Marsaxlokk

Knejjes

Print this page

Il-MADONNA TA’ POMPEI – Paroċċa

Sa mill-1436, dan ir-raħal kien jagħmel sehem mill-Parroċċa – ta’ Santa Katarina Verġni u Martri taż-żejtun. F’dan iż-żmien nistgħu ngħidu li ma kienux joqgħodu nies f’Marsaxlokk minħabba l-biza’ tat-Torok, iżda meta dawn bdew jitbiegħdu xi ftit, dehru ‘l hawn u ‘l hinn xi ftit familji jwaqqfu l-irziezet hemm. Għalhekk inbnew xi knejjes sabiex jieħdu ħsieb ruħ il-parruċċani tagħhom u minn ta’ l-ewwel kienu dawk tas-Silġ u ta’ San Nikola li t-tnejn saru madwar l-1650.

Fis-seklu tmintax Marsaxlokk kien imgħammar sewwa bin-nies u l-Isqof Pace b’digriet tas-27 ta’ Settembru,1890 bagħat Viċendarju intħaseb biex itellgħu knisja ġdida li kellha tkun taħt it-titlu tal-Madonna tal-Karmnu msejjħa minn x’uħud bħala ta’ Pompei (skond ix-xewqa ta’ l-Isqof) u li tkun tesa’ l-poplu kollu kif ukoll dawk li jinżlu fis-sajf. Fis-7 ta’ Dicembru 1890 tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-Knisja.

B’petizzjoni li għamlu n-nies tal-lok lill-Isqof, Mons. Pietru Pace waqqaf din il-knisja parroċċa fis-27 ta’ Frar 1897 u għamel bħala Vigarju Kurat tal-Parroċċa l-ġdida lil Dun Salv Delia, li wara sar Kappillan.

Wara bilkemm sentejn xogħol, il-knisja Parrokkjali kienet lesta fl-1892 fuq il-pjanta ta’ l-Arkitett Dun ġużepp Diacono (il-kappillan tal-Qala, Għawdex).

Fl-1910 il-Kappillan Busuttil żied il-kor u ż-żewġ kappelluni ta’ fuq. Iżda l-faċċata u l-kursija milli jidher xejn ma kienu għal qalb il-Kappillan Dun Salv Gatt billi ħabrek kemm felaħ sabiex ibiddilhom fuq il-pjanta li għamillu l-Perit ġuże’ Bellia.

Il-knisja għandha għamla ta’ salib b’koppla u żewġ kampnari. Fiha ħames altari. Il-kobor tagħha hu ta’ 118-il pied tul, 87 wisgħa mill-kappelluni u 18-il pied fil-kursija.

Waħda mill-akbar benefatturi ta’ din il-knisja kienet il-markiża Roża Apap Testaferrata li ħarġet nofs l-ispejjeż sabiex tinbena l-kursija. Insemmu wkoll il-familja Nobbli żammit Gauci minn Qaz-żebbuġ li tat l-art b’xejn għall-bini tagħha kif ukoll il-koperazzjoni tal-poplu.

Dun Salv Gatt kien bena wkoll il-koppla. Il-qanpiena l-kbira nxtrat mill-knisja ta’ San Duminku tal-Belt. L-orgni l-ġdid intuża fl-1954 u sewa Lm1,200 u sar il-ġermanja. Igħidu li l-qadim kien insteraq.

Il-kwadru titulari hu xogħol tad-dilettant Markiż Peppinu Testaferrata. Il-laterali tal-kor ħadmu ġużeppi Caruana. Il-kwadru ta’ San ġużepp pinġih ġużeppi Bonnici. Il-kwadru ta’ San Pawl pinġih P.P. Caruana. ġużeppi Cali’ pinġa l-kwadru ta’ San Duminku fl-1913. Fl-1893 ġużeppi Bonniċi pinġa lil Sant’ Andrija. Santa Tereża pinġiha G. Mifsud fl-1933 u Lazzru Pisani fl-1932 pinġa l-Martirju ta’ Santa Katerina. Ramiro Cali’ pinġa dak ta’ Santa Margerita fl-1934 u Rafel Bonnici Cali’ pinġa t-Trasfigurazzjoni. Fil-koppla nsibu siltiet mill-ħajja tal-Madonna li tpinġew minn Tuse’ Busuttil.

L-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju nġiebet minn Lecce fl-Italja mill-Kappillan Dun Salv Delia. L-istatwa ta’ San ġużepp ħadimha Wistin Camilleri, l-Għawdxi li ħadem ukoll dik ta’ Sant’ Andrija. Santa Rita nġiebet minn Bolzano fl-Italja.

San Nikola

Il-Kappella ta’ San Nikola ġiet mibnija mill-ġdid mis-Sur ġann Franġisk Gauci madwar l-1650 u hi guspatronat.

Il-Madonna tas-Silg u l-Kunvent

Il-knisja tas-Silġ, li tinsab fuq ir-riħ ta’ Marsaxlokk u li issa jagħmlu minnha l-Patrijiet Karmelitani Skalżi, ġiet mibnija fl-1833 flok dik li kien hemm mibnija għall-ħabta tal-1650 li kien bena Gio Franġisku Gauci.

Din il-knisja kienet l-aktar użata mill-gabillotti u s-sajjieda ta’ dawk l-inħawi.

Din nbniet kif inhi llum mill-Markiża Angiolina Muscat Cassia Dorell fuq il-pjanta ta’ Franġisku Fabri mill-Birgu.

Fl-atti tan-Nutar Massimiliano Troisi Murville tal-25 ta’ Settembru 1834, il-Markiza fit-testment tagħha ħalliet xi pizijiet u drittijiet lil dak is-Saċerdot li jkun jixtieq jiehu taħt idejh din il-knisja bil-Palazz li hemm magħha u xi artijiet ukoll.

Maż-żmien tħajru li jieħduhom f’idejhom il-patrijiert Karmelitani Skalzi u fil-21 ta’ Marzu 1927 talbu lis-Superjuri tagħhom il-permess li jaċċettaw din il-proposta minbarra s-setgħa li jaċċettaw dak kollu li talbet it-testatrici. Wara ħafna rikorsi u talb, fit-22 ta’ April 1933 sar il-kuntratt li bih din il-knisja u l-“Palazz”, il-ġnien u ambjenti oħra, għaddew f’idejn dawn il-patrijiet. Fuq il-kuntratt, li sar għand in-Nutar Carmelo Farrugia, dehru n-Nobbli Carmela, l-armla tan-Nobbli Ignazio de Marechesi Testaferrata Bonnici, u min-naħa tal-Kommunita’ Karmelitana deher il-Vigarju Provincjali tas-Semi-Provinċja ta’ Malta, Patri Eugenio u Patri Franco Calleja Gera. Fis-6 ta’ Awissu 1933, il-Patrijiet daħlu fil-lokal u hemm bdew fondazzjoni ġdida msejħa l-“Fondazzjoni tas-Silġ”

Fit-8 ta’ April 1934 tbierku tliet qniepen ġodda minn Patri Redent tas-Salib maħdumin mid-ditta Pasquale Marinelli e Figlio ta’ San Albert.

Malli daħlu fil-lokal, il-Patrijiet għamlu bħala kunvent dan il-palazz, u t-Tlieta 13 ta’ Novembru 1934 għamlu hawn il-kulleġġ għall-Patrijiet Aspiranti. Fit-28 ta’ Marzu 1937 tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-kunvent il-ġdid mill-Vici-Provinċjal, Patri Bennard, quddiem għadd ta’ nies, fosthom id-dixxendenti tad-donatriċi, il-Markiz Lorenzo dei Marchesi Testaferrata u l-Markiza Elena. Il-Perit kien Andrea Micallef ta’ Qal Luqa.

Fit-2 ta’ Ottubru 1939 dan il-kunvent kien lest u nfetaħ. Issa kienet bdiet il-gwerra u l-Patrijiet, bil-liġi ta’ l-Emerġenza, kellhom iċedu dan il-kunvent lill-Kmandant ta’ l-Ingienier. Iżda fl-1 ta’ ġunju 1943 il-Militar okkupa wkoll il-parti l-ġdida tal-kunvent. Fl-20 ta’ Novembru ta’ l-istess sena, il-militar telaq minn dan il-kunvent u tmint ijiem wara l-Patrijiet bierku l-lok mill-ġdid u reġgħu fetħuħ.

Il-Kappella hija x’aktarx żgħira b’koppla f’nofsha u għandha artal wiehed. Jingħad li l-kappella li kien hemm qabel ġiet meqruda bin-nar. Il-kwadru ewlieni ma sirtx naf min għamlu imma x’aktarx li sar għal ħabta ta' meta saret il-knisja l-ġdida. Hemm vara sabiħa tassew tal-Madonna tal-Karmnu li kienet ġiet regalata mill-knisja tat-Tereżjani ta’ Bormla fl-1935. Saret f’Genova. Biswitha hemm statwa oħra ta’ Santa Tereża.

San Duminku

Il-knisja ta’ San Duminku, Guspatronat, ittellgħet fl-1653 mill-miżżewgin ġakbu Testaferrata u Teodora Bonniċi. Fiha altar wieħed. ġiet imbierka mill-Arċidjaknu ġenju Testaferrata fit-13 ta’ Ottubru 1653. Din il-knisja tagħmel parti mill-Palazz tal-Marniżi.

San Pawl

Il-knisja ta’ San Pawl Nawfragu, ta’ Xorb l-Għaġin telgħet fis-seklu Tmintax u hi guspatronat.

San Pietru

Tmiss mad-dar li kien bena Dun Pietru Busuttil hemm il-kappella sabiħa ta’ San Pietru li hi guspatronat. Din il-kappella bniha wkoll Dun Pietru Busuttil bi flusu fuq id-disinn ta’ Wenzu Gafa’ u tbierket f’April ta’ l-1862 bħalma turi l-kitba li hemm fuq il-bieb.

Fl-1875, E.Gauci Testaferrata kabbarha, iżda wara reġgħet ġiet irranġata mill-Arkitett Professur Dr. Nikola Zammit. Fid-29 ta’ April, jum San Pietru, f’din il-knisja kien jitbierek iż-żebbug u l-ilma bir-relikwija ta’ San Pietru. Minnha kienu jitbierku wkoll iċ-ċrieket biex jagħtu l-għajnuna lin-nisa waqt il-ħlas. Dawn kienu privileġġi li jsiru minn din il-knisja.

Sitta mill-familji ta’ Testaferrata, Manduca u Gauci jinsabu midfuna hawn. Din il-kappella għandha koppla u tliet altari. Il-kwadru ewlieni li juri lil San Pietru, Dumnikan Martri, hu xogħol Baskal Buhagiar. It-tieni wieħed hu dak tar-Redentur u t-tielet hu dak tal-Madonna tal-Karmnu u huwa xogħol ġużepppi D’Arena. L-istatwa ta’ Sant’ Anna nġiebet minn Franza.

Il-Qalb ta’ Ġesu

Naqraw lin-Nobbli Margherita dei Conti Manduca bniet minn flusha fl-1876, il-knisja tal-Qalb ta’ ġesu’ li qiegħda ħdejn il-Kavallerizza.

L-Istitut ta’ Ġesu Nazzarenu

L-ewwel darba li tħajjru jiftħu dan l-istitut f’Marsaxlokk kien fl-1923 bi ftit bniet. F’din id-dar, għaliex ma kenitx għajr dar, it-tfal kienu jiġu mgħallma l-iskola, d-duttrina u anki snajja’ femminili, bħalma huma xogħol tal-bizzilla, rakkmu, ħjata u xogħlijiet oħra.

Dawn it-tfal kienu mexxijin minn xi xebbiet twajba taħt il-ħarsien tal-Kappillan li kien jaħsibilhom għal bosta affarijiet.

Fid-9 ta’ Settembru 1949 il-Kongregazzjoni Missjunarja ta’ ġesu’ Nazzarenu fetħet dar f’dan ir-raħal fejn kien isir tagħlim ta’ l-iskola għat-tfal ta’ taħt il-ħames snin. Fis-7 ta’ Ottubru 1959, il-familja Preziosi tathom biċċa art fuq in-naħa l-oħra ta’ Marsaxlokk, fejn ftit wara nbniet id-dar il-ġdida li llum hi magħrufa bħala “Domus Marie”. Fit-12 ta’ Settembru 1959, marru joqgħodu fiha. Fid-29 ta’ Settembru ta’ l-istess sena saret l-ewwel quddiesa u t-tberik tal-kappella ta’ din id-dar mill-Eċċellenza tiegħu Mons. Isqof E.Galea.

Din id-dar barra milli hi skola sservi wkoll biex isiru fiha rtiri u laqgħat ta’ diversi għaqdiet sew ta’ Marsaxlokk kif ukoll ta’ rħula oħra. Fis-Sajf imbagħad isservi bħala dar ta’ villeggjatura għat-tfal u għas-Sorijiet ta’ l-Istitu Nazzarenu taż-żejtun li ilhom imorru fiha sa mill-25 ta’ Lulju 1960 ‘l hawn.

It-titular tal-kappella ta’ dan il-kunvent huwa ta’ Marija Addolorata u fiha artal wieħed. Illum il-ġurnata din id-dar qed tintuża wkoll bħala dar tax-xjuħ.