L-Imġarr

Dħul

Print this page

L-Imġarr

L-Imġarr għandu mnejn li huwa l-aktar villaġġ maqtugħ f’Malta. ‘Il bogħod minn kwalunkwe lokalità oħra, huwa żamm il-karattru distint u s-serenità tiegħu. Il-linja tal-kosta tiegħu testendi minn Fomm ir-Riħ sal-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa u bejn dawn hemm il-bajja pittoreska ta’ Ġnejna. Bajjiet protetti bħall-Ġnejna u Għajntuffieħa tul il-sekli kienu postijiet ta’ rifuġju għall-pirati u minħabba dan, bosta torrijiet inbnew fuq l-irdum ta’ l-Imġarr. Waħda minn dawk li għadhom eżistenti hija t-Torri Lippija li kien bena l-Gran Mastru Lascaris fl-1657 biex jipproteġi l-Ġnejna u l-ftit familji li kienu jgħixu l-Imġarr.

L-Imġarr sar parroċċa fl-1893 meta l-popolazzjoni kienet ta’ madwar 700. Qabel dan, kien jagħmel parti mill-parroċċa tal-Mosta sa mill-1610. L-ewwel kappillan kien Monsinjur Glormu Chetcuti li kien qiegħed il-pedamenti ta’ waħda mill-aktar knejjes impressjonanti fuq il-gżira. Il-kontribuzzjonijiet biex tinbena l-knisja kienu jinkludu 5, 700 tajra, 920 majjal, 620 fenek, 600 ħaruf u mogħoż, 13-il għoġol u 360,000 bajda. Il-knisja nnifsha għandha l-forma ta’ bajda u d-disinn ovali mhux tant perfett kien tant mhux tas-soltu li l-ebda arkitett ma kellu l-kuraġġ jiddisinjaħ qabel Ġamri Camilleri – is-saqqaf u s-Sur John A Cilia is-surmast li vvolontarja li jagħmel ix-xogħol li spiċċa biex kien kapolavur

In-nies tal-villaġġ huma totalment devoti lejn il-patruna tagħhom – Il-Verġni Mqaddsa. L-M għal Marija tiddomina l-istemma araldika tal-parroċċa li kienet disinjata mit-tant maħbub Salomone li serva ta’ kappillan mill-1931 sal-1954. Il-festa tal-villaġġ tiġi ċelebrata fl-ewwel ħadd wara l-15 ta’ Awissu. Li ġġorr l-istatwa matul il-purċissjoin huwa tali unur li l-ġarrejja jwiegħdu u jagħtu offerti li mbagħad jiġu mqassma fost istituzzjonijiet tal-karità u tal-missjoni u l-bqija jmorru għall-manutenzjoni tal-knisja.

L-Imġarr għandu uħud mill-eqdem postijiet ta’ qima. It-tempji Skorba, li jikkonsistu minn żewġ tempji distinti, huma tant antiki li ddaħħlu fil-Guinness Book of Records bħala waħda mill-eqdem żewġ strutturi weqfin fid-dinja. It-Tempju tal-Punent iddatat għal madwar 3500 BC huwa madwar 60 pied kwadru. Huwa mibni fuq pjan f’għamla ta’ tliet werqiet bi tlitt ikmamar apsidi u bitħa fin-nofs. Xi uħud mill-ħjut għandhom ħxuna ta’ erba’ piedi. It-tempju tal-Lvant mhuwiex daqshekk antik u lanqas m’hu preservat daqstant tajjeb. Sett importanti ieħor ta’ strutturi megalitiċi jinsab f’Ta’ Ħaġrat. Dan jikkonsisti minn żewġ tempji u l-forma bażika hija wkoll ta’ pjan f’għamla ta’ tliet werqiet u bitħa ċentrali. L-akbar tempju għandu faċċata kbira spettakulari. Madwar il-villaġġ kollu jinsabu kanali tal-karrettun.

Mhux daqshekk qodma huma t-Thermal Roman Baths viċin Għajntuffieħa. Dawn il-banjijiet kienu parti minn villa li kienet tinkludi statwi u amfori. Membri potenti ta’ familji Rumani f’pożizzjoni għolja kienu jiġu frekwentament Malta u kienu jużaw din il-villa bħala post ta’ mistrieħ fi triqthom lejn il-kolonji fuq il-kosta ta’ l-Afrika ta’ Fuq.

Il-fruntiera ta’ Nofsinhar ta’ l-Imġarr hija ffurmata mill-Great Ridge u l-Victoria Lines, ħajt fortifikat tad-dsatax-il seklu. Il-Victoria Lines kien tlesta fl-1897, is-sena tal-Ġubilew tad-Djamanti tar-Reġina Victoria. Din il-ġibda twila hija mmarkata b’torrijiet ta’ l-għassa, batteriji, postijiet tal-kanuni u diversi fortizzi. Hemm erba’ fortijiet ma dan il-ħajt, Fort Madliena, Fort Mosta, Binġemma Fort u Fort Pembroke.

Il-popolazzjoni kkalkulata fi tmiem Marzu 2002 kienet ta’ 3068.

L-uffiċċji Muniċipali jinsabu faċċata l-Knisja Parrokjali u fl-1 ta’ Frar 1994 ġie mwaqqaf l-ewwel Kunsill. Il-Kunsill huwa magħmul minn Sindku, il-Viċi-Sindku u tliet kunsilliera. Il-persuna li tgħaddi sa dan il-villaġġ żgħir żgur li tiġi milqugħa bi tbissima. Il-Kunsill qed jaħdem ħafna biex iżomm l-integrità, is-serenità u l-karattru tal-villaġġ li għalih joqgħod tajjeb il-motto ‘’Żgħir b’Qalb Kbira’’.

             
View Larger Map