Il-Mellieħa

Informazzjoni dwar il-lokalita'

Print this page

Il-Mellieħa tinsab fuq nett fil-majjistral ta’ Malta, imperċa bejn il-ħames għoljiet tal-Qortin, l-Għoljiet tal-Mellieħa, Qasam Barrani u Tas-Salib. Bejn dawn l-għoljiet hemm meded imkenna bil-widien Tal-Madonna u Ta’ Għajn Żejtuna. Kwarta mixi man-niżla wieqfa fil-Wied tal-Madonna wieħed isib il-Bajja tal-Mellieħa, li hija l-ikbar medda ta’ kosta imrammla fil-Gżejjer Maltin.

Billi l-Mellieħa hija maqtugħa minn lokalitajiet oħra, l-effetti li ġab miegħu t-turiżmu ma nħassux daqs postijiet oħra f’Malta. L-istil tradizzjonali ta’ ħajja għadek issibu, tant li l-Melleħin żammew għeruq rurali tagħhom permezz tas-sajd, il-kaċċa u l-agrikoltura. Il-lokalità tikkonsisti wkoll mir-raħal żgħir tal-Manikata b’popolazzjoni ta’ madwar 400 ruħ li jinsab fil-lbiċ tal-Mellieħa, qrib Għajn Tuffieħa, fejn wieħed isib ir-Ramla tal-Mixquqa (Golden Bay). Fl-aħħar sena żdied sewwa l-ammont ta’ turisti li jżur il-Mellieħa bil-bini ta’ lukandi u stabbilimenti ġodda jew titjib ta’ oħra eżistenti. Il-qalba kummerċjali hija kkonċentrata fi Triq il-Kbira u Triq Ġorġ Borg Olivier, li jaqsmu l-Mellieħa mit-tramuntana għan-nofsinhar. Biż-żieda fil-kummerċ u titjib fl-ekonomija tal-lokalita`, żdiedet ukoll il-popolazzjoni li f’perjodu ta’ ħmistax-il sena telgħet bi 3000 ruħ għal 8,300 skond statistika ppubblikata fl-2008.