In-Naxxar

Knejjes

Print this page

     Il-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar

Il-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar ġiet imtella' parroċċa fl-1436 mill-Isqof De Mello, u kienu suġġetti lejha l-irħula tal-Mosta u Għargħur. Fil-fatt, l-Isqof Demello kien niżżilha bħala waħda mill-għaxar parroċċi ta’ Malta u kienet l-ewwel parroċċa ddedikata lill-Madonna wara dik tal-Kattidral l-antik. Fl-1575, il-matriċi tan-Naxxar kienet tgħodd mas-36 knisja - 14 fin-Naxxar, 5 fil-Għargħur, 12 fil-Mosta u 5 fil-viċinanzi ta’ dawn l-irħula. Il-Knisja kif nafuha llum inbniet bejn l-1616 u l-1630, meta fin-Naxxar kien hemm 1,200 resident, u kienet inħasset il-ħtieġa li titkabbar il Knisja preżenti. Id-disinn ta’ din il-knisja sar mill-Perit Tommaso Dingli, wieħed mill-aħjar periti ta’ dak iż-żmien, filwaqt li l-Kappillan kien Dun Ġakbu Pace.

photo1

Il-kor u l-faċċata ta’ ġewwa reġgħu ġew irranġati mill-ġdid fl-1691, fuq disinn ta’ Lorenzo Gafà, l-istess Perit li għamel id-disinn tal-Katidral tal-Imdina. Il-Knisja Parrokkjali ġiet solennement konsagrata mill-Isqof Alpheran fil-11ta’ Diċembru 1732.Il-Knisja fiha kor, żewġ kappelluni u kursija u hija twila 130 pied, il-wisgħa mill kappelluni hija ta’ 94 pied, u mill-kursija 30 pied. Il-qanpiena l-kbira saret fl-1840 mill-funditur Toni Tanti u swiet 225. Il-faċċata tal-Knisja turi żewġ arloġġi, wieħed juri l-ħin attwali filwaqt li l-ieħor huwa tpinġija u juri nofsinhar neqsin kwart (11.45).

Il-pittura prinċipali turi t-Twelid tal-Madonna u pinġieha l-famuż Mattia Preti (1613-1699) filwaqt li fil-ġenb tagħha hemm żewġ pitturi kbar magħmula minn Stefano Erardi (1650-1733) u juru l-Ħarba mill-Eġittu u l-Adorazzjoni tal-Maġi.

Pitturi oħra li juru l-Madonna bil-Bambin, San Gejtanu, San Alwiġi Conzaga, is Salvatur u d-Duluri huma xogħol il-pittur Malti Franġisku Żahra (1680-1765). Fis sagristija hemm merfugħa l-pittura qadima fuq l-injam li turi l-Madonna tar Rużarju, u li nħaddmet minn Gio Maria Abela fl-1595.Il-bieb maġġur huwa tal-bronż, iġib id-data tal-1913 u hu xogħol Pio Cellini. Il-bieb huwa mqassam f'erbgħa panewwijiet prinċipali, fejn insibu erbgħa armi li jissimbolizzaw l-arma tal-Bambina, padruna tan-Naxxar; l-arma tar-raħal; l-arma tal Papa San Piju X u l-arma tal-familja Żammit, li kienu l-benefatturi ta’ dan il-bieb. Fl-1952, dan il-bieb ġie żarmat u mnaddaf mill-ġdid minn ħaddied Naxxari, Mastru Lucens Agius. L-ispejjeż reġgħu ġew imħallsa mill-istess familja Zammit.

pht02

Il-vara tal-Vitorja, liema festa tiġi ċċelebrata fit-8 ta’ Settembru, nġabet lesta minn Ruma filwaqt li l-vari tal-passjoni huma xogħol dilettant Malti. In-Naxxar kien wieħed minn tal-ewwel li kellu l-vari tal-passjoni, tant li hu mifhum li l-purċissjoni bdiet issir xi ftit tas-snin wara l-1750. Fid-9 ta’ Novembru 1787, inġieb il-ġisem qaddis tal-martri San Vittorju miċ-ċimiterju ta’ San Calepodio ta’ Ruma.

    Kappelli

Fil-lokalità tan-Naxxar hawn ukoll numru ta’ Kappelli mxerrda, fosthom dik tal Kunċizzjoni li twaqqfet fis-Seklu 18; ta’ Santa Luċija; tà San Pawl tat-Tarġa; San Ġwann Battista; San Ġakbu Appostlu; Santa Marija tax-Xagħra; Santa Marija tal-Magħtab li nbniet fis-Seklu 18; tal-Lunzjata fis-Salini li hija tas-Seklu 16; u ta’ San Ġwann l-Evanġelista u ta’ Santa Marija tal-Anġli f'Baħar iċ-Ċagħaq.

 

phto3

photo1 ptho2