Ħal Luqa

Sptarijiet

Print this page


SPTAR SAN VINCENZ DE PAUL

Fl-inħawi ta’ l-Ingieret hemm id-Dar ta' l-Anzjani li fl-1940 ngħata l-isem ta’ Sptar San Vincenz de Paul wara bdiet tissejjaħ ‘Ħas-Serħ’ u issa reġgħet bdiet tissejjaħ San Vincenz de Paula. Dal post kbir kien ġie mibni bħala kenn għall-invalidi, inkurabbli u għall-fqar anzjani. Kien proġettat sa mis-sena 1862 mill-Gvernatur Sir Gaspar Le Merchant, imma dam bosta snin ma twettqa.

Il-pjanta li ntagħżlet kienet dik ta’ l-arkitett T.H. Wyatt ta’ Londra wara li kienu nġabru bosta pjanti minn barra. Saru konsultazzjonijiet ma’ diversi awtoritajiet, fosthom Florence Nightingale, li faħħru l-pjan. Il-Kunsill tal-Gvern immexxi mill-Gvernatur Sir J.A. Linton Simmons ivvota l-ewwel somma ta’ flus biex jinbena x-xogħol. L-ewwel ġebla tqiegħdet f’Ġunju 1886. Ix-xogħol ġie fdat f’idejn l-inġinier E. Galizia, imbagħad f’idejn l-arkitetti tal-Gvern, Poulson, Schinas u Vassallo. Madankollu l-aktar li tħabat għal dal-proġett kien Ferdinand Inglott, il-Kontrollur ta’ l-Istituti tal-Karita’.

L-isptar ġie mibni ‘l fuq minn Wied Ċawsli. Kienu ġew imħaddma madwar 1, 500 ħaddiema u l-ispiza laħqet Lm60,000. L-isptar bl-egħlieqi ta’ madwaru jieħu medda ta’ art ta’ 133, 730 jarda kwadra. Fih għaxar taqsimiet, kull waħda b’żewg sulari. L-irġiel kienu, jinżammu fuq il-lemin u n-nisa fuq ix-xellug u fil-parti ċentrali tal-faċċata tiegħu l-uffiċċji ta’ l-amministrazzjoni. L-isptar infetah fit-3 ta’ Ottubru, 1892.

Minn dak iż-żmien sar bosta tibdil għall-ġid tal-morda, l-aktar wara l-1945. Biex iqattgħu ż-żmien, x’uħud mill-pazjenti u dawk li jkunu b’saħħithom kienu jagħmlu bosta xogħolijiet bħalma huma jimmuntaw is-siġġijiet, jaħdmu fix-xogħol tat-tinda u fis-suf, isewwu l-ħwejjeġ u xogħlijiet oħra. Fir-Raba’ Fiera ta’ Malta li ssir in-Naxxar, fl-1960, ġew esibiti xi xogħolijiet tagħhom li ntgħoġbu wisq.

Xogħlijiet ta’ modernizzazzjoni saru minn żmien għal żmien. Ġew irranġati erba’ swali u partijiet oħra u ġew miftuha uffiċjalment fit-30 ta’ Ottubru, 1977. Tibdil ieħor sar u qed ikompli jsir biex l-anzjani u l-pazjenti jkunu kkurati f’ambjent aħjar.

Qrib l-isptar kienet inbniet taqsim għal Leprosarju. Kien sar stħarriġ dwar dil-marda tal-ġdiem u kienet għaddiet liġi fl-1893 sabiex tassigura l-iżolament tal-pazjenti milquta. It-taqsim ta’ l-irġiel kienet tlestiet fl-1899 u bidet tintuża sena wara; it-taqsima tan-nisa kienet bidet tintuża fl-1912. Fl-1953 il-progress fl-istudju u fil-medicina wassal biex il-liġi tas-segregazzjoni ġiet kwazi kompletament abolita.

Fl-isptar San Vinċenz de Paula ta’ l-Ingieret inbniet knisja ddedikata lill-Qalb ta’ Ġesu li hi spazjuza biżżejjed biex fiha joqogħdu 600 ruħ. Kienet tbierket fis-7 ta’ Lulju 1910, mill-Isqof Awżiljarju. Fiha hemm kwadru tal-Madonna bil-Bambin, xogħol ta’ pittur magħruf bħala Solimena, u l-altar maggur li sar ta’ l-irħam wara li benefattur ħallas l-ispejjez li laħqu s-somma ta’ Lm500.