Il-Mellieħa

Dħul

Print this page

Il-Mellieħa

Bħala lokalita` il-Mellieħa hija relattivament waħda mill-ikbar territorji kif ġew imqassma permezz ta` l-Att dwar il-Kunsilli Lokali tal-1993. Il-Mellieħa tħaddan magħha anke r-raħal l-aktar qrib tagħna, dak tal-Manikata. It-tnejn għadhom ikkaretterizzati b`ambjent rurali u llum meqjusa bħala wieħed mill-aħjar inħawi fil-gżejjer tagħna fejn wieħed jgħix jew iqatta l-btajjel tiegħu.

L-isem tal-Mellieħa x`aktarx huwa ġej mill-perjodu Puniku jew Ruman minħabba s-salini tal-melħ li kienu jeżistu qrib il-kosta. Huwa magħruf li fil-Mellieħa kienet teżisti xi forma ta` abitazzjoni sa mill-perjodu Neolitiku (3000 Q.K.). Dan huwa ppruvat mis-sejba ta` diversi fdalijiet, oqbra, għodod primittivi u biċċiet tal-fuħħar f`inħawi differenti, primarjament fl-post magħruf bħala “Il-Latnija” ġewwa l-Aħrax, li kien abitat fi żmien il-ħaġar.

Matul l-okkupazzjoni Rumana u Biżantina, in-nies kienu jgħixu fl-għerien li jħarsu fuq il-widien tal-Mellieħa. Dawn kienu jaħdmu r-raba msaqqi bl-ilma ġieri u jidfnu l-mejtin tagħhom f`oqbra mħaffra fil-blat. Fi żmien l-Arab u l-medjuevu, ma kien baqa` xejn minħabba l-attakki bla heda tal-korsari Misilmin.

Matul il-ħakma ta` l-Ordni tal-Kavallieri ta` San Ġwann, is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa kien wieħed mill-aktar postijiet meqjuma fil-gżira. Huwa dokument li diversi nies distinti bħal granmastri, rejiet u isfijiet kienu żaru is-Santwarju. Kienu u għadhom jiġu organizzati pellegrinaġġi għal dan il-post sal-ġurnata tal-lum.

L-aktar viżitatur distint li żar is-Santwarju f`dawn l-aħħar snin kien proprju l-Qdusija Tiegħu, il-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1990.

Fis-seklu sbatax, il-Kavallieri bnew diversi fortifikazzjonijiet matul il-kosta biex iħarsu lill-abitanti ta` dawn l-inħawi. Bis-saħħa t`hekk in-nies reġgħu bdew jirritornaw lejn dawn l-inħawi biex jaħdmu r-raba fertili li jinsab fil-widien. Il-kavallieri kienu strumentali biex bdiet intrapriża ġdida għal dak iż-żmien – dik tas-sajd għat-tonn li kien jiġi prattikat fil-Bajja tal-Mellieħa u fl-inħawi ta` Anchor Bay.

Mhux magħruf eżattament meta l-Mellieħa saret parroċċa, iżda l-istoriku Gio. Francesco Abela, kiteb li fl-1436 is-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa kellu d-dinjita` ta` parroċċa. Fi żmien l-Ingliżi, fl-1844, il-Mellieħa ġiet imwaqqfa għat-tieni darba bħala parroċċa u llum kibret f`ċentru modern b`popolazzjoni ta` madwar 7000 ruħ. Fl-istess żmien beda l-bini ta` knisja parrokkjali ikbar fuq stil barokk.
            
View Larger Map