L-Imtarfa

Informazzjoni dwar il-lokalita'

Print this page

L-istorja u l-eżistenza tal-Mtarfa hija integrata bħala parti mill-pakkett tal-istorja ta’ Malta. Fdalijiet pre-istoriċi għadhom evidenti. Silo, cart ruts u oqbra mqattgħin ġol-blat huma mferxa fi spazju vast fiż-żonni mhux urban fl-Imtarfa.

Dr. J.D. Evans, fil-ktieb tiegħu “ The Prehistoric Antiquites of the Maltese Islands” (London 1971 paġna 107) jgħid illi meta kienu qed jitħaffru x-xelters qabel l-Ewwel Gwerra Dinija (Frar – Marzu 1939), żewġ silos bil-forma ta’ qanpiena ġew skoperti. Instab ukoll xi fuħħar. Fis-snin riċenti, meta l-bini fl-Imtarfa beda jinbena biex jistabbilixxi l-villaġġ modern kif nafu illum, instabu silos oħra.

Madwar l-1613 instab irħam imnaqqax. Dan kien fit-Tempju ta’ Prosperina. Kitba Rumana mnaqqxa li tibda bil-kelma CHRESTION u l-aħħar kelma INAURAVIT ( Bres, Malta Antica Illustra, Roma 1816 paġna 334 u 351) kienet ġiet studjata minn esperti Maltin kif ukoll barranin. Irħam li kien instab fl-istess żona fl-1747, fejn kien hemm it-Tempju ta’ Apollo, ġie użat biex jitnaqqxu plakki differenti għall-artali. L-emblema tal-Gran Mastru Carafa kienet skolpita ukoll mill-fdalijiet tal-irħam ta’ din iż-żona. Jekk dan it-tip ta’ wirt storiku jinstab fiż-żona tal-Iskloa Primarja tal-Mtarfa, huwa importanti ħafna li l-awtoritajiet jiġu avżati għaliex dawn is-sejbiet jistgħu ikunu ta’ importanza kbira għal kultura u storja tagħna.

L-isem ‘MTARFA’ deher għall-ewwel darba fuq document tan-nutar Sqalli Noto Bartolo de Guasto u hi deskritta bħala La Mitarfa, pecia terrae. Mtarfa tfisser ‘max-xifer’. Madankollu fil-ktieb tal-Professur Godfrey Wettinger (Place Names paġna 403) huwa tal-opinjoni li l-oriġini tal-isem ‘Mtarfa’ huwa assoċjat ma’ raġel Spanjol ta’ żmien Medjovali bl-isem ta’ Mutarrif li kien eżiljat fil-post.

Ġgnien kbir fil-lokalita kien tal-Katidral tal-Mdina, magħruf bħala l-Ġnien ta’ San Nikola tal-Mtarfa , kellu kappella medjovali ddedikata lil Santa Luċija Matul il-1460, Consalvo Argiona ta’ il-ġnien lil Tarkwinju Żammit u dan tah lil Antonio Falzon. Antonio Falzon għadda l-ġnien lil-Katidral tal-Mdina u dan reġa gie mgħoddi lil Angelo Manduca bil-kondizzjoni li fost affarijiet oħra tiġi organiżżata quddiesa fil-Kappella ta’ Santa Luċija. Il-Kappella tidher fil-lista tal-Vista Pastorali tas-16 ta’ Mejju 1774 mill-Isqof Alferan de Bussan. Hemm lista ta’ numru ta’ grazzji maqlugħa lid-devoti bl-interċessjoni ta’ Santa Luċija.

Għal bosta snin l-Imtarfa baqgħet dik il-biċċa art fertili bejn Wied Qlejgħa u Wied Busbies. Bosta rdieden li jtellgħu l-ilma kienu mdawrin madwar dan il-post. Il-popolazzjoni kienet il-maġġor parti bdiewa. Ħafna kienu jbiegħu l-annimali tagħhom fi swieq ġewwa ir-Rabat.

L-Imtarfa kienet ġiet irranġata ħafna matul il-ħakma Ingliża f’ Malta. Matul 1890 kwartieri militari kienu ġew mibnija. Wara kien ġie mibni ukoll sptar għal-feruti tad-Dardanells fi żmien Ewwel Gwerra Dinija. Ix-xogħol fuq l-isptar inbeda fl-1915 u tlesta fl-1920. L-Imtarfa kienet saret mekka ta’ attivita. Il-meżżi ta’ transport kienu limitati u għalhekk fl-1883 is-servizz tal-ferrovija ġie estendut għal-limiti tal-Mtarfa. Is-servizzi Inglizi bnew tank għal ħażna tal-ilma li għadu jeżisti biex ikollhom provista ta’ ilma u kienu jiġbru ħażniet oħra taħt l-art. Dawn għadhom jeżistu sal-ġurnata tal-lum.

Id-devozzjoni lejn Santa Luċija Patruna ta’ dawk li jbatu minn mard tal-għajnejn kibret bil-ftuħ tal-isptar. Madankollu l-awtoritajiet Ingliżi ħassew il-ħtieġa li jibnu kappella fl-isptar iddedikata lil San Oswald, biex taqdi il-ħtiġijiet spiritwali tat-truppi militari u l-familji tagħhom. Madwar is-sena 1895 l-Arloġġ tal-Mtarfa kien diġa qed jaħdem u għadu jaħdem sal-lum f’kundizzjoni perfetta. Riċentement il-Kunsill Lokali tal-Mtarfa talab biex jiġi restawrat it-Torri tal-Arloġġ qabel dan jgħaddi f’idejn l-Awtoritajiet Lokali.

Retturi mill-Parroċċa tar-Rabat ġew inkarigati biex jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet spiritwali tal-komunita tal-Mtarfa. Ir-Rev. Copperstone u numru ta’ patrijiet Dumnikani kienu l-ewwel nies li ħadu ħsieb it-tmexxija pastorali tal-komunita tal-Mtarfa, iżda għal dawn l-aħħar 50 sena Rev. Fr. Michael Saliba iddedika ruħu għal ħtiġijiet tal-popolazzjoni waqt li ra l-Mtarfa tikber minn ftit mijiet għal aktar minn 2000 ruħ kif inhi llum. Mis-sena 1987 ġew mibnija ħafna appartamenti residenzjali, u ġew mibnija ukoll ċentri għall-persuni b’disabilita’ u Ċentru Pastorali. B’hekk id-dipendenza mir-Rabat naqset ħafna.

Fis-sena 2000 fl-Mtarfa ġie elett għall-ewwel darba Kunsill ta’ 5 membri. Fl-Mtarfa hemm skola Primarja, skola Sekondarja, Għassa tal-Pulizija, Librerija, u Berġa li għadha fil-bidu tagħha.

Id-data tas-27 ta’ April ġiet stabbilita bħala Jum l-Mtarfa. Ir-Rev. Kanon. Saliba kien ingħata l-unur ta’ ġieħ l-Imtarfa għax-xogħol pastorali li kien wettaq matul 50 sena għal-komunita tal-Mtarfa.