita' Ta' Kerċem.

Il-Kappella tal-Madonna tal-Karmnu tas-Sorijiet Karmelitani ta’ Santa Teresa tal-Bambin Ġesu.

Il-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu fix-Xlendi.