L-Imqabba

Aktar Postijiet ta' interess

Print this page

L-Istatwa ta’ San Franġisk
(Tagħrif mit-tieni ħarġa tal-fuljett tal-Kunsill – Diċembru 1994 artiklu ta Mr C Farrugia)

Ħafna huma dawk li fi triqthom mill-Imqabba għall-Qrendi xi darba jew oħra taw daqqa t’għajn lejn iż-żewġ statwi li hemm fil-post lokalment magħruf bħala “Il-Mentna”. Iż-żewġ figuri jirrappreżentaw lill-Kunċizzjoni u lil San Franġisk. L-istatwa ta’ San Franġisk t’Assisi inħadmet mill-Professur Giulio Moschetti fl-1899. Il-materjal hu stucco jew inkella taħlita ta’ deffun u pasta liema kompożizzjoni ffurmat is-suġġett wara li ġie applikat fuq il-ġebla li hi l-bażi tal-istatwa. Din l-istatwa ġiet imbierka minn Mons Alfons Caruana fit-13 ta’ Lulju 1899 u wara tqiegħdet fil-post preżenti għall-venerazzjoni tal-pubbliku. Interessanti hu l-fatt li l-art li fuqha ġiet imwaqqfa din l-istatwa ġiet mogħtija mill-Awtoritajiet Ċivili. Dan x’aktarx li sar fuq insistenza ta’ Mons Alfons Caruana li kien politiku Mqabbi u li jidher li kellu ċertu saħħa fiċ-ċrieki amministrattivi. Mons Caruana ta kontribut kbir f’diversi proġetti li saru fir-raħal tagħna. Nhar l-14 ta’ Lulju 1899, Mons Alfons Caruana ippreżenta rikors lill-Kurja tal-Arċisqof sabiex jingħataw 40 ġurnata indulġenzi lil kull kattoliku li jżur din l-istatwa u jgħid it-talba "San Francesco stimitizzato ottenateco l’amore a Gesù Cristo". Il-permess għal dawn l-indulġenzi ingħata mill-Kurja fis-17 ta’ Lulju tal-istess sena. Din l-istatwa ġiet restawrata mill-Kunsill Lokali Mqabba (Tielet Leġiżlatura) wara li partijiet minnha kienu fi stat ħażin ħafna u kienu diġà intilfu partijiet importanti bħall-idejn u s-swaba.

Iċ-Ċimiterju tal-Ars

Iċ-Ċimiterju tal-Ars huwa post verament interessanti u kien skedat mill-awtoritajiet għall-importanza tiegħu, ftit tas-snin ilu. Jinsab fi triq dejqa fil-kampanja li tieħdok mill-Imqabba għaż-Żurrieq. Dan iċ-ċimiterju aktarx li kien jipprovdi mezz ta’ dfin għat-tfal li mietu bil-pesta. Imiss ma’ dan iċ-ċimiterju, insibu razzett li wkoll għandu l-istess isem ‘Tal-Ars’. Dan ir-razzett. għandu diżinji interessanti ferm ta’ ġeometrija biswit twejqa ċkejkna, li jeħduna għall-era Għarbija. Dawn id-dekorazzjonijiet fil-ġebla tal-franka aktarx kienu mħatta minn xi bini antik dilepidat ieħor u tpoġġew f’dan ir-razzett kif ukoll fi kmamar f’għelieqi oħra viċin.


It-Torri Vinċenti
(Tagħrif mil-10 ħarġa tal-fuljett tal-Kunsill April 1996 – artiklu ta’ Ms Carmen Lia)

It-Torri tal-għassa magħruf bħala t-Torri Vinċenti jinsab fl-inħawi magħrufa bħala tal-Isqof, bejn ix-Xantin u Ħal Farruġ. Skond it-tradizzjoni jingħad li minn fuqu f’temp bnazzi, missirijietna kienu jaraw Sqallija. Qrib dan it-torri hemm palazz eleganti li fil-bidu kien iservi ta’ każin. Ġardin kbir u sabiħ jifred it-Torri minn dan il-palazz. It-torri u l-palazz inbnew fl-1726 mill-Prijur Orfeo de Vincenzo fi żmien il-Granmastru de Vilhena, skond ma jidher mill-kitba minquxa fil-ġebel taħt l-arma tal-fundatur u li kienet tinsab f’bosta nħawi tal-istess torri. Sfortunatament dawn l-armi tal-fundatur m’għadhomx jinstabu iżjed. Kien hemm kuntatti fil-passat minn xi individwi mal-Mużew Nazzjonali tal-Belt biex nippruvaw insibuhom. Il-kitba tgħid hekk: “Lill-Illmu. Ecc. Fr D. Orfeo de Vincenzio, Kav. Gran. Kruc., Gran Prijur tas-Sepulkru Mqaddes ta’ Bari, u Kommendatur tal-Kommenda ta’ Possano; tal-Prijurat tal-Lombardija u ta’ Franza u ta’ Messina. Bi flusu tella’ dan it-torri mis-sisien fis-sena 1726, bħala mkien ta’ pjaċir u tifkira. Vjaġġatur, għaddi bil-qima.” It-torri oriġinali kien għoli sewwa u kien mibni fuq pjanta kwadra b’kamra kull sular u saqaf ċatt imdawwar b’parapett. Kellu erba’ sulari u l-bini tiegħu kien aktar jixbah lil torri fuq ieħor. It-tqegħid tat-taraġ tal-ġebel kien minn barra u jagħti għall-ewwel sular u mbagħad taraġ tond minn ġewwa li jieħdok mill-ewwel saqaf sal-kantina u sellum tal-ħadid imwaħħal mat-tieni qiegħa u s-saqaf, għad illi dan l-aħħar kien hemm sellum tal-injam. It-torri kellu gallarija mad-dawra kollha tiegħu fit-tieni sular u gallerija żgħira tħares ’il fuq, fuq il-ġnien. Fi żmien it-tieni gwerra, it-torri kien irrekwiżizzjonat għal skopijiet ta’ difiża mill-armata Ingliża. Dan għamluh nhar it-2 ta Ġunju 1941 għall-ħlas ta’ €41.93. Dawn tħallsu mid-Dipartiment tal-Gwerra lis-sid ta’ dak iż-żmien li kien is-Sur William John England.

F’dawn iż-żminijiet ukoll, it-torri kien iservi ta’ Observation Post minn taqsima tal-59th Light Ack-Ack Battery li kienet tagħmel parti mis-7th Light Ack-Ack Regiment. Nhar it-12 t’April 1942, it-torri ntlaqgħat minn bomba tal-għadu u ġarrab ħerba kbira, l-aktar fis-sular t’isfel. Minkejja dan kollu t-torri baqa’ wieqaf u ma waqax. Dan jikkonfermah Hugh Braun fil-ktieb tiegħu Works of Art in Malta – Losses and Survivals in the War (1946) fejn insibu li: The Curious Vinċenti Tower has suffered no damage. Madankollu u sfortunatament għall-Imqabba, kien ġie deċiż mill-Awtorità tar-Royal Airforce li dan it-torri kellu jinħatt. Dan it-torri kien ilu jdejjeq lir-RAF għax peress li kien torri għoli sew u kien ukoll biswit l-ajruport, kien ta’ periklu għall-ajruplani. Ix-xogħol tal-ħatt sar malajr u kull ma tħalla mit-torri oriġinali kien biss is-sular t’isfel u parti mill-ieħor.


Il-Katakombi tal-Mentna

(Tagħrif mil-ktieb maħruġ mill-Kunsill Lokali u l-Parroċċa fl-1998, f`għeluq l-erba’ mitt sena mit-twaqqif tal-Parroċċa "L-Imqabba mal-Medda taż-Żmien" – Artiklu ta’ Patri J.M. Ghigo)

Imissna nibqgħu niftakruha sewwa s-sena 1860 għas-sejba tal-Katakombi tal-Mentna! Tgħid minn dik is-sejba storika u famuża li f`moħħ l-Imqabbin tnissel l-isem sbejjaħ tax-xaqliba fil-qrib?

Fil-bidu, anzi sa qisu 22 sena wara s-sejba, Dr Caruana kien baqa’ jaħseb li kienu kixfu d-daħla ta’ ċimiterju tassew vast, imma wara aktar stħarriġ bir-reqqa wasal fil-konklużjoni li s-sit tal-Mintna kien fih biss tliet ipoġej żgħar. Fil-bidu kienu indipendenti minn xulxin, b’kull wieħed b’bieb għalih, imma fi żmien riċenti xi ħadd fettillu jniffidhom ma’ xulxin biex biddilhom f`ġiebja!

It-tliet katakombi jkopru b`kollox daqs ta’ 139 metru kwadru, ħaffruhom fl-istess żmien qrib xulxin u għandhom l-istess orjentament. Ix-xogħol tassew fin fl-artkitettura, hu ta’ livell għoli mirqum u sar b’sengħa raffinata hekk li Bellanti qal: “No pains were spared to have a good work turned out”. Dan narawh b’għajnejna stess malli ninżlu minn ġol-kamra moderna li l-gvern bena u fuqha naqax b’ittri kbar CATABATICA AD CATACUMBAS. Din il-kamra tiġi preciż fuq it-tieni ipoġew, dak li jinsab bejn it-tnejn l-oħra.

Barra li dawn il-katakombi fl-Imqabba huma monument wisq importanti fihom infushom, dawn ifissru wkoll “qabża immensa ta’ aktar minn 1,000 sena għax teħodna lura fiż-żmien u fl-istorja ta’ raħalna! Bosta studjużi li eżaminaw il-Katakombi tal-Mintna Paleo-Kristjani, jiġifieri ġejjin minn dak iż-żmien tal-Kristjaneżmu bikri, aktar preċiżament iqisuhom bħala minn madwar 400 WK. Dan hu fatt sinifikattiv ferm għall-preżenza Kristjana fl-Imqabba!

Il-katakombi f`tarf l-Imqabba, għalkemm fuq skala iżgħar, jimxu fuq l-istess prinċipji u jixhdu wkoll l-istess karatteristiċi li l-istudjużi josservaw f`dawk wisq aktar magħrufin ta’ San Pawl fir-Rabat ta’ Malta. B’hekk fl-Imqabba wkoll nitgħaxxqu b’mejda famuża “agape” miżmuma tajjeb ferm, fejn madwarha kienu jissieħbu l-insara għall-ikla ritwali, ħafna oqbra mħaffrin fil-blat, imżejna bi ħnejja baxxa u tawwalija msejħa “acrosolium”, għadd kbir ta’ toqob żgħar b’diversi forom għall-imsiebaħ biż-żejt, u importanti wkoll il-gandotti fejn jinġabar l-ilma li jnixxi mill-blat. Kemm kienu tassew jaħsbu għal kollox!

Fuq dawn il-katakombi sibt kumment ferm interessanti ta’ Dr Trump ifaħħar ix-xogħol fin fl-arkitettura: “They have finely carved canopied and acrosolium tombs.” Dr Bellanti sejjaħ iż-żewġ strixxi bi tmien qatgħat ġol-ħajt tal-blat għall-imsiebaħ taż-żejt bħala karatteristika unika għax din tixhed “a note of religiosity by far more intimate and impressive than is found elsewhere and creates the impression that this must have been more than an ordinary place of assembly.”

Min m’huwiex midħla tal-arkeoloġija Kristjana jaqbillu jkun jaf li l-ipoġej jew il-katakombi bikrin kienu jservu għad-dfin u għall-qima mill-Insara, u lanqas issibhom kullimkien. Issibhom biss f`xi bliet b’komunità Nisranija stabbilita sa mill-qedem, bħalma huma Ruma, Napli, Sirakuża, Kartaġni u anke Malta, naturalment fejn il-formazzjoni ġeoloġika tal-blat tippermetti.

F’dan il-punt tajjeb insaqsu: Kemm Imqabbin u wisq iżjed Maltin, qatt irnexxielhom jaraw il-Katakombi tal-Mintna? Żgur li dawk li żaruhom xi darba huma xi waħdiet!

Bini Muniċipali

Għal numru ta’ snin din id-dar kantuniera viċin iz-zuntier tal-Kapella tad-Duluri fi Triq il-Parroċċa, kienet imqabbla lill-gvern ċentrali minn għand terżi Illum il-ġurnata f’dan il-bini nsibu l-Kunsill Lokali Mqabba, l-Għassa tal-Pulizija u l-Klinika tal-Gvern, għalhekk iservi bħala one-stop-shop. Is-sular ta’ fuq, minn fejn qed jopera l-kunsill lokali, kien id-dormitorju tal-pulizija li kienu jippreferu li jistrieħu fil-post li fih kienu jkunu xogħol minflok jimxu distanzi twal u jerġgħu jirrappurtaw għax-xogħol ftit siegħat aktar tard. Fil-passat il-kmamar tal-bitħa kienu jservu għal diversi skopijiet differenti. Fosthom biex kien miftuħ temporanjament mill-gvern ċentrali uffiċċju biex jingħata l-elettriku lill-familji Mqabbin fi djarhom. Uffiċjali mid-dipartiment konċernat kienu jieħdu ħsieb l-amministrazzjoni ta’ dan il-proġġet ferm ta’ fejda għall-Imqabba bħalma wkoll kienu jservu l-istess kmamar mill-korp tal-ħaddiema hekk imsejħa tal-Awżiljarji, ftit tas-snin ilu.

Torri Tal-Wilġa

Fi Triq Ħal Farruġ, biswit għelieqi fondi ffurmati minn barrieri tal-franka wżati u llum konvertiti f’ġonna tal-larinġ, insibu t-Torri tal-Wilġa. Torri Ruman tat-tielet seklu, misjub minn T. Ashby fl-1908, propju fejn it-triq tiftaħ f’wesgħa konsiderevoli. Dan it-torri huwa simili għal dak ta’ Ġawhar u għandu diametru ta’ mhux aktar minn tmien metri, ffurmat b’ġebel massiv ta’ ħxuna ta’ 1.5 metru. Hu maħsub illi dan it-torri kien iservi bħala post li minnu kienu jaraw l-għadu u jagħtu sinjal minnu.