Ta' Kerċem

Dħul

Print this page

Ta' Kerċem

Ir-raħal ta' Kerċem, fil-Lbiċ tal-belt Victoria, jinsab bejn il-wied pittoresk tal-Lunzjata u l-għoljiet Tal-Mixta, Ta' Għar Ilma u Ta' Dbieġi. Il-konfini tiegħu jaslu sal-Għadira ta' San Raflu, l-irdumijiet tax-Xlendi u t-Triq ta’ Pinu, filwaqt li jmiss ma’ sitt lokalitajiet oħra.

It-tifsira tal-kelma "Kerċem" hija inċerta. Diversi kienu dawk li matul iż-żminijiet ippruvaw jagħtu tifsira tagħha, imma ħadd ma jidher li wasal għal definizzjoni ċerta. L-ewwel darba li jissemma "Kerċem" hu fis-sena 1587, u fost l-istoriċi li taw xi interpretazzjoni ta' din il-kelma nsibu lill-Kanonku Ġann Piet Franġisk Agius de Soldanis, lil Dunstan G. Bellanti, u l-aktar reċenti lil Mons. Dr Joseph Bezzina, li jgħid li jaqbel ma' De Soldanis, li l-kelma "Kerċem” hija mnissla minn xi laqam ta' familja li setgħet, fl-imgħoddi mbiegħed, kienet tgħix f'dawn l-inħawi.

Il-motto tar-raħal, "Flectar non Frangar" - "Mgħawweġ mhux Miksur", imnebbaħ aktarx mis-siġra tal-ballut (bil-latin "Quercus"), li minnha hemm min jgħid ukoll li hija mnissla l-kelma "Kerċem". Dan irid jirrifletti l-karattru sod tal-Kerċmin.

L-inħawi ta' Kerċem kienu mgħammra mill-bniedem sa mill-ibgħad żmenijiet. Xhieda ta' dan huma l-fdalijiet tal-fażi Għar Dalam (5000-4500 Q.K.) li nstabu fl-Għerien tal-Mixta. Fdalijiet oħra ta' dar ta' żmien il-Feniċi nstabu fis-sena 1906 waqt il-qtugħ tal-ġebel għat-tkabbir tal-Knisja Parrokkjali u oħrajn ta' Santwarju Puniku (300Q.K.) instabu oħrajn f'Ras il-Wardija mill-Missjoni Arkeoloġika Taljana fl-1964-1965. (Ras il-Wardija llum hija parti mit-territorju tar-raħal ta' San Lawrenz, imma dawn l-inħawi kienu wkoll parti mir-raħal ta' Kerċem li l-limiti tiegħu kienu jaslu sad-Daħla tad-Dwejra bit-Torri u l-Ġebla tal-Ġeneral). Xhieda oħra ta' abitazzjoni bikrija huma l-Banjijiet Rumani li nstabu fl-inħawi ta' Għar Għerduf u li llum b'xorti ħażina jinsabu mirduma. F’Kerċem insibu wkoll il-fdalijiet ta' Għar Għerduf li xi darba kien ċimiterju Kristjan tat-tielet seklu. Dwar dan iċ-ċimiterju jew, kif isejjaħlu De Soldanis, "katakombi", l-istess storiku jgħid li "għandu l-istess għamla li għandhom il-katakombi tant sbieħ tar-Rabat tal-Imdina", u jkompli jgħid "ma jaqbilx magħhom biss f'dan, li waqt li dawk tal-Imdina huma taħt l-art, tagħna hu fil-wiċċ,…"

Il-Katakombi ta' Għar Għerduf u l-kappelli antiki fl-inħawi ta' Kerċem (ta' San Girgor, ta' Santa Luċija, ta' Sant Anton Abbati, ta' San Ġorġ, ta' San Ġużepp, ta' Santa Katarina u oħrajn), li llum kważi kollha nqerdu għal kollox, huma xhieda li minn żmenijiet bikrin, l-insara ta' din il-gżira fittxew dawn l-inħawi għal skopijiet reliġjużi. Aktarx ma nkunux niżbaljaw jekk ngħidu li dan ir-raħal beda jifforma ruħu madwar waħda minn dawn il-kappelli li missirijietna bnew fin-naħa ta' fuq tar-raħal f'ġieħ Santa Katarina ta' Lixandra fiż-żmenijiet medjevali. Minn ċensiment tas-sena 1657, x'aktarx li n-nies li kienu joqogħdu fil-viċinanzi tagħha bdew, bil-mod il-mod, jinżlu 'l isfel fl-inħawi ta' Santa Luċija, u aktar 'il quddiem fl-inħawi ta' Kerċem fejn il-Kappella ta' San Girgor il-Kbir, mibnija lejn is-sena 1581, kienet qed tieħu ċerta importanza minħabba l-purċissjoni tradizzjonali tat-12 ta' Marzu, purċissjoni li kienet għadha ssir sas-sena 1967.

Hawn, madwar il-kappella ta' San Girgor, beda jiżviluppa r-raħal ta' Kerċem kif nafuh illum. Raħal ċkejken, popolazzjoni żgħira li bdiet tikber bil-mod, sakemm beda jinħass il-bżonn li tinbena knisja ġdida, ikbar. Din il-knisja bdiet tinbena fl-1846, mill-benefatturi Franġisk u martu Rosa Camilleri. Fit-23 ta' Novembru 1851 kienet lesta u mbierka u miftuħa għall-pubbliku. Aktar 'il quddiem, fl-10 ta’ Marzu 1885, din l-istess knisja saret Parroċċa fi żmien l-Isqof Mons. Pietru Pace, permezz tal-Bolla "Nostro Pastoralis", tal-Papa Leone Xlll.

Ftit wara t-twaqqif tal-Parroċċa fl-10 ta’ Marzu 1885, fir-raħal infetħet l-ewwel skola, eżattament fid-9 ta’ Jannar 1893, li kienet immexxija mis-Sorijiet Franġiskani tal-Qalb ta' Ġesù, però din, għal xi raġuni jew oħra, ma kelliex ħajja twila u fl-1921 infetħet l-ewwel skola tal-Gvern f'dar fi Triq San Girgor. Ftit wara, eżattament fil-11 ta' Novembru 1923, din l-iskola ġiet trasferita għal Triq Sarġ fejn kienet inbniet skola kbira u moderna li għal ħafna snin kienet tilqa' fiha studenti minn diversi rħula ta' Għawdex, u li għadha tintuża sallum.

Sa mis-sena 1957 f'Kerċem kien hawn ukoll Skola privata - l-iskola Santa Teresa - li hija mmexxija mis-Sorijiet Karmelitani ta' Santa Teresina li fl-istess sena kienu fetħu f'Kerċem l-ewwel kunvent tagħhom fil-gżejjer Maltin. L-iskola tinsab fi Triq l-Avukat Anton Calleja.

Skola oħra li nsibu fir-raħal ta’ Kerċem hija l-iskola “B.E.L.S.”. Din hija skola tal-lingwa Ingliża u nfetħet fl-1997 fi Triq ta’ Doti u mmexxija mill-privat. Fiha jattendu mijiet ta’ studenti barranin kull sena biex jitħarrġu fil-lingwa ingliża.

           
View Larger Map