Il-Munxar

Ġemellaġġi

Print this page

F’ Lulju 2003 saret attività fil-Pjazza tal-Knisja tal-Munxar fl-okkażjoni tal-iffirmar uffiċjali tal-Ġemellaġġ bejn il-Munxar u Ragalna. Qabel din l-attività soċjali, is-Sindku tal-Munxar, is-Sur Joseph Sultana u s-Sindku ta’ Ragalna, l-Avv. Vittorio Carone inawguraw ġnien pubbliku ġdid li ngħata l-isem ta’ ‘Ġnien Ragalna’. Dan kellu parti sponsorjata mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu. Eżatt wara, l-mistednin qabdu t-triq lejn il-Pjazza tal-Knisja assistiti u akkompanjati mill-Banda San Girgor - Ta' Kerċem li daqqet marċijiet tradizzjonali. Is-Serata bdiet billi nqraw l-istorja tal-Munxar u dik ta’ Ragalna bil-Malti u bit-Taljan segwiti mid-diskors ta’ merħba mis-Sindku tal-Munxar. Is-Serata kienet tinkludi diversi items mużikali, l-iffirmar tal-Kuntratt ta’ Ġemellaġġ bejn iż-żewġ lokalitajiet, diskorsi mis-Sindku ta’ Ragalna, minn Dun Frankie Bajada, Kappillan tal-Munxar u mill-Onor. Giovanna Debono. Ingħataw diversi tifkiriet lill-mistednin distinti. Is-Serata għalqet billi ndaqqu l-innijiet Nazzjonali ta’ l-Italja u ta’ Malta u wara ġie servut ikel tradizzjonali Malti, fl-istess Pjazza.