Ħal Luqa

Geografija

Print this page

  Il-Mappa ta' Ħal Luqa

Ir-raħal ta’ Ħal Luqa huwa kważi mdawwar minn kullimkien b’żoni industrijali: lejn il-majjistrall bil-qasam industrijali tal-Marsa, lejn il-lvant bl-erba’ bliet ta’ Raħal ġdid, Santa Luċia, Gudja u Ħal-Għaxaq, lejn in-nofsinhar bit-tlett irħula ta’ Ħal-Safi, Ħal-Kirkop u l-Imqabba, u lejn il-punent bl-ibliet tas-Siġġiewi u Ħal Qormi. Bejn l-1955 u 2002 il-popolazzjoni ta’ Ħal Luqa naqset b’madwar sitt mitt ruħ, għalkemm f’dawn l-aħħar snin kien hemm żieda fir-rata ta’ twelid. Ħal Luqa, flimkien ma’ l-inħawi ta’ l-ajruport u s-subborg dejjem jikber ta’ Ħal Farruġ, jirrapreżenta l-ikbar erja fiż-Żona tan-nofsinhar tal-pajjiż Il-lokalita’ għadha żżomm il-qalba tradizzjonali tar-raħal bil-karatteristika storika tagħha fejn jinsabu toroq f’xulxin bil-bini tal-knisja parrokkjali tas-Sbatax-il Seklu dominanti fil-pjazza ewlenija tar-raħal.

luqa map

Ir-raħal ta’ Ħal Luqa żviluppa u kiber fid-direzzjonijiet kollha tiegħu. L-iżvilupp fis-sens ta’ espansjoni wasal sat-truf li jmissu maż-Żoni industrijali u għalhekk ma jippermettix żvillup aktar. Miegħu kibret ukoll il-popolazzjoni li llum laħqet għal 6,400. Il-viċinanza tar-raħal lejn l-ajruport tirriżulta f’qagħda fejn il-lokalita’ taqla’ fiha volum sostanzjalment għoli ta’ traffiku ġej minn irħula oħrajn fin-nofsinhar ta’ l-ajruport fi triqthom lejn l-inħawi ċentrali u tat-tramuntana ta’ Malta. L-ajruport innifsu ġġenera wkoll pressjoni qawwija u kontinwa għal żvilupp ta’ entitajiet kummerċjali li jinsabu konċentrati matul it-truf fil-punent ta’ din iż-Żona, fi Triq San Tumas. Dan l-iżvilupp sar donnu b’kompromess ma’ l-identita’ residenzjali ta’ din il-loklita’. Filwaqt li wieħed jitkellem fuq żvilupp, ma jridx jinsa li dan l-iżvilupp wassal biex ir-raħal ta’   Ħal-Luqa huwa mingħajr spazju miftuħ u bla erja ta’ rikrejazzjoni għar-residenti.

L-erja li tifforma l-kampanja ta’ dan ir-raħal għandha pajsaġġ li jvarja ħafna. It-tul ta’ għelieqi li jinsabu fil-lvant ta’ Ħal Luqa (li jifaċċjaw l-irħula ta’ Santa Luċija u l-Gudja) jippreżenta kuntrast qawwi ma’ nħawi oħrajn li jinsabu lejn r-runways imtawla ta’ l-ajruport, il-bini tat-terminal tal-passiġġieri, l-uffiċini ta’ l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, u bini u spazji oħrajn relatati ma’ l-istess ajruport. Iż-żona ta’ Ħal-Farruġ taqa’ wkoll fil-konfini tar-raħal ta’ Ħal Luqa. Din iż-żona, li żviluppat f’perijodu relattivament qasir b’bini residenzjali, kummerċjali u industrijali, tifforma l-erja rurali fil-majjistrall tar-raħal. Ħal Farruġ, oriġinarjament villaġġ medjevali li kellu knisja li twaqqgħet biex tagħmel wisgħa għal skopijiet ta’ l-ajruport peress li kienet meqjusa bħala perikoluża għall-ajruplani, kiber sostanzjalment f’dawn l-aħħar snin. Huwa karatterizzat bi blokki ta’ appartamenti residenzjali li jħarsu fuq Wied Qirda u Wied il-Kbir. Dawn il-blokki ta’ appartamenti oriġinarjament inbnew mis-servizzi Inglizi biex jilqgħu fihom uffiċjali Inglizi u l-familji tagħhom konnessi ma’ l-ajruport.