Marsaxlokk

Aktar Postijiet ta' interess

Print this page

Fortifikazzjonijiet u Tempji

Billi dan ir-raħal kien jinsab fin-naħa l-aktar miftuħa għal xi attakk mit-Torok, tista’ tgħid li f’kull żmien il-Gran Mastri ħasbu biex isaħħuħ billi jibnu fih xi fortifikazzjoni. U dan kien meħtieg l-ewwelnett biex iħarsu ħajjet in-nies li kienu joqgħodu fl-eqreb art (iż-żejtun) u t-tieni biex bis-saħħa tagħhom l-Ordni kien ikun moħħu mistrieħ li ħbit mill-port ta’ Marsaxlokk ma jsirx. Għalhekk bnew fih torrijiet u trunċieri qawwijin bil-bosta bħalma jurina t-Torri San Luċjan li għadu f’saħħtu anki saħansitra wara dak li għadda minnhu.

It-Torri ta’ San Luċjan

F’nofs il-port ta’ Marsaxlokk joħrog, kif ġa għidna, ilsien ta’ art imsejjaħ Marnizi li fuqu jinsab torri kbir u ta’ saħħa. It-Torri ta’ San Luċjan.

Fi żmien il-ħakma tal-GranMastru Adolf de Wignacourt kienet tinsab f’Malta ċerta Katarin is-Sewda, imlaqqma hekk minħabba li kienet Tuneżina li waqgħet ilsira, imgħammda u miżmuma bħala mara qaddisa. Din Katrin darba qalet lill-konfessur tagħha li dehrilha San ġwann u qalilha twissi lill-GranMastru sabiex isaħħaħ il-port ta’ Marsaxlokk minħabba l-ħbit li kienu se jagħmlu t-Torok fis-sajf. Il-konfessur tagħha dlonk għarraf lill-Isqof Gargallo, iżda l-GranMastru ma tahx widen. Fis-sajf tfaċċaw tabilħaqq it-Torok u hekk is-Sultan ra l-għelt tiegħu.

Wignacourt ħa ħsieb u b’digriet tal-Kunsill miżmum fl-1 ta’ Lulju 1610 inbeda dan it-Torri li hu semmih Forti San Luċjan li hu isem tal-qaddis ta’ knisja fi Franza fejn kien ircieva l-magħmudija.
Dan il-forti għandu għamla kwadra, u mibni qawwi fuq disinn tajjeb. (Hawn min jgħid li dan ħażżu u tellghu Victor Cassar). Ix-xogħol tal-bini ntemm fl-1611, u l-Gran Mastru Wignacourt mar hemm b’għadd ta’ Kavalieri fuq ix-xwieni l-Kaptan u l-Padruna, biex ipoġġi l-kanuni kollha tal-bronż, minbarra li saħħu sewwa bl-armi u l-munizzjon. Huwa kien armah b’6 kanuni, għamillu dejma ta’ l-artellieri u l-Kavallieri.

Fih kellu kappella dedikata lil San Luċjan iżda meta snin wara dan il-forti gie mitluq, il-kwadru ta’ dan il-qaddis waqa’ f’idejn xi ħadd li mbagħad ħallih lill-knisja ta’ Qal Tarxien. Il-foss li kien idawru u l-pont tiegħu li kien jintrefa’ ċompel għamluh tassew qawwi. Fl-1876 , żmien il-Gvernatur Straubensee, ġie rranġat u ntefqet is-somma ta’ Lm9,000. Il-kwartieri ta’ dan it-torri ta’ saħħa, żmien wara, waqa’ f’idejn l-artellieri Maltin.

Se mmur ftit lura u ngħid xi ħaġa dwar id-dati tal-bini tiegħu. Kwazi kulħadd jaqbel li dan it-torri beda jinbena fl-1610 iżda hemm differenza, u din m’hijiex zgħira, dwar it-tmiem. Aħna għidna li ntemm fl-1611 u oħrajn bħal Braun qalu li sar fl-1711. Dan ma jistax ikun għaliex, jekk il-Gran Mastru Wignacourt miet fl-1622, kif qatt seta’ mar jinawgurah jew inkellha jtemmu fl-1711 meta kien ilu mejjet? Ma narawhiex bi kbira jekk inkunu nafu li daqsxejn ta’ torri dam jinbena sena jekk aħna nkunu nafu li bażikament il-bini tas-swar tal-belt biex saru damu ħames snin.

B’digriet maħruġ fis-6 ta’ ġunju 1795 dan il-Forti ġie msemmi forti Rohan bħalma tgħid il-kitba li hemm fuqu: “Il-Kavalieri Kapijiet tal-Miliżja tal-Gwerra għall-ġieħ tal-Gran Mastru. Em. De Rohan, Missier ta’ kulħadd, talli kattar il-fortizzi tal-gżira riedu li dan il-forti mkabbar fl-1795 jisemma Rohan minn isem il-Prinċep li wisq ġid għamel”

Dan it-torri kbir fl-aħħar gwerra ta’ sehmu sewwa, iżda mbagħad intelaq u twarrab.Bejn l-1972 u 1973 il-Gvern iddeċieda li dan il-Forti jingħata l-attenzjoni u ħaseb li jgħaddih lill-Universita’ sabiex fih jitwaqqaf Laboratorju Bijoloiku. Għal dan il-għan, id-Development Fund tal-Barclays Bank International ta’s-somma ta’ Lm30,000 biex jiġi rrangat. Wara snin ta’ ħidma, is-Sibt 31 ta’ Mejju 1975, Dr. Joseph Cassar, Ministru ta’ l-Edukazzjoni inawgura dan il-lokal.

It-Torri tal-Marniżi

Dan it-torri jinsab fuq din l-għolja msejjħa tax-Xerriek, iżda żmien wara bdew isejħulu l-Barumbara ta’ Labert. Fuq il-bieb tiegħu tidher id-data 1719.
Mill-batterija tal-Wilġa sa ras Delimara, il-Gran Mastru Zondadari fl-1721 (Baruni isemmi din id-data bħala 1720-1722) bena torri li ramah b’żewġ kanuni u t-truncieri li kien fihom 56 kanun ieħor u hu magħruf bħala t-Torri l-Abjad.

It-Torri ta’ Bettina

Dan it-torri li kien jinsab f’Xorb l-Għaġin (illum imwaqqa’) bnieh Pinto fl-1751 u għammru b’żewġ kanuni. Dan l-istess GranMastru li tefa’ l-energija tiegħu kollha għat-tħaris tal-gzira, fl-1761 kompla l-batterija ta’ fuq it-Tumbrell u poġġa fuqha għaxar kanuni. Dan ix-xogħol sar kollu mil-Inginier Burlemach fuq id-disinn u taħt id-direzzjoni tiegħu.

Tista’ tgħid li għalhekk aħna tajna n-numru ta’ kanuni li kienu jiddefendu dawn il-fortizzi, għax illum ma fadal xejn minnhom għaliex kienu ġew żarmati u bosta minnhom iġġarrfu u hekk intilfu għal dejjem.

Minbarra dawn li semmejna, li kienu ġew mibnija mill-Ordni, insibu wkoll oħrajn li saru fi żmien l-Inglizi. Fuq il-peninsula ta’ Delimara kienu saru tliet fortizzi ġodda, tliet opri ewlenin, li swew bosta flus lid-dipartiment tal-gwerra.

Forti Delimara

L-ewwel waħda li nsibu hi dik ta’ Delimara li hi famuża ħafna u saret fl-1880. Damet issir ħames snin u kienet lesta għal kollox fid-data li semmejna. Kellha l-pont rolling, imgħammra b’sitt kanuni u swiet Lm18.000. Din il-fortizza sabiħa toffri għaxar ambrezuri.

Tas-Silġ

It-tieni fortizza li hemm hi dik imsejħa Tas-Silġ, ftit il-bogħod mill-knisja li ġġib l-istess isem. Ix-xogħol tagħha ntemm fl-1883 u kellha jħarsuha erba’ kanuni.

San Pawl

Din hi l-aħħar batterija li nsibu fuq din il-peninsula li saret fl-1843. Kellha żewg kanuni.

Il-Kavallerizza

Mhux il-bogħod minn dan it-Torri, l-Gran Mastru Adolf de Wignacourt kien bena biċċa bini fejn jinżammu ż-żwiemel tal-Kavallerija.

Gann Franġisk Abela jgħidilna li l-Kavallerizza nbniet fi żmien il-Gran Mastru Adolf de Wignacourt bħala skola għar-rkib taż-żwiemel, u dan għandna nifhmu biex jiġu mħarrġa l-kavallieri.
Dun Loreto Zammit igħarrafna li fiha ġnien sabiħ u qabel kien isservi għat-taħrig. Wara dan il-bini, kien hemm biċċa bitħa msaqqfa b’għadd sew ta’ mrabat imwaħħlin mal-ħajt u dan jindika li kienet stalla taż-żwiemel.

Matul il-gwerra l-Kbira l-Kavallerizza ttieħdet mill-Militar u saret Mess ta’ l-Uffiċjali waqt li matul l-Aħħar Gwerra saret Kwartieri ġenerali tar-reġiment tal-R.A.F. Wara l-Gwerra dan il-post ġie żdingat, mitluq għal ruħu, u waqa’ f’ħafna livelli baxxi.

Lanterna

Din saret fuq ras Delimara fl-1853 li minn fanal ta’ 150 pied għoli kienet tagħti dawl abjad fiss li jidher minn 15-il mil bogħod. żmien ħafna wara sar idur kull nofs minuta biex jagħti dawl daqqa aħmar u oħra abjad. Din kienet it-tieni lanterna li saret f’Malta żmien il-Gvernatur O’Farrel.

Thermae Ruman

Fl-1 ta’ Marzu 1932, waqt it-tneħħija tat-trab fit-Triq tax-Xatt għall-bini li kellu x’ jaqsam ma’ l-iIstazzjon ta’ l-Ajru, sabu għadd ta’ blokki tal-ġebel, f’madwar 100 jarda lejn in-nofsinhar tat-“Torri tal-Pont”.

Il-lok gie mifli dakinhar stess. Fil-11 ta’ l-istess xahar kien beda jinkixef ħajt tas-sejjieħ qrib it-triq nkixfu wkoll żewġ qigħan miksija bil-madum. Wara li twarrab 15-il pied ta’ trab, instab il-fdal ta’ hypocaust kien qiegħed f’wisgħa tawwali, u kien ikejjel 9 piedi djametru mdawar
b’ġebel kbir 3 piedi għoli. Fuq in-naħa tat-tramuntana tal-hypocaust kien hemm mogħdija dejqa miksija bil-madum li originarjament kienet imsaqqfa. Moghdija bilqegħda miksija bil-madum ileqq, kellha d-direzzjoni tagħha tat-tramuntana paralelli mat-triq għal madwar 3 piedi u tintilef taħt it-triq ta’ Strada Kavallerizza.

Il-fliegu ta’ l-ilma, maqtugħ fil-blat u mgħotti bix-xorok, kien jieħu fid-direzzjoni tal-forn. Bħala prova tħaffru xi trinek fl-għelieqi li jmissu magħha lejn in-nofsinhar iżda ħlief xi sisien ma nstabux. F’wieħed minn dawn it-trinek instabet biss skudella b’żewġ widnejn tal-fuħħar. Instabu tliet muniti tar-ram Rumani, li tnejn minnhom ma jinqrawx. It-tielet waħda kienet munita Maltija bil-kitba Griega Melitaion. Ftit ‘l isfel kellha ras ta’ mara (Hera?) tħares lejn il-lemin bil-velu u l-kuruna. Fuq wara kellha s-siġġu kurali b’din il-kitba: C.Arruntanus Balb.Propr. Din il-munita kienet ta’ bejn wieħed u ieħor tal-35 jew 27 sena Q.K. Instab bħal musmar tar-ram flimkien ma’ fdal ta’ oġġetti oħra tar-ram. Dan il-bini jidher li hu xogħol tat-tieni Seklu W.K. Din kienet dar Rumana flimkien ma’ thermal bath. Din hija t-tielet dar Rumana li kellha l-banjijiet tal-misħun, misjuba fil-gżejjer tagħna.

Loġġa

Fis-sena 1876 ittelgħet bħala loġġa sabiex taħtha n-nisa jkunu jistgħu jaħslu l-ħwejjeġ taħt l-għajn. Din il-għajn swiet Lm20.

It-Tempju ta’ Guno

Għall-bidu ta’ Novembru 1963, gemgħa ta’ arkeologisti tal-Missione Archaeologica Italiana skavaw f’Tas-Silg dak li hu maħsub Tempju ta’ ġuno mistħajjel li kien fil-lok fejn illum hemm Sant’ Anglu fil-Port il-Kbir. Fih instab fuħħar u bosta oġġetti siewja.

Fi tmiem ir-raba’ jew fil-bidu tas-seklu ħamsa kienet inbniet bażilika paleokristjana fin-naħa ċentrali ta’ dan it-tempju. Ġewwa l-bazilika, il-prisbiterju, li kien inbena għadd ta’ drabi, kien mistrieħ direttament fuq il-qiegħa bla ma kellu sies, u kien mibni fuq materjal qadim li nkluda kitba punika importanti.

Dan kollu sar minħabba l-ħbit ta’ l-Għarab li ħabtu u ħarbtu l-gzira għadd ta’ drabi u ħarqu kull ma sabu. Fis-seklu tnax qablom kienu nbnew xi bini fqajjar Għarbi u anki l-bini ta’ Moskea fil-battisterju. L-Insara ma reġgħux bnew il-bazilika li giet profanata mill-Misilmin għalkemm il-Misilmin okkupaw biss il-battisterju. L-Insara qiesu li din kienet konsagrata sakemm saru artali u ngħad quddies fil-battisterju.

Fl-1966 rega’ beda t-tħaffir mill-istess ġemgħa, u hawn gie maqtugħ li din in-naħa kien igħodd mill-prejistoriku sa l-Għarb. Hawn instabu flus tal-Kavalieri, Rumani, fuħħar, oġġetti tal-bronż u kitba votiva ddedikati lil Astarte u Tanti.

Stazzjon Neolitiku f’Xorb L-Għaġin

Bil-għajnuna ta’ Dr. A.V. Laferla fl-1914 ġie mifli l-fdal megalitiku ta’ stazzjon Neolitiku fit-truf ta’ l-irdum lejn in-nofsinhar tal-Munxar. Fih instab bosta fuħħar.

Qabar Puniku

Fil-lok magħruf bħala l-Marniżi, f’għalqa jsejħulha “Il-Bur ta’ Għonq il-ġarra”, instab qabar puniku. Fis-7 ta’ Novembru 1927 bidwi sab qabar b’kumbinazzjoni. Il-lok ġie spezzjonat dakinhar stess iżda nstab li l-futur ittieħed f’għorfa li wara ġie mogħti lill-Mużew mill-bidwi.

Attrazzjonijiet Turistiċi

Is-Settur Turistiku huwa ta’ mportanza kbira għal Marsaxlokk. Dan ikun ta’ kummerċ kbir għal bejjiegħa tas-souvenirs u anki għar-restoranti. Ta’ kuljum naraw turisti jqattgħu ftit tal-mistrieħ tagħhom fuq xi mejda jieklu xi ħaġa jew jixorbu.