Il-Mosta

Geografija

Print this page

  Mappa ta' l-Mosta

Il-Mosta tinsab kważi fiċ-ċentru ta' Malta. Il-Mosta nbniet fuq art ċatta (watja) u għammiela (tajba ħafna għall-biedja). Qribha nsibu l-irħula ta' Ħal Lija, Burmarrad, ir-Rabat u n-Naxxar. Qiegħeda fit-triq prinċipali li mill-Belt Valletta tagħti għaċ-Ċirkewwa u għalhekk jgħaddi mill-Mosta ammont kbir ta' traffiku li jkun qed jaqsam il-gżira Maltija minn naħa għall-oħra. Il-Mosta tinsab 9 kilometri 'l bogħod mill-belt Kapitali Valletta. Post magħruf qrib ħafna tal-Mosta hu Ta' Qali li qabel kien jintuża bħala mitjar u li issa sar lok ta' mistrieħ għall-familji Maltin. F'Ta' Qali nsibu faċilitajiet sportivi u raħal ta' l-artiġġjanat fost affarijiet oħra.

mosta map

Fil-Mosta f'dawn l-aħħar żminijiet qed naraw żieda kbira ta' djar ġodda. Qed jinbnew oqsma tad-djar f'żoni fit-truf tal-Mosta l-antika (fosthom iż-żoni ta' 'Santa Maria', 'Tal-Blata l-Għolja' u 'Iż-Żokrija') u dan ifisser li l-popolazzjoni tal-Mosta qed tikber kuljum. Maż-żieda tan-nies qed jinfetħu wkoll aktar ħwienet u b'hekk din il-belt qed tistabilixxi ruħha bħala ċentru kummerċjali.