Marsaxlokk

Informazzjoni dwar il-lokalita'

Print this page

L-isem ta’ Marsaxlokk ifisser Port għax-Xlokk. Meta l-Feniċi kienu jiġu dritt Tir u Sidun, (illum il-Libanu) kienu jidħlu f’dan il-port kenni, u minnu jibqgħu telgħin fil-qasam magħruf bħala Tas-SilĠ, fejn fost bini importanti ieħor, instabu fdalijiet ta’ Tempju didikat li Astarte. Fiż-żminijiet tan-nofs, ftit nafu aktar fuq dan il-post. Meta mbagħad l-Imperu Tork kien fl-aqwa tiegħu, u s-suldati tiegħu kienu spiss jinżlu hemm biex jattakkaw iż-Żejtun, tista’ tgħid li ħadd ma kien joqgħod f’dal-post, minħabba l-biża’ li kienet jew jinqatel jew jispiċċa lsir. Iżda kif il-qawwa tal-Imperu Tork u l-furbani spiċċat, dar-raħal insibuh jikber bil-mod. Daż-żmien kiber u sar attrazzjoni turistika bil-ħajja sempliċi tiegħu. Iżda mhix dejjem kien hekk.

L-ewwel popolazzjoni f’Marsaxlokk li tissemma kien fl-1890 b’210 ruħ. Fil-bidu dan ir-raħal kien miżmum bħala lok għall-villeġġjatura u għadd kbir ta’ nies mill-ibliet u l-irħula fil-bogħod kienu jmorru hemm iqattgħu it-tliet xhur tas-sajf. Iżda mas-snin in-nies li kienu jiġu biss għas-sajf spiċċaw joqogħodu hemm is-sena kollha. Skond iċ-ċensiment tal-1961 il-popolazzjoni laħqet is-778 ruħ. Sas-sena 2006 il-popolazzjoni telgħet għal 3200.

It-Toroq Ta’ Marsaxlokk

Triq Abdosir: Jisimha għal wieħed mill-aħwa Kartaġinizi li kitbu talba lil alla MELQART fuq żewġ ĊIPPI tal-irħam.


Triq l-Arżnell: Jisimha għal ħuta li sa ftit żmien ilu kienet ferm komuni maqbuda mis-sajjieda bin-nassi.


Triq l-Avukat Carmelo Caruana :L-Avukat Carmelo Caruana kien politiku fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. L-ex Ministru Carmelo Caruana jibqa’ mfakkar għall-kontribut siewi li ta fil-bini ta’ l-Infrastruttura tal-pajjiż. Huwa kien stinka sabiex jinbnew toroq ġodda dritti u wesgħin, fil-fatt insibu li f’Marsaxlokk kien ta l-kontribut tiegħu sabiex titwesgħa t-Triq Xatt is-Sajjieda, Triq iż-Żejtun u saħansitra għen biex inbnew il-magħrufa djar tas-sajjieda li hemm fix-xatt ta’ Masaxlokk.


Triq Axtart: Jisimha għal alla mara AXTARTE / TANIT tant meqjuma u adurata mill-Feniċi u l-Kartaġiniżi, fil-Maqdes tagħha fuq l-għolja Tas-Silġ.


Triq il-Baħħara: Jisimha għal dawk li jbaħħru jew ix-xogħol tagħhom huwa fuq l-baħar.

Triq il-Barrakki: Jisimha għall-barrakki li kien hemm fiz-zona tal-RAF li kienu tas-servizzi Inglizi.

Triq Barthelemy: Jisimha għal ABBE BARTHELEMY expert fuq il-lingwi Orientali. Irnexxielu jerġa jsib l-ilsien Feniċju miktub fuq iċ-Ċippi, li kien intesa għal kollox.


Triq il-Beatu Bartolo Longo: Bartolo Longo kien jgħix fl-Italja. Huwa kellu missjoni sabiex jeqred il-ħażen minn Valle Pompei li dak iż-żmien kienet maħmuġa u l-poplu kien warrab għal kollox il-fidi nisranija. Kien ippropona sabiex tibda ssir il-festa tal-Madonna tar-Rużarju f’dan ir-raħal u saħansitra beda jgħallem il-katekiżmu u jxerred d-devozzjoni lejn il-Madonna. B’hekk bis-saħħa tiegħu id-devozzjoni lejn il-Madonna tar-Rużarju ta’ Pompei waslet fir-raħal ta’ Marsaxlokk.

Triq Birrikka: Jisimha għal bir antik li jinsab fil-qrib tagħha. Dan il-bir kien jiġi użat ħafna mill-Kartaġiniżi u anke mis-Seraċini.

Triq il-Biżantini: Jisimha għal dawk in-nies msejjħa BIŻANTTUM li bnew il-Bażilika ddedikata lil Maria Santissma Omm l-Insara fuq ‘l għolja ta’ Tas-Silġ . Huma użaw parti mill-Imaqdes ta’ Ġuno u Axtarte biex bnew tagħhom.

Sqaq Busbiesi: Jismu hekk għaliex fejn inbena kien hemm għelieqi li kiber fihom ħafna siġar tal-busbies.

Triq Cadeo: Jisimha għal belt fl-Italja ta’ fuq, fil-provinċja ta’ Piacenza, li magħha il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk għamel ġemellaġġ magħha fit-3 ta’ Ottubru, 2004.

Triq Ċiżerun: Jisimha għas-Senatur Ruman li kien juri interess fuq Malta. Darba akkuża lil Gvernatur Ruman Cajus Verres li seraq għadd ta’ affarijiet prezzjużi mill-Maqdes ta’ Ġuno fuq l-għolja ta’ tas-Silġ. Is-Senat ta’ Ruma ikkundanna lil Verres għal dan is-sagrileġġ.

Triq Ċippi: Jisimha għal żewġ pedestalli ta l-irħam li nstabu f’Marsaxlokk fis-sena 1694. Fuqhom kien hem talba miktuba bil-Grieg u l-Feniċju. Minn żewġ aħwa Kartaġiniżi lil alla Melqart. Minn dawn kien li Barthelemy sab il-lingwa Feniċija li biż-żmien kienet intilfet u ntesiet.


Triq Delimara: Jisimha għal dak l-ilsien t’art (penisula) li jħares u jaħti kenn lil port u raħal ta’ Marsaxlokk.

Triq Dun Salv Gatt: Jisimha għal wieħed mill-aktar Kappillani li damu jaħdmu għal ġid ta’ l-erwieħ f’Marsaxlokk. Niftehmu il-kappillani li kelna kollha ħadmu kemm setgħu, Iżda Dun Salv Gatt l-aktar wieħed li dam s’issa (27 sena) u għamel ħafna ġid kemm fl-iżvilupp tal-paroċċa kif ukoll fost l-poplu ta’ Marsaxlokk.


Triq Duncan: Jisimha għad-Duncan Hotel imwaqqfa minn Spiru Baldacchino u martu Mananni. X’aktarx li dan l-isem ittieħed mil-ismijiet tas-suldati skoċċiżi tar-Royal Artillery li kienu stazzjonati fil-fortizza ta’ Delimara u kienu jinżlu Marsaxlokk għal xi drink ħabta tas-sena 1914.


Wesgħa Dun Ġużepp Caruana: Dun Ġużepp Caruana, it-tieni qassis xlukkajr. Qaddes għal l-ewwel darba fl-14 ta’ Frar, 1942. Kien il-viċi ma’ sitt kappillani. Kien surmast ta’ l-orkestra u organista imsemmi. Serva wkoll għal żmien twil bħala kappillan u għalliem fil-Ħabs Ċivili.


Triq Felukka: Jisimha għal dgħajsa bil-qlugħ ta’ żmien ilu.

Triq il-Firilla: Jisimha għal dgħajsa ħafifa mgħamra b’erbgħa mqadef jew anke b’żewġ imqadef.

Triq il-Galjazz: Jisimha għal bastiment bi qlugħ li fl-antik kien jiġi użat għal ġarr jew anke għal ġlied.

Triq Għajn Osiris: Jisimha għal dik l-għajn li tkun impenġija fuq quddiem tal-luzzijiet. Din ilha ssir hekk minn żmien l-antik bħala simbolu li tħarishom il-bogħod minn xi għajn.

Triq l-Għoljiet ta’ Ġuno: Jisimha għall-għolja Tas-Silġ. Meta ir-Rumani okkupaw lil Malta; ħabta tas-sena 218QK huma waqfu Maqdes fuq l’għolja u ddedikawh lil alla mara Juno. Dan kien it-tielet maqdes fuq din l-għolja.

Triq il-Ġifen: Jisimha għal għal għamla ta’ bastiment tal-ġlied li fi żmien antik kien jimxi bil-qlugħ u mgħejjun mill-imqadef .

Triq Ġorġ Gravina: Jisimha għal raġel xlukkajr Ġorġ Gravina li kien konvint fl-ideal politiku tiegħu. U meta miet ġie midfun f’post barra iċ-ċimiterju.

Triq Guilino Maniscalco: Jisimha għal raġel li f’Marsaxlokk beda ix-xogħol tal-bini u tiswija ta’ dgħajjes tas-sajd; liema xogħol tkompla sejjer b’suċċess mill-familja Maniscalco, u għadu sejjer sal-llum. Sa żmien ilu din it-triq kienet parti minn Triq tas-Silġ.

Triq Ħal Ġinwi: Jismu għal wieħed u l-inħawi tiegħu li jinsabu bejn Marsaxlokk, il-knisja ta’ San Nikola l-isfel miż-Żejtun, in-Niċċa tar-Redentur u Marsaxlokk. F’dawn l-inħawi instabu tifkiriet Neolitiċi, Feniċi u Rumani. Kienu l-inħawi ta’ Ħal Ġinwi li fis-seklu 17 bdew jiġu imgħamra bl-ewwel nies jiffurmaw Marsaxlokk ġdid.

Triq Ġużeppi Stagno: Ġużeppi Stagno ġie joqgħod f’Marsaxlokk fl-1944 u mill-ewwel kienet ġietu x-xewqa li jgħaqqad scouts group. Fil-fatt hu qabel il-gwerra kien Group Scout Master tas-Sea Scouts ta’ l-Isla. Fl-1946 irnexxilu jaqqgħad grupp f’Marsaxlokk bl-isem ta’ Saint Andrew’s Sea Scouts. Stagno kien bniedem attiv fil-ħajja privata tiegħu, kien anke għallem bosta sajjieda jorbtu u jużaw il-boxxla. Is-Saint Andrew’s Sea Scouts kien grupp li kellu għal qalbu t-tagħlim nisrani u li għamel unur lil Marsaxlokk f’kull parata li kien jieħu sehem fiha taħt it-tmexxija dixxiplinata ta’ Ġużeppi Stagno.

Triq l-Imriekeb: Jisimha għal għamla ta’ bastiment kbir antik li kien jimxi bil-qlugħ u l-imqadef.

Triq l-Irziezet tal-Marnisi: Din ħadet l-isem kemm mill-istess art imsejħa il-promontorju tal-Marnisi kif ukoll mill-palazz tal-Marnisi mibni fis-sena 1683 minn Nobbli Giacomo u Theodora Testaferrata. Miegħu hemm ukoll il-knisja żgħira ta’ San Duminku.

Triq l-Iskola l-Antika: Jisimha għax fiz-zona jinsab il-bini li fl-antik kien isservi bħala l-iskola ta’ Marsaxlokk.

Triq l-Ixprunara: Jisimha għal għamla ta’ bastiment bil-qlugħ u l-imqadef, iżda kien iktar ħafif u mexxej.

Triq Joseph M Barbara (Surmast): Mro. Joseph M. Barbara serva bħala l-ewwel surmast ta’ l-Għaqda Mużikali Pompei sa mit-twaqqif tagħha, anzi kien pijunier fit-twaqqif ta’ l-istess għaqda. Ta’ kull ġimgħa kien jinżel bl-akbar ħeġġa l-każin tal-banda sabiex jgħallem lill-allievi bir-reqqa kollha. Huwa kien surmast onorajru ta’ l-Għaqda Mużikali Pompei u meta kien għadu f’saħħtu kien xorta waħda jinżel ta’ kull sena għall-festa ta’ Marsaxlokk. Is-Surmast Barbara jibqa’ msemmi għal tlitt opri kbar fil-qasam tal-mużika, fosthom l-‘Innu lill-Madonna ta’ Pompei’, żewġ innijiet liturġiċiki għal waqt il-quddiesa, wieħed għall-introjtu u ieħor għal waqt l-offertorju. Xogħol ieħor sabiħ tas-Surmast Barbara huwa l-kompożizzjoni tiegħu tat-talba “Ave Maria”. Ta’ min insemmu l-fatt li dawn ix-xogħolijiet tas-Surmast Barbara kollha għadhom jndaqqu fil-jiem tal-festa parrokkjali.

Triq il-Kajjik: Jisimha għal għamla ta’ dgħajsa ħafia tas-Sajd. Iżgħar min luzzu u użat ħafna mis-sajjieda.

Triq il-Kavallerizza: Jisimha għat-Torri Kavallerizza li il-Granmastru Adolf de Wignacourt bena meta nbena it-Torri ta’ San Luċjan. Dan kien iservi sabiex il-kavallieri stazzjonati f’San Luċjan. Dan kien isservi sabiex il-kavallieri stazzjonati f’San Luċjan kienu jħallu ż-żwiemel tagħhom fit-torri Kavallerizza. Inbena fl-1611/12.

Triq il-Kunċizzjoni: Jisimha għal Madonna Kunċizzjoni Immakulata. Issemiet hekk peress li fiha ġew joqgħodu nies minn Bormla fosthom il-Familja ta’ Darmanin.

Triq il-Labour: Imsemmija għall-Gvern Laburista li bnieha fis-sena 1976, flimkien mal-Housing Estate.

Triq Lepanto: Jisimha għar-rebħa kbira li kisbu il-Forzi ta’ l-Insara fuq it-torok fil-famuża battalja ta’ navali tas-7 ta’ Ottubru 1571 qrib Lepanto fil-Greċja. Din ir-rebħa hija ddeikata għar-Rużarju Mqaddes ta’ Marija Santissma.

Triq il-Luzzu: Jisimha għal dgħajsa tas-sajd tant użata mis-sajjieda matul iż-żmien.

Pjazza Madonna ta’ Pompei:  Jisimha għal-istatwa titulari li tinsab fil-Knisja Parrokjali f’din l-istess Pjazza. L-istatwa kienet inħadmet f’Lecce l-Italja u nġibet Marsaxlokk fl-1900.

Triq il-Maqdes ta’ Ġuno: Jisimha għat tielet maqdes mibni fuq l-għolja ta’ tas-Silġ mir-Rumani. Għaliex qablu kien hemm tan-Neolitiċi u tal-Feniċi / Kartaġiniżi.

Triq Marsaxlokk: Imsemmija hekk miż-Żwieten li kienu jinżlu f’Marsaxlokk ta’ kuljum għax-xogħol tagħhom.

Triq Melqart: Jisimha għall-alla tant meqjum mill-Feniċi u l-Kartaġiniżi. Skond ir-rapport tal-Missjoni Arkeoloġika Taljana (1963) għalkemm fuq l-għolja ta’ tas-Silġ kien hemm għadd ta’ Mqaddes iżda il-Maqdes ta’ Melqart mhux wieħed minnhom. Dan jinsab x’imkien qrib il-port ta’ Marsaxlokk.

Triq Il-Patrijiet Tereżjani: Jisimha għal Kunvent tal-patrijiet li hemm f’din it-triq.

Triq ta’ Pompei: Jisimha għal Madonna ta’ Pompei, l-Festa titulari tal-Parroċċa ta’ Marsaxlokk.

Triq il-Port Ruman: Jisimha għal port ta’ Marsaxlokk meta Malta kienet okkupata mir-Rumani. L-istess Rumani kienu tawh l-isem ta’ Port Erkole, u kienu jużawh ħafna.

Triq il-Power Station: Jisimha għal fatt li din it-triq tagħti għal Power Station.

Xatt is-Sajjieda: Jisimha għas-sajjieda li trabbew u għexu madwaru. L-ewwel din it-triq kienet Strada Marina imbgħad issemiet Marsaxlokk Quay, u fis-sena 1976 saret Xatt is-Sajjieda.

Triq is-Salvatur: Jisimha għal Kristu Salvatur tagħna.

Triq San Franġisk: Jisimha għal San Franġisk t’Assisi.

Triq San Ġuzepp: Jisimha għal San Ġużepp. B’turija ta’ devozzjoni anke statwa ta’ dan l-qaddis tinsab f’kantuniera ta’ dar f’nofs din it-triq.

Triq San Piju V: Jisimha għal Papa Qaddis li kien devot kbir tal-Madonna tar-Rużarju. Huwa irrikmanda it-talba tar-Rużarju fost l-ekwipaġġi tal-flotta ta’ insara qabel il-famuża battalja navali ta’ Lepanto. Dan l-Papa kien talab lis-slaten Insara sabiex jibgħatu l-għajnuna tagħhom għal bini tal-belt Vallletta.

Triq Sant’Andrija: Jisimha għal qaddis patrun tas-Sajjieda. Dan il-qaddis kien meqjum sa mill-bidu ta’ Marsaxlokk il-ġdid. Tant li l-istatwa tiegħu tpoġġiet max-Xatt fis-sena 1791 tħares lejn il-bajja li mbgħad saret magħrufa bħala il-Bajja ta’ Sant’ Andrija.

Triq Sant’Antnin: Jisimha għal qaddis Sant’ Antnin ta’ Padova.

Triq Santa Katerina: Jisimha għal Santa Katerina Verġni u Marti (ta’ Lixandra). Il-preżenza ta’ nies li ġew miż-Żurrieq u miż-Żejtun kien l-fattur prinċipali għal-isem ta din it-triq.

Triq Tas-Silġ: Jisimha għal għolja ta’ Triq tas-Silġ. Dari kienet tibda mill-isqaq dejjaq fejn illum hemm it-Triq Ġulino Maniscalco. Iżda illum tibda mit-tarf ta’ Triq Duncan.

Triq it-8 ta’ Mejju: Jisimha għal festa liturġika tal-Madonna ta’ Pompei. Dan l-jum jimmarka l-bidu ta’ devozjoni lejn l-Madonna ta’ Pompei meta l-Beatu Bartolo Longo poġġa l-ewwel ġebla tas-Santwarju f’Napli. Din titqies bħala ġurnata ta’ devozjoni kbira lejn l-Madonna ta’ Pompei u li 12.00pm f’ħafna knejjes madwar id-dinja tingħata is-supplika tal-Madonna ta’ Pompei. Tajjeb wieħed issemi li propju fil-ġurnata fit-8 ta’ Mejju kienet spiċċat it-tieni gwerra dinija.

Triq Tonin Attard (Padrun): Tonin Attard, imlaqqam Kadanja, twieled iż-Żejtun, kien sajjied fi klassi għalih waħdu u, minbarra l-ħila li kellu fix-xogħol, kien baħħar stonkuż għall-aħħar, kellu dgħajsa msejħa tat-taljman li għal dak iż-żmien aktarx kienet l-akbar waħda f’Marsaxlokk. Kadanja li kien bravu fit-tbassir tat-temp, tant kien bravu f’dan li għadha sa llum id-drawwa f’Marsaxlokk li meta xi żagħżugħ jitħajjar ibassar it-temp l-anzjani jaqbżu fuqu u jgħidulu: “Ċiss qisekx padrun Kadanja.”

Triq it-Torri: Jisimha għat-Torri San Luċjan għaliex din tibda min-niċċa tar-Redentur tgħaddi mil-inħawi tal-Marnisi u x-Xerriek u tispiċċa quddiem it-torri San Luċjan.

Triq it-Torri Vendome: Jisimha għat-Torri Vendome li hemm fl-istess triq. Dan jintuża min Marsaxlokk Football Club.

Triq it-Truniċiera: Jismha għal post fejn kienu jistaħbew is-suldati fiha. Din tkun bħall-trinka li tintuża fil-militar.

Sqaq it-Tumbrell: Jisimha għal ħuta ferm popolari mas-Sajjieda. Din l-ħuta tkun tonn zgħir.

Triq Vittorio Cassar: Jisimha għal-inġnier (perit) li kien inkarigat mill-bini tat-Torri San Luċjan. Dan kien it-tifel ta’ Ġilormu Cassar.

Triq il-Wilġa: Jisimha għal medda ta’ art li kienet iżomm ħafna ilma forma ta’ għelieqi bl-ilma u għalhekk fihom kien jinbet ħafna qasab, simmar u ħaxix. Kienet it-triq li ddur mal-Magħluq u twassal sal-famuża Batterija tal-Wilġa magħrufa bħala it-Trunċiera.

Triq ix-Xambekk: Jisimha għal bastiment tal-ġlied ta’ żmien l-qlugħ u l-imqadef.

Triq ix-Xini: Jisimha għal bastiment tal-ġlied ta’ l-antik li kien jimxi bil-qlugħ u anke mgħejun minn għadd kbir ta mqadef li kienu jagħtuh dehra ta’ dudu kbir b’ħafna saqajn jmexxuħ. It-torok u l-franċiżi inqdew b’ħafna minn dawn ix-xwieni meta attakaw lil Malta.

Triq Xrobb l-għaġin- limiti ta’ Xrobb l-Għaġin: Dan l-isem mill-inħawi fejn l-ewwel nies li kien hawn Malta għażluh sabiex hemm ikollhom stazzjon Neolitiku. F’dan il-post kien hemm kwadru tal-Madonna tad-Duluri u s-Sajjieda kienu ta’ sikwit jinżlu u jixegħlu xema jew lampa taż-żejt quddiem dan il-kwadru tal-Madonna.

Triq iż-Żejtun: Jisimha hekk għaliex tagħti għaż-Żejtun u illum anke għal Bir id-Deheb. Din it-triq tibda minn Triq San Ġużepp u tibqa’ tiela san-niċċa tar-Redentur.