L-Imqabba

Knejjes

Print this page

IL-KNISJA PARROKKJALI ta' Marija Assunta fl-Imqabba hi mibnija flok ż-żewġ knejjes zgħar ta' Santa Marija u tal-Viżitazzjoni. Din bdiet timbena wara l-viżta pastorali tal-Isqof Balaguer tas-sena 1663. Kien hu li ħajjar lill-kleru u lil poplu ta' dan ir-raħal biex jidħlu għal dan il-proġett. Fl-10 ta' Mejju tas-sena 1693, l-Isqof Cocco Palmieri żar dan ir-raħal u osserva li l-Knisja kellha diġà lesti l-kor, l-kappelluni u l-koppla, iżda l-korsija ma kienetx għadha lesta għal kollox. Il-Knisja kienet lesta minn kollox fit-28 ta' Ġunju tas-sena 1699. Din il-Knisja għandha forma ta' salib latin u hi magħmula minn kor, żewġ kappelluni u korsija.
Barra l-artal maġġur għandha disa` artali. Il-koppla reġgħet inbniet wara li dik oriġinali kienet spiċċat bil-gwerra kemm hu hekk fil-friż tidher is-sena 1960, meta l-proġett tar-restawr tal-gwerra ġie fit-tmiem tiegħu.

It-twaqqif tal-Parroċċa tal-Imqabba kellu bidu kurjuż u oriġinali ħafna għaliex meta fl-1575 Monsinjur Pietro Duzina żar dan ir-raħal, in-nies għamlulu talba biex ir-raħal tagħhom isir Parroċċa. Fl-1592 l-Isqof Tumas Gargallo ħa deċiżjoni billi għaqqad flimkien l-irħula ta' Ħal Kirkop, Ħal Safi u l-Imqabba f`Parroċċa waħda bil-Knisja ta' San Ġakbu bħala l-Knisja Parrokkjali. In-nies ta dawn it-tliet irħula xejn m'għoġbithom din id-deċiżjoni u għalhekk għamlu protest quddiem il-Qorti tal-Isqof. F'Novembru tas-sena 1598 l-Isqof Tumas Gargallo għażel l-Imqabba bħala Parroċċa għaliha ddedikata lil Marija Assunta u għażel lil Dun Ġwann Mizzi bħala l-ewwel Kappillan tal-Imqabba.

L-ewwel ħjiel dwar il-Knejjes tal-Imqabba insibuh fir-Rapport tal-Vista tal-Viżitatur Appostoliku Monsinjur Pietro Duzina li żar dan ir-raħal fit-8 ta' Frar 1575. F'dawk iż-żminijiet l-Imqabba kienet tagħmel parti mill-Parroċċa ta' Bir Miftuħ. Hawnhekk sab tmien Knejjes li kienu ta' San Bażilju, ta' San Mikiel, ta' Santa Katerina, ta' San Pietru, tal-Lunzjata, tal-Viżitazzjoni u tnejn ta' Santa Marija. L-ewwel li żar kienet il-Knisja ta' San Bażilju li mid-dehra kienet l-ikbar waħda. Kellha l-artal, bibien tal-injam, paviment u qassis biex jieħu ħsiebha. Fuq l-artal kellha pittura żgħira fuq l-injam. Fil-Ħdud u l-Festi kienet issir quddiesa f`din il-Knisja u l-Isqof ordna biex fuq l-artali laterali ma jiġi ċċelebrat l-ebda quddies.

Monsinjur Duzina żar ukoll il-Knisja ta' San Mikiel li kienet tmiss magħha. Din ukoll kellha dak kollu li kien meħtieġ għall-kult imqaddes. Luqa Zammit kien ħalla legat biex il-Festa tal-qaddis tiġi ċċelebrata bil-għasar u bil-quddiesa kantata u wkoll biex jinxtegħel il-lampier. Meta imbagħad żar il-Knisja ta' Santa Katerina sab ukoll li din kienet miżmuma tajjeb imżejna b'artal u pittura fuq l-injam, fuq dan l-artal. Mariann Haius kien ħalla legat biex tiġi ċċelebrata l-festa f'din il-Knisja u din kienet ssir bil-kant tal-Għasar u bil-quddiesa u kien jinxtegħel il-lampier.

Miżmuma tajjeb kienet ukoll il-Knisja ta' San Pietru. Din ukoll kellha pittura fuq l-injam imqiegħda fuq l-artal tagħha u kellha l-paviment u l-bibien tal-injam. Wara, hu għadda għal Knisja tal-Lunzjata li din ukoll kienet fi stat tajjeb ħafna. Pawlu Farruġia, iben Ġakbu li kellu dar f`dan ir-raħal kien ħaseb għaċ-ċelebrazzjoni tal-Festa tal-Lunzjata li din kienet issir bil-kant tal-vespri u tal-quddiesa kantata. Kull nhar ta' Sibt kien ukoll jinxtegħel il-lampier ta' din il-Knisja.

Tmiss ma’ din il-Knisja Monsinjur Duzina sab il-Knisja ta` Santa Marija. Din ukoll kienet miżmuma tajjeb u l-festa kienet tiġi ċċelebrata bil-għasar u bil-quddiesa kantata. Fl-Imqabba kien hemm Knisja oħra ta` Santa Marija li din kellha l-bibien tal-injam, pittura fuq l-injam, paviment u rettur.

Sebastianus Haius kien ħalla biċċa art għaċ-ċelebrazzjoni tal-festa u biex jinxtegħel il-lampier fil-jiem tal-festa. Skond dan ir-rapport dawn il-knejjes kienu kollha miżmuma tajjeb iżda meta Monsinjur Duzina żar il-Knisja tal-Viżitazzjoni tal-Madonna hu sabha fi stat ħażin ħafna bla dħul u bla rettur u għalhekk ipprofanaha u minflokha ordna li jitwaqqaf salib tal-ġebel. In-nies ta` l-Imqabba ħadu l-okkażjoni ta` din il-vista u talbu lil Monsinjur Duzina, li minħabba l-bogħod li kellhom biex imorru l-Knisja Parrokkjali ta` Bir Miftuħ huwa għandu jwaqqaf ir-raħal bħala Parroċċa.

Il-vista tal-Isqof Molina li żar din il-Parroċċa fl-1680 titfa` aktar dawl fuq il-Parroċċa tal-Imqabba. Jibda biex jgħid kif fl-1598 l-Imqabba saret Parroċċa mill-Isqof Tumas Gargallu u li din ħadet il-limiti tagħha mill-Parroċċi ta` Bir Miftuħ u ta` Ħal Kirkop. Hawnhekk l-Isqof Molina jikkwota l-vista ta` l-Isqof Baldassare Cagliares (1615) li dan kien irraporta li Pasquale Zammit fl-atti tan-nutar Bernardo Zammit tal-15 ta` Novembru, 1609, waqqaf f`din il-knisja artal f`gieħ Marija Assunta. Meta tkellem dwar l-artal tal-Madonna tar-Rużarju qal li ma’ dan l-artal kienet marbuta l-fratellanza. Dwar l-artal tal-Kunċizzjoni qal li dan kien twaqqaf minn Bartilmew Manġion li kien ħalla fondazzjoni ta` sitt tari skond kif jidher fl-atti tal-Qorti tal-Kurja Arċiveskovili tal-Belt.

L-Artal tal-Lunzjata kellu wkoll marbuta miegħu dar u ġnien żgħir imħalli minn Dun Marjan Briffa. L-Artal tal-Viżitazzjoni kien ukoll imħares permezz ta` dota imħallija minn Leonardo Cassar u Pasquale Aquilina għaċ-ċelebrazzjoni tal-Festa tal-Viżitazzjoni bl-ottava b`kollox.

Dwar l-Artal tal-Ispirtu s-Santu l-Isqof Molina qal, li l-Festa ta` Pentecoste tiġi ċċelebrata kull sena fuq dan l-artal. Din il-fondazzjoni kienet twaqqfet minn Dun Gorg Brancato. Skond din il-vista jidher li sa mis-seklu sittax ma’ din il-Knisja ta` Santa Marija kien hemm marbuta legati għaċ-ċelebrazzjoni ta` quddies u kant tal-Għasar f`festi differenti u kif ukoll dwar il-mixgħela tal-lampieri f`festi differenti tal-Knisja li kienet għada kif inbniet.

Fost l-ismijiet li jsemmi l-Isqof Molina, nsibu dak ta` Michael Zammit li dan kien ħalla fondazzjoni għaċ-ċelebrazzjoni ta` seba’ quddiesiet f`Jum Santa Marija u wkoll għall-Kant tal-Għasar u għaċ-ċelebrazzjoni tal-Vigiglia tal-Festa ta` Santa Marija. L-Isqof Molina żar ukoll il-Knisja l-oħra ta` Santa Marija. Hawnhekk l-Isqof ikkummenta li din kienet miżmuma tajjeb ħafna mill-prokuratur tagħha u l-festa kienet tiġi ċċelebrata bil-kant tal-Għasar u bil-quddiesa kantata, u bit-tqassim tal-ħobż. Din il-festa kienet issir bi spejjeż il-Kjeriku Giovanni Agius mill-Imqabba li kien ħalla legat u li llum ibnu Dun Frangisk Agius qed jieħu ħsiebu flimkien ma’ ħuħ Rokku u ommu Marija. F`din il-Knisja kienu wkoll jiġu ċċelebrati sitt quddisiet f`sitt festi prinċipali tal-Madonna li l-fondazzjoni għalihom kienet tħalliet mill-aħwa qassisin Dun Frangisk u Dun Rokku Agius.

Dwar il-Knisja ta` Santa Katerina l-Isqof Molina jgħid li din kienet immexxija minn prokuratur u kellha dak kollu li kien metieġ għall-artali u għaċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa. Dwar il-festa tal-qaddisa din kienet tiġi ċċelebrata bil-quddiesa kantata u bil-kant tal-għasar. Il-lampier kien ukoll jinxtegħel b`mod regolari. Fondazzjoni oħra li kellha din il-Knisja kienet marbuta maċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa kull l-ewwel Tnejn tax-xahar.

Dwar il-Knisja ta` San Pietru Appostlu, l-Isqof Molina jgħid li din hi żgħira iżda kellha dak kollu li kien meħtieġ għas-Servizz Reliġjuż u wkoll għal mixgħela tal-lampier. Il-festa wkoll kienet tiġi ċċelebrata bil-kant tal-għasar u bil-quddiesa kantata skond kif jidher fl-atti tan-Nutar Pietru Zammit tat-8 ta` Ġunju 1600 imħallija minn Bartilmew Azzopardi mill-Imqabba.

Dwar il-Knisja ta` San Bazilju, l-Isqof Molina qal li din il-Knisja kienet il-prinċipali ta` dan ir-raħal u minn dejjem kienet għal qalb in-nies tar-raħal u għalhekk kellha dak kollu li kien meħtieġ. Kull ġimgħa f`din il-Knisja kienet tiġi ċċelebrata quddiesa imħallija minn Dun Gwann Pawl Agius skond kif jidher fl-atti tan-nutar Marjan Briffa tad-9 ta` Marzu 1641. Għal dan il-għan Dun Gwann Pawl kien ħalla biċċa art f`Wied ix-Xewk li jinsab fl-inħawi tal-Maqluba, l-Qrendi.

Fl-14 ta` Ġunju ta` kull sena f`din il-quddiesa kienet tiġi ċċelebrata quddiesa kantata. L-istess kien isir fil-festa taċ-Ċirkunċizzjoni ta` Sidna Ġesù Kristu. F`din il-festa kienet issir purċissjoni għal din il-knisja u wara kienet issir quddiesa b`sufraġju ta` dawk il-mejtin li kienu midfuna f`din il-Knisja. Meta żar il-Knisja ta` San Mikiel l-Isqof Molina osserva li din tinfed ma` l-oħra ta` San Bazilju. Bil-propjetà li kellha magħha kienu jitħallsu l-ispejjeż tal-Festa ta` San Mikiel. F`din il-festa kien jitqassam l-ikel lill-foqra tal-Imqabba u jsir pranzu għall-kappillan. Barra dan, il-lampier ta` din il-Knisja kien jinxtegħel kull nhar ta` Sibt u lejlet il-festi tal-preċett. Il-Knisja kellha wkoll biċċa art magħrufa bħala ta` "Zibeigige". Din kienet ġiet mogħtija lil Domenico Farrugia. Din il-biċċa art kienet fit-Triq ta` Menja fl-Imqabba u għaliha, dan Farrugia kien iħallas tliet skudi u tliet tari fis-sena. Din l-art ilha f`idejh sa` mis-sena 1615. Permess tad-dħul ta` din il-biċċa art kienet issir quddiesa nhar il-Festa ta` San Mikiel u oħra fil-Festa ta` San Ġirolmu. F`din il-festa kien jingħata tari lil foqra u żewġ tari lil Kappillan tal-Imqabba. L-Isqof Molina temm dan ir-rapport billi qal li fl-Imqabba kienu jgħixu 500 ruħ li 300 minnhom kellhom id-dmir li jwettqu t-Tqarbina tal-Għid il-Kbir. Dawn kienu jgħixu f`mitt dar. Barra dawn kienu jgħixu 13-il ekkleżjastiku u 3 kjeriċi.

Deskrizzjoni oħra interessanti ta` din il-Knisja Parrokkjali ħalliha l-Isqof ta` Malta Monsinjur Paolo Alpheran de Bussan meta żar din il-Knisja fis-26 ta` Settembru, 1745. L-isqof ġie milqugħ mill-Kappillan Dun Guzepp Pawl Zammit u membri oħra tal-kleru tar-raħal u baqa` sejjer fid-dar ta` Giovanni Schembri. Il-qniepen tar-raħal daqqew mota ta` ferħ, biex jistiednu lil fidili jinġabru fil-Knisja ta` Santa Marija. Akkumpanjat mil-kleru, l-Isqof baqa` tiela fuq il-presbiterju, tkantat l-antifona ta` Santa Marija, u wara l-Kappillan u l-kleru resqu lejn l-Isqof u taw l-ubbidjenza tagħhom billi telgħu jbusu id l-Isqof wara li dawn ġew imsejħa mil-kanċillier. Wara li spiċċa dan l-att, tkantat it-Terza u l-Kappillan Zammit iċċelebra l-quddiesa Parrokkjali li fiha l-Kappillan tal-Qrendi Dun Gakbu Berti għamel l-omelija ta` din l-okkażżjoni. Dan il-kappillan flimkien mal-kappillan tal-Gudja, Dun Pawl Balzan mexxew tmint ijiem priedki bħala missjoni ta` tħejjija għan-nies tar-raħal qabel din iż-żjara pastorali. Wara, l-kanċillier Dun Dumink Falzon, qara bil-Malti d-digriet tal-vista. Wara li ntemmet il-quddiesa u tkantat il-Libera f`suffraġju tal-erwieħ mejtin, l-Isqof beda jara l-ħwejjeġ marbuta mal-kult imqaddes u beda bit-tabernaklu. Fih kien hemm żewġ pissidiejiet wieħed kien tal-fidda, iżda l-għatu tiegħu kien indurat. Iż-żgħir kien jintuża għat-tqarbin tal-morda u kien ukoll tal-fidda iżda l-għatu kien indurat. It-tabernaklu kellu kuperċ tal-injam indurat. Hu ra wkoll l-ostensorju (fejn jinżammu l-ostji) ġdid li kien jintuża għall-espożizzjoni tal-Ewkaristija. Dan kellu diżinn elaborat u kien tal-fidda. It-tabernaklu minn ġewwa kien miksi bil-ħarir aħmar, u ż-żewġ pissidijiet kienu mqiegħda fuq korporal abjad. Hawnhekk l-Isqof ikkummenta fuq iċ-ċavetta tal-istess tabernaklu li din kienet tal-fidda u miżmuma mill-Kappillan. Għall-osservazzjoni li għamel l-Isqof dwar it-tqarbin il-Kappillan wieġeb li hu jimxi skond ir-rubriki tal-Knisja u tal-Pontifikal ta` Ruma u wara l-Isqof qarben numru ta` fidili.

L-Isqof imbagħad għadda biex jara l-Battisteru li kien ħdejn il-bieb maġġur. Il-kuperċ tiegħu kien tal-injam u minn ġewwa kien miksi bil-ħarir abjad u fih kien hemm xbiegħa ta` San Gwann il-Battista jgħammed lil Kristu. Il-friskatur kien tal-fidda u miegħu kien hemm bieqja bil-melħ u kuċċarun.

L-Isqof Alpheran għadda mbagħad biex jinvista l-artal maġġur li kien jinsab taħt il-koppla l-kbira. Hu kien mgħolli fuq tliet tarġiet u kien imżejjen b`żewġ skanelli indurati. It-tabernaklu kien fin-nofs tat-tieni skanell u fuq l-artal kien hemm ukoll it-tuzell magħmul minn damask aħmar. Fuq l-ewwel skanell kien hemm ukoll il-gandlieri u quddiem l-artal kien mixgħul il-lampier. L-Isqof imbagħad tkellem dwar il-festa titulari ta` Santa Marija li din kienet tiġi ċċelebrata kull sena fil-15 ta` Awissu u bil-kant tal-ewwel u t-tieni Għasar. Nhar il-festa imbagħad kienet tiġi ċċelebrata quddiesa soleni u ssir ukoll purċissjoni bix-xbieha tal-Madonna. F`dan ir-rapport, insibu hawnhekk lista ta` quddies imħalli biex jitqaddsu fi ġranet differenti ta` matul is-sena. Fost dawn insibu in-Novena tal-Milied li din ġiet imħallija minn Angelina Spiteri fl-atti tan-Nutar Andrea Madiona tas-17, ta` April 1668. Hu jsemmi wkoll il-fratellanza tas-Santissimu Sagrament li kellha rabta speċjali ma` dan l-artal. Din kull sena kienet tiċċelebra l-Festa ta` Corpus Domini bil-kant ta` l-ewwel u t-tieni għasar, b`quddiesa u b`purċissjoni madwar ir-raħal.

Din il-fratellanza kienet ukoll tiċċelebra kull sena żewġ anniversarji għall-membri mejtin tagħha. Dawn kienu jsiru f`Mejju u f`Settembru. L-Isqof imbagħad ra l-artal tal-kor. Dan kien imgħolli fuq żewġ tarġiet u kien imdawwar bi prospettiva sabiħa imżejna b`erba` kolonni. Il-pittura tal-kwadru titulari kienet tirrappreżenta lil Marija Assunta u din kienet imdawwra bi gwarniċ indurat. Fuqha fil-għoli kien hemm pittura oħra li din kienet tirrappreżenta lis-Santissima Trinità. Quddiem dan l-artal kien ukoll mixgħul il-lampier li dan kien jinxtegħel is-Sibtijiet, il-Ħdud u fil-Festi tal-Preċett. L-ispejjeż kienet toħroġhom il-Veneranda Lampade. L-Isqof wara żar l-artali laterali ta` din il-Knisja.

Din il-vista mbagħad tkompliet l-għada 27 ta` Settembru, meta l-Isqof żar is-Sagristija. Hawn l-Isqof osserva li din kienet kollha imdawwra bil-kaxxirizzi li fihom kienu jintrefgħu bosta ħwejjeġ sagri. F`dan ir-rapport naqraw li ma` din is-sagristija kien hemm ukoll oratorju li kien iservi bħala post ta` tħejjija u ta` radd il-ħajr qabel u wara l-quddiesa. L-Isqof osserva li f`dan l-oratorju kienu imdendla bosta kwadri bit-talb meħtieġ għal dan il-għan. L-Isqof imbagħad ra l-paramenti sagri li kienu jintużaw għaċ-ċelebrazzjonijiet Liturġiċi. Wara l-Isqof ra l-kotba miżmuma dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-quddies. Jgħid li dawn huma miżmuma b`mod tassew dettaljat. Hawnhekk l-Isqof semma b`mod partikulari seba` quddisiet li kienu jiġu ċċelebrati kull sena fuq l-artal ta` l-Ispirtu s-Santu skond benefizzju imħalli minn Dun Fortunat De Brincat. Fil-preżenza tal-puntatur u tal-Kappillan, hu ra wkoll is-servjenti tal-Knisja u tal-kor u ra wkoll il-post fejn kienu jintrefgħu l-ostji, l-inbid u l-missalli li kienu jintużaw fis-sagrifiċċju tal-quddiesa. Wara li l-Isqof Alpheran temm jara dawn il-ħwejjeġ hu beda jdur il-knejjes filjali tal-Parroċċa ta` l-Imqabba.

Fl-20 ta` Mejju 1774, l-Isqof Giovanni Pellerano kkonsagra solennement din il-Knisja Parrokkjali. Din il-ġrajja hija mfakkra permezz ta` rħama li tinsab bejn il-pilastri maġġuri.

Mad-dawra tal-Knisja, din il-ġrajja hija wkoll imfakkra permezz ta` tnax-il salib tal-irħam u wkoll permezz ta` kwadru li jinsab fis-sagristija. Dan jirrappreżenta lil Dun Karlu Zammit li kien ħallas l-ispejjeż ta` din il-funzjoni u li wkoll waqqaf fundazzjoni biex it-tifkira ta` din il-funzjoni tiġi kull sena ċċelebrata f`din il-Knisja Parrokkjali.

Is-Salib mibni ħdejn il-Knisja Parrokkjali qiegħed ifakkar lil Dun Angelo Mallia li kien Kappillan ta` dan ir-raħal bejn il-1667 u l-1690. Kien kappillan li ħadem ħafna għall-bini ta` din il-Knisja u għalhekk kien maħbub ħafna. Miet f`daqqa f`dan il-post nhar is-26 ta` Jannar 1690 waqt li kien qiegħed jitkellem ma` xi nies.

Il-bini tal-koppla u tal-kampnar ta` din il-Knisja hemm bejniethom tliet mitt sena. Il-koppla inbniet wara l-istraġi tal-aħħar gwerra dinjija skond il-pjanta ta` Andrea Vassallo filwaqt li l-kampnar għadu oriġinali mibni fis-seklu sbatax. Fil-kampnar hemm seba` qniepen u arloġġ. Dan kien tqiegħed f`dan il-kampnar fl-1758 u hu xogħol l-arluġġar Antonio Tanti iżda kien ġie mġedded għal kollox minn Mikelang Sapiano li kien mill-Imqabba stess.

Il-Knisja Parrokkjali ta` l-Imqabba għandha forma ta` Salib Latin u nbniet bl-imħabba u d-dedikazzjoni tan-nies u l-kleru tar-raħal immexxija mill-Kappillan Dun Anglu Mallia. Il-bennejja kienu Marju u ibnu Ganni Briffa mill-istess raħal taħt id-direzzjoni ta` Giovanni Barbara.

Din il-knisja għandha tmien artali, imqassmin erba` fil-korsija, ddedikati lil Ispirtu s-Santu, lil Sant Antnin, lil San Pawl u lil Viżitazzjoni u erba` fil-kappelluni, ddedikati lill-Kurċifiss, lill-Kunċizzjoni, lill-Madonna tar-Rużarju u lill-Inkoronazzjoni tal-Madonna. Il-koppla li naraw llum inbniet flok il-koppla oriġinali li kienet inqerdet bil-gwerra. Din kienet inbniet mill-imgħallem Baskal Xuereb mill-istess raħal taħt id-direzzjoni tal-Perit Andrea Micallef.

Il-kwadru titulari ta` din il-Knisja tpitter mill-pittur Filippo Venuti, pittur Taljan li għamel bosta xogħlijiet f`Malta. Dan il-kwadru li hu fost l-aħjar xogħlijiet tiegħu, sar bi spejjeż Dun Salv Schembri u tbierek mill-Kappillan Dun Kalcidon Schembri fis-17 ta` Diċembru 1896.

L-Artal tal-Madonna tar-Rużarju hu qadim ħafna f`din il-Knisja. Skond il-vista pastorali tal-Isqof Gargallo (1588-1602) il-fratellanza tal-Madonna tar-Rużarju twaqqfet f`din il-Parroċċa fid-29 ta` Frar 1596 iżda għal xi raġuni il-ġeneral tad-Dumnikani kien ħareġ digriet ieħor fid-9 ta` Awissu 1628, iżda mill-1596 sal-1628 il-fratellanza baqgħet attiva f`din il-Parroċċa. Din hi deskrizzjoni tajba ta` dan l-artal tal-Isqof Alpheran de Bussan li żar din il-Knisja fl-1745. Hu beda biex qal li dan l-artal kien komplut b`kollox u fuq kellu kwadru mpitter u li kien imdawwar bi gwarniċa indurata. Dan kien jinsab bejn erba` kolonni tal-ġebel. Il-kwadru kien maqsum f`żewġ taqsimiet. Fil-parti ta` fuq kienet impittra l-Madonna bil-Bambin flimkien ma` San Duminku li dan kien jidher għarkobbtejh u miegħu kellu lil Santa Katerina minn Siena, lil Santa Roza minn Lima u lil Profeta David. Fid-dawra ta` fuq ta` dan il-kwadru kienu mpittra l-ħmistax-il misteru tar-Rużarju filwaqt li fuqnett, bħala parti mill-prospettiva, kien hemm pittura ovali tal-Missier Etern. Quddiem dan l-artal kien mixgħul il-lampier u b`għożża kbira fuq dan l-artal kien meqjum kwadru tal-Madonna tad-Dawl. Din ix-xbieha, li tant kienet devota, kienet imdawra bi gwarniċ indurat. Il-festa tagħha kienet issir bil-vespri u bil-quddiesa kantata fil-festa tal-Patroċinju tal-Madonna. Il-festa tal-Madonna tar-Rużarju kienet tiġi ċċelebrata bil-kant tal-ewwel u t-tieni għasar, bil-quddiesa kantata u bil-purċissjoni fl-ewwel Ħadd t`Ottubru u fl-ewwel Ħadd ta` Mejju u l-prokuratur tal-fratellanza kien jieħu ħsieb dawn il-festi. Il-fratelli bil-konfratija bajda, kienu jieħdu sehem f`dawn iċ-ċelebrazzjonijiet. Barra dan kienu jiltaqgħu kull l-ewwel Ħadd tax-xahar għall-quddiesa u darba f`sena kienu jikkonċelebraw quddiesa għall-erwieħ mejtin tal-fratellanza. Wara dan l-Isqof Alpheran jagħti lista ta' obligi ta` quddies li kienu jiġu ċċelebrati fuq dan l-artal. Fost dawn kull nhar ta` Sibt quddiem l-artal kienet titkanta l-litanija tal-Madonna. Il-Kwadru tal-Madonna tar-Rużarju li nsibu llum fuq dan l-artal huwa xogħol il-Pittur Malti Guzeppi Cali.

Fl-1686 fil-Parroċċa tal-Imqabba twaqqfet is-Sodalità tal-Agunija li l-imseħbin tagħha bdew jaqdu d-dmirijiet tagħhom fuq l-Artal tal-Lunzjata. Din is-Sodalità tant kibret li maż-żmien dan l-artal sar tagħha u ġie ddedikat lil Ġesù Kurċifiss. Dan kien sar qabel l-1745 għaliex meta f`dik is-sena l-Isqof Alpheran żar din il-Knisja dan l-artal kien diġa ddedikat lil Kurċifiss iżda b`tifkira tal-Lunzjata, li lilha kien iddedikat dan l-artal, fil-prospettiva ġie ingastat kwadru żgħir.

L-Isqof Alpheran qal li l-Pittura tal-Kurċifiss kienet imdawwra bi gwarniċa tal-ġebel u fuq kull naħa tagħha kien hemm żewġ kolonni tal-ġebel. Fuq dan l-artal kienu jiġu ċċelebrati żewġ festi, waħda fit-3 ta` Mejju u oħra fl-14 ta` Settembru. L-Isqof tkellem ukoll dwar is-sodalità tal-Agunija u qal li meta wieħed mill-imseħbin ikun qiegħed imut, jiġi sponut Ġesù Sagrament, u jsir it-talb. Is-Sodalità kellha imbagħad id-dmir li meta imsieħeb imut, tiċċelebra quddiesa għal ruħu. Barra dan, kull nhar ta` Ġimgħa is-Sodalità kienet tiċċelebra quddiesa b`suffraġju tal-mejtin kollha tagħha.

Pittura li tirrappreżenta lil Ġesù Kurċifiss saret wara l-ħerba tal-gwerra mill-pittur Emvin Cremona wara li l-pittura oriġinali kienet inqerdet meta l-bombi tal-għadu ġarrfu din il-parti tal-Knisja.

Il-Kwadru ta` Marija Annunzjata ingastat fil-prospettiva tal-Kurċifiss qiegħed ifakkar il-Knisja tal-Lunzjata li kienet teżisti f`dan ir-raħal fl-1575. Meta din ġiet maħtuta l-artal tal-kappellun tal-lemin ġie ddedikat lil Marija Annunzjata b`tifkira ta` din il-Knisja. Fl-aħħar snin tas-seklu sbatax it-titular ta` dan l-artal inbidel meta ġie ddedikat Ġesù Kurċifiss iżda l-Festa tal-Lunzjata baqgħet tiġi ddedikata fuq dan l-artal. Fil-prospettiva sar kwadru żgħir li dan kien inqered fl-aħħar gwerra dinjija iżda wara li din spiċċat, Rafel Bonnici Cali pitter dan il-kwadru li naraw illum.

L-Artal tal-Kunċizzjoni jaf il-bidu f`din il-Knisja lil Mattew Magro. Dan ikkonfermah l-Isqof Cagliares fil-vista pastorali tiegħu tal-1615. Maż-żmien din id-devozzjoni tant kienet kbira li meta inbniet il-Knisja l-ġdida wieħed mill-artali tagħha ġie ddedikat lill-Kunċizzjoni u fuqu saret pittura ġdida li fih ġiet ukoll imdaħħla x-xbieha ta` Sant Anna. Dan ikkonfermah l-Isqof Cocco Palmieri fil-viżta pastorali tiegħu tal-1685-87. Maż-żmien tant kibret din id-devozzjoni li fid-29 ta` Jannar 1772, l-Isqof Pellerano ta l-approvazzjoni tiegħu biex ma’ dan l-artal titwaqqaf sodalita` f`gieħ Marija Immakulata. L-Isqof Alpheran de Bussan li żar din il-Knisja fl-1745, irraporta li fuq dan l-artal kienet tiġi ċċelebrata l-festa fit-8 ta` Diċembru. Ma` dan l-artal kienet ukoll marbuta d-devozzjoni lejn l-erwieħ tal-Purgatorju. Bħala prokuratur, Maurizio Zahra kien jieħu ħsieb jiġbor l-elemożina għall-quddies li mbagħad kien isir b`suffraġju tal-erwieħ tal-Purgatorju. Skond l-istess Isqof Alpheran fuq dan l-artal kienet meqjuma niċċa tal-injam indurata u magħluqa bil-ħġieġ, li fiha kien hemm xbieha ta` Ġesù Bambin. Kienet xbieha meqjuma u għalhekk mad-dawra tagħha kien hemm bosta għotjiet mogħtija mid-devoti.

Il-Kwadru tal-Kunċizzjoni tpitter mill-pittur Sqalli Cleto Luzzi. Dan sar wara l-aħħar gwerra dinjija bi spejjeż Salvu Facciol wara li l-kwadru oriġinali kien ġarrab xi ħsarat. F`dan il-kwadru l-pittur Cleto Luzzi uża lil bintu Serenella biex tippużalu bħala wiċċ il-Madonna.

Skond il-vista pastorali tal-Isqof Davide Cocco Palmieri (1693) l-Artal tal-Inkoronazzjoni tal-Madonna kien twaqqaf f`din il-knisja minn Dun Angelo Zammit. Fl-1686 iżda, dan il-kwadru kien diġà mdendel f`din il-Knisja u dan ikkonfermah l-istess Isqof Cocco Palmieri fil-vista tiegħu tal-1685-87. Il-vista tal-Isqof Alpheran de Bussan (1745) tagħti aktar dettalji dwar dan l-artal. L-Isqof irrapporta kif dan il-kwadru kien imdawwar bi gwarniċa tal-ġebel indurat u fih kien hemm ukoll impittra l-erwieħ tal-Purgatorju. Barra dan il-kwadru fuq dan l-artal, kienet ukoll meqjuma xbieha tal-Madonna tal-Karmnu flimkien ma` Santu Rokku. Il-lampier kien ukoll mixgħul quddiem dan l-artal. Il-festa fuq dan l-artal kienet tiġi ċċelebrata fil-15 ta` Awissu bil-vespri u b`quddiesa letta imbagħad fid-19 ta` Marzu kienet tiġi ċċelebrata bl-istess mod il-Festa ta` San Gużepp. Maċ-ċelebrazzjoni ta` din il-festa kien marbut legat imħalli minn Ġwann Andrea Zammit skond kif jidher fl-Atti tan-nutar G. Domenico Gatt tas-06 ta` April 1676. Barra dan kull nhar ta` Sibt fuq dan l-artal kienet tiġi ċċelebrata quddiesa b`legat imħalli minn Paskal Spiteri. Insibu wkoll kwadru ta` awtur mhux magħruf u li jirrappreżenta l-Inkoronazzjoni tal-Madonna flimkien ma` San Ġużepp, Santa Katerina Verġni u Martri u l-erwieħ imqaddsa tal-Purgatorju.

Il-kwadru magħruf tal-Pentecoste ġie mpitter minn xi ħadd mhux magħruf. Xi wħud jattribwixxu dan il-kwadru lil Stefano Erardi. F`din il-Knisja dejjem kienet meqjuma xbieha tal-Pentecoste. Tant kemm hu hekk fis-Sagristija għadu meqjum kwadru qadim. Skond il-kitba li fih dan sar fl-1637 bħala wegħda.

Fost l-iskultura li isebbaħ dan l-artal insibu l-arma li tista` tkun tal-kunjom Brancati billi t-tabib Gregorio Brancati kien waqqaf dan l-artal fl-1732.

F`din il-Knisja nsibu wkoll Artal iddedikat lil Ispirtu s-Santu. Fl-1745 l-Isqof Alpheran ħalla bosta tagħrif dwaru fil-viżta pastorali li kien għamel. L-ewwel osservazzjoni li kien għamel kien dwar il-kwadru li dan kien jirrappreżenta l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq il-Madonna u d-dixxipli. Mad-dawra ta` dan il-kwadru kien hemm gwarniċa tal-ġebel li kienet indurata u fuq kull naħa kien hemm kolonna tal-ġebel. Dan l-artal kien twaqqaf bi spejjeż it-tabib Gregorio Brancati fl-1732. Dan l-artal iżda ma kellux dak kollu meħtieġ għas-servizz tiegħu u għalhekk l-Isqof Alpheran talab lil Dun Fortunat de Brincat, li kellu il-benefizzju ta` dan l-artal biex jipprovdi dak kollu li kien meħtieġ u li kien nieqes. L-Isqof Alpheran qal ukoll f`din il-vista li l-qassis Dun Valerio Brancati fis-26 ta` Marzu 1668 ħalla obbligu marbut ma` dan l-artal ma’ art li tinsab fl-inħawi ta` Xagħri Mqalleb fir-Rabat, Għawdex. Fuq dan l-artal kien ukoll imwaqqaf ġuspatronat lajkali li dan kien jikkonsisti f`żewġ biċċiet art imħallija minn Marija Magro fl-atti tan-Nutar Beneditt Vassallu tas-26 ta` Settembru 1680. Dan il-legat kien marbut maċ-ċelebrazzjonijiet ta` seba` quddisiet letti li dawn kienu jsiru fi żmien l-Għid u fil-Festa tal-Pentecoste.

Għalkemm il-kwadru ta` fuq dan l-artal jidhru fuqu l-effetti taż-żmien, jidher li hu kwadru magħmul fis-seklu tmintax u l-awtur tiegħu jersaq ħafna lejn ix-xogħol ta` l-awtur Malti Giannikol Buhagiar.

B`tifkira tal-benefatturi ta` dan l-artal, fil-prospettiva tiegħu, wieħed jista` jara l-arma ta` Marija u Antonia Agius.  L-ewwel artal fuq in-naħa tal-lemin tal-korsija ta` din il-Knisja nsibu dan l-artal li hu l-aktar magħruf bħala ta` Sant Antnin, iżda fil-pittura tal-kwadru naraw ukoll fih lill-Madonna bil-Bambin u lil San Gejtanu. Meta fl-1745 l-Isqof Alpheran de Bussan żar din il-Knisja hu sab dan l-artal f`qagħda tajba u l-pittura kienet imdawwra bil-gwarniċa tal-ġebel. L-Isqof qal li kull sena fuq dan l-artal tiíi ċċelebrata l-Festa ta` Sant Antnin ta` Padova bil-kant tal-Vespri u bil-quddiesa kantata. Il-lampier kien ukoll jinxtegħel spiss. L-Isqof isemmi hawn liż-żewġ aħwa Marija u Antonia Agius li ħasbu għaċ-ċelebrazzjoni ta` din il-festa u għal ħtiġijiet oħra ta` dan l-artal.

Il-Kwadru li jirrappreżenta l-konsagrazzjoni ta` San Publiju bħala Isqof minn San Pawl, ġie magħmul minn pittur mhux magħruf. Jidher iżda li sar minn xi pittur Malti fl-ewwel snin tas-seklu tmintax.

L-artal li jirrappreżenta lil San Pawl jgħammed lil San Publiju huwa artal ieħor li nsibu f`din il-Knisja. L-Isqof Alpheran de Bussan li żar din il-Knisja fl-1745, sab dan l-artal fi stat tajjeb ħafna u kellu dak kollu meħtieġ għall-kult liturġiku. Il-pittura ta` fuq dan l-artal kienet imdawwra bi gwarniċa tal-ġebel u b`kolonna fuq in-naħa tagħha. Fuq kien hemm ukoll kwadru li kien jirrappreżenta in-Nawfraġju ta` San Pawl u lampier mixgħul quddiemu. Fuq dan l-artal kienu jiġu ċċelebrati żewġ festi, waħda fil-21 ta` Jannar f`ġieh San Publiju u l-oħra fl-10 ta` Frar f`Jum it-tifkira tan-Nawfraġju ta` San Pawl. Kull sena, fis-26 ta` Awissu, fuq dan l-artal kienet ssir tifkira b`suffraġju ta` Dun Enrico Cuschieri, Kappillan ta` din il-Parroċċa. Din it-tifkira kienet issir b`quddiesa kantata, bil-kant tal-Libera, bit-tberik tal-qabar bid-daqq tal-qniepen u bil-mixgħela ta` erba` xemgħat fuq dan l-artal. Barra dan kien ukoll jiġu ċċelebrati tliet quddiesiet għal ruh Dun Enrico Cuschieri u dawn kienu jsiru waħda fil-Festa ta` San Publiju, oħra fil-konverzjoni ta` San Pawl u oħra fil-Festa tan-Nawfraġju ta` San Pawl. Kien jieħu ħsieb dan l-artal il-prokuratur tal-Veneranda Lampade.

Mad-dawra tal-bieb maġġur ta` din il-Knisja wieħed jista josserva il-pittura magħmula minn Filippo Venuti fl-ewwel snin tas-seklu għoxrin. Din tirrappreżenta t-Trijonf ta` Marija Immakulata u t-tkeċċija ta` Adam u Eva mill-Ġenna tal-Art.

Mhux magħruf l-awtur tal-Kwadru li jirrappreżenta l-Viżitazzjoni iżda jista jkun li hu xogħol ta` xi pittur Malti tal-ewwel snin tas-seklu tmintax.

L-Artal tal-Viżitazzjoni tal-Madonna qiegħed ifakkar Knisja qadima tal-Viżitazzjoni li kienet teżisti f`dawn l-inħawi sa minn qabel is-seklu sittax. Fl-1575 Monsinjur Duzina żar din il-Knisja u sabha fi stat ħażin ħafna u għalhekk kien ipprofanaha. Skond il-viżta Pastorali tal-Isqof Gargallo (1588-1602) sas-sena 1600 din kienet reġgħet infetħet iżda meta ġew biex jibnu l-Knisja l-Ġdida din il-Knisja kellha tiġi maħtuta u b`tifkira twaqqaf dan l-artal. L-Isqof Alpheran de Bussan li żar din il-Knisja fl-1745 ħallielna deskrizzjoni tajba tiegħu. Hu osserva li l-kwadru titulari ta` dan l-artal kien imżejjen b`żewġ kolonni tal-ġebel, waħda fuq kull naħa filwaqt li fuqnett, bħala parti mill-prospettiva kien hemm kwadru tas-Salvatur. Barra dan fuq l-artal imsemmi kien meqjum Kwadru tal-Madonna tal-Karmnu. Il-festa tiegħu kienet tiġi ċċelebrata kull sena bil-kant tal-Għasar u bil-quddiesa kantata u l-prokuratur tal-Veneranda Lampade kien jieħu ħsieb iċ-ċelebrazzjoni ta` din il-festa. Il-festa tal-viżitazzjoni tal-Madonna kienet imbagħad tiġi ċċelebrata kull sena fit-2 ta` Lulju bl-għasar u bil-quddiesa letta.

Fl-1912 l-artali laterali tar-Rużarju, tal-Kunċizzjoni, tal-Inkoronazzjoni tal-Madonna u tal-Kurċifiss ġew solennement ikkonsagrati mill-Isqof Angelo Portelli OP. Għal din l-okkażjoni saret ċerimonja speċjali. Din l-okkażjoni għada mfakkra permezz ta` irħama fl-oratorju tas-Sagristija.

Fl-aħħar gwerra dinjija din il-knisja ġarrbet ħafna ħsara meta fid-9 ta` April 1942, fis-siegħa ta` wara nofs-in-nhar bomba tal-għadu splodiet fuq wieħed mill-pilastri maġġuri ta` taħt il-koppla. B`din l-isplużjoni spiċċat il-koppla u l-kappellun tal-Kurċifiss, l-kor u s-sagristija ġarrbu bosta ħsarat. F`din il-qerda ntilfet il-pittura tal-koppla li kienet xogħol il-pittur Filippo Venuti, l-orgni u l-artal maġġur. Partijiet oħra mill-Knisja ġarrbu ħsarat oħra iżda wara l-gwerra l-ħsarat ġew irranġati bl-ispejjeż tal-War Damage mill-Imgħallem Baskal Xuereb mill-Imqabba taħt it-tmexxija tal-Perit Indri Micallef ta` Ħal Luqa.

L-aħħar gwerra dinjija ħalliet bosta tifkiriet fl-Imqabba. Fost dawn insibu l-koppla Parrokkjali li nbniet mil-ġdid fuq id-diżinn ta` Andrea Vassallo mill-imgħallem Baskal Xuereb. Il-kampnar iżda baqa oriġinali kif kien imbena fis-seklu sbatax. Tifkira oħra tal-istraġi li saret f`din il-Knisja hija irħama. Din qiegħda tfakkar il-jum tat-8 ta` Awissu 1966 meta l-Isqof Emmanuele Galea Vigarju Ġenerali u Isqof ta` Tralles kien ikkonsagra mill-ġdid ħames artali li kienu inqerdu meta ġġarfet din il-Knisja Parrokkjali.

Wara l-ħerba tal-aħħar gwerra dinjija, li fiha kien intilef ukoll l-orgni li kien tad-ditta ta` Pacifico Inzoli, sar orgni ġdid fil-kor ta` din il-Knisja. Dan inħadem mid-ditta Taljana Tamburini ta` Crema u kien iżżanzan fl-1 ta` Mejju, 1949.

Meta fl-1942 inqerdet il-koppla ta` din il-Knisja, inqerdet magħha l-pittura li kien għamel Filippo Venuti fl-1905. F`din l-istraġi kien ukoll intilfu il-lunetti li kien pitter l-istess pittur. Wara l-gwerra A. Micallef Grimaud pitter it-tliet lunetti li kienu nqerdu. Il-lunetta ta` San Luqa, mpittra minn Filippo Venuti kienet l-unika lunetta li ħelset il-qerda tal-gwerra u għalhekk sa llum hija tifkira ta` dik il-pittura li kienet intilfet.

L-istatwa ta` Marija Assunta hija xogħol l-iskultur Żejtuni Alessandro Farrugia. Nhar it-30 ta` Ottubru 1835, dan l-iskultur ftiehem mal-Kappillan Dun Tumas Agius li jagħmel l-istatwa titulari tal-Assunta fuq dik ta` Ħal Għaxaq u dan għas-somma ta` 301 skud. L-iskultur irċieva wkoll l-injam meħtieg minn zokk li kellu jservi għal dan l-iskop. Dan il-ftehim għadu rreġistrat f`kuntratt fl-arkivju tan-nutara l-Belt. L-aħħar pagament ta` 198 skud, marbut ma` din l-istatwa kien sar fl-14 ta` Awissu 1836.  Il-pedestall, għamla ta` qabar magħmul mill-fidda ġie mżanżan fil-Festa ta` Santa Marija tas-sena 1928. Dan, flimkien mal-gastri ta` madwar l-istatwa saru fuq id-diżinn ta` Mastru Abraham Gatt u inħadem mid-ditta ta` Antonio Ghezzi ta` Milan u qam erba` mitt lira.

Il-bradella prezzjuża inħadmet fuq id-diżinn ta` Mastru Abram Gatt u żżanżnet għal-festa ta` Santa Marija tal-1928. Ix-xogħol fin tal-injam li fiha inħadem mill-imgħallem Manwel Buhagiar filwaqt li t-tnax-il figura tal-appostli li jdawruha inħadmu l-Awstrija. Din il-bradella kienet qamet mitejn lira.

L-istatwa tal-Madonna tal-Ġilju magħmula mill-kartapesta fl-1876 minn Mastru Giovanni Darmanin. Din kienet saret bi spejjeż Innocenzo Zammit imlaqqam in-Naxxari. Il-bradella tal-Madonna tal-Ġilju inħadmet fuq id-diżinn ta` Manwel Buhagiar u żżanżnet fis-Sena Marjana jiġifieri fl-1954.

Opra oħra interessanti f`din il-Knisja hija l-Via Sagra. Dawn jidhru li tpittru minn xi Artist Malti tas-seklu 18. Xi wħud minnhom huma kopji ta` stazzjonijiet oħra tal-Via Sagra li jeżistu fi knejjes oħra. Il-gwarniċi sbieħ, skulturati fl-injam jdawwru dawn il-pitturi huma tabilħaqq artistiċi. Meta fid-9 ta` April 1942 din il-knisja ntlaqtet bil-bombi tal-għadu, ħames pitturi ta` din il-Via Sagra kienu spiċċaw għal kollox. Dawn kienu l-ewwel, it-tieni, il-ħames, is-sitta u l-aħħar stazzjon li dawn imbagħad tpittru minn Rafel Bonnici Cali.

L-Artal Maġġur fil-Festa ta` Santa Marija jiġi dekorat bil-gandlieri ta` l-injam kienu ġew skulturati minn Mastru Pawlu Bugeja fis-sena 1882.

Fil-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba insibu żewġ sagristiji, waħda fuq kull naħa tal-artal maġġur. Dik tan-naħa tar-Rużarju hi magħrufa bħala s-Sagristija l-Qadima filwaqt li l-oħra hi magħrufa bħala l-Ġdida billi nbniet fl-ewwel snin tas-seklu għoxrin. F`din is-sagristija wieħed jista` japprezza xogħol sabiħ ta` skultura fil-Ġebla Maltija.

Il-kwadru tal-Viżitazzjoni tal-Madonna li jinsab fis-sagristija l-ġdida qiegħed ifakkar li l-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba hija mibnija fuq art li fl-1575, kienu jeżistu fuqha żewġ knejjes, waħda ta` Santa Marija u oħra tal-Viżitazzjoni tal-Madonna. Dan nafuh mir-rapport tal-viżta pastorali ta` Monsinjur Pietro Duzina li saret f`dik is-sena. Il-Knisja tal-Viżitazzjoni iżda, kienet fi stat ħażin ħafna tant li Monsinjur Duzina ipprofanaha. Mid-dehra iżda wara kienet reġgħet ġiet miftuħa għaliex fl-1600 din kienet qiegħda tiffunzjona. Dan irrapurtah l-Isqof Gargallo fil-viżta pastorali tiegħu tas-snin 1588-1602. Fis-sena 1686 il-Knisja tal-Viżitazzjoni ġiet maħtuta biex bdiet timbena l-Knisja Parrokkjali ta` llum. B`tifkira twaqqaf l-artal tal-Viżitazzjoni fil-korsija.

Bħala parti mis-sagristija l-ġdida (dik li tinsab in-naħa tal-Kurċifiss) insibu oratorju zgħir. F`dan l-oratorju wieħed jista` japprezza prospettiva żgħira ta` stil Barokk bi kwadru ta` Marija Addolorata fiha. Il-prospettiva kif ukoll il-kwadru jidher li huma xogħol Malti tas-seklu tmintax.

Il-Kwadru tal-Madonna tal-Bon Kunsill li llum jinsab fis-Sagristija, għandu warajh ġrajja interessanti. Skond il-viżta pastorali tal-Isqof Giovanni Pellerano (1774-74) Dun Luqa Zammit ta` dan il-kwadru biex jitpoġġa fuq l-artal tal-Inkoronazzjoni tal-Madonna. Kien mill-ewwel għajn ta` devozzjoni kbira tant li fl-istess viżta pastorali l-Isqof ikkummenta li madwar dan il-kwadru kien hemm bosta Ex Voto. Dun Luqa Zammit skond talba li kien għamel fit-30 ta` April 1773 ġie awtoriżżat ikompli d-devozzjonijiet f`ġieh il-Madonna tal-Bon Kunsill kull tieni Ħadd tax-Xahar, iżda fl-istess ħin il-Kurja qaltlu biex il-Festa tal-Madonna tal-Bon Kunsill jibda jiċċelebraha il-Ħadd wara is-17 ta` April u mhux aktar fis-27 ta` April. F`din it-talba tidher li kienet tista ssir ukoll purċissjoni f`ġieh il-Madonna tal-Bon Kunsill fit-toroq tar-raħal.

Il-Kwadru li llum jinsab fis-sagristija l-qadima u li jirrappreżenta lil Madonna tal-Karmnu huwa l-fdal ta` din id-devozzjoni Marjana f`dan ir-raħal. L-ewwel referenza għal qima Karmelitana fl-Imqabba insibuha fir-rapport tal-viżta pastorali tal-Isqof Gori Mancini (1722-23) meta rrapporta li parti mit-Titular tal-Knisja ta` Santa Katerina kien jirrappreżenta lil Madonna tal-Karmnu. Skond l-istess viżta f`dan iż-żmien tpoġġa sotto-kwadru fuq l-artal tal-Inkoronazzjoni tal-Madonna u maż-żmien sar ieħor fuq l-artal tal-Viżitazzjoni. Mid-dehra dan il-kwadru għamel żmien twil fuq dan l-artal għaliex semmih ukoll l-Isqof Alpheran de Bussan fir-rapport tal-Viżita Pastorali tiegħu tas-snin 1728 u 1744 u kif ukoll l-Isqof Vincenzo Labini tas-sena 1781.

Il-Kwadru li kien it-titular tal-artal tal-Kunċizzjoni kien ġarrab bosta ħsarat fl-aħħar gwerra dinjija. Hawnhekk il-Madonna tidher flimkien ma' Sant`Anna. Skond il-viżta pastorali tal-Isqof Cocco Palmieri (1685-87) Paskal Zammit kien ta din il-pittura biex titpoġġa fuq l-artal tal-Kunċizzjoni.

Il-Kwadru tal-Lunzjata li jinsab fis-sagristija l-qadima, huwa xhieda tal-qedem ta` din il-qima Marjana fl-Imqabba. Meta fl-1575 Monsinjur Pietro Duzina żar l-Imqabba hu sab knisja f`gieh Marija Annunzjata li din damet żmien wieqfa wara din il-viżta, kemm hu hekk, skond il-viżta tal-Isqof Cagliares, (1615-16) l-Kanonku Marjan Briffa, u warajh il-werrieta tiegħu, kienu jieħdu ħsieb din il-Knisja. Din, maż-żmien iżda, ġiet maħtuta u artal fil-Parroċċa ġie ddedikat lil Lunzjata b`tifkira ta` din il-knisja.

Il-kwadru li jirrappreżenta l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli jidher li sar bħala radd il-ħajr ta` xi wegħda. Dan wieħed jista` jikkonfermah permezz ta` kitba fir-rokna t`isfel tan-naħa tal-lemin. Tidher ukoll is-sena 1637. Illum dan il-kwadru jifforma parti mill-wirt tal-qedem ta` din il-Parroċċa.

Waħda mill-Qniepen tal-Knisja Parrokkjali ta` l-Imqabba ġiet mogħtija minn Mikiel u Ganna Zammit fl-1931. Barra din il-qanpiena insibu oħrajn magħmula mill-fundaturi Ġakkin Triganza u Ġulju Cauchi. Fl-1965 żdiedet qanpiena oħra mogħtija mill-aħwa Monsinjuri Ganpatist u Anġelo Ghigo.

Il-Knisja tad-Duluri
(Tagħrif minn artiklu tas-Sur Charles Farrugia li deher fil-Mument 6 ta' April 1997)

Triq dejqa u fl-antik imlaqqma taż-żebbuġija twassal diversi viżitaturi li jżuru r-raħal antik tal-Imqabba minn Misraħ il-Knisja għal Pjazza żgħira li hi dominata mill-Bini Muniċipali tal-Kunsill. Din it-triq illum jisimha Triq id-Duluri għaliex f`tarf din il-Pjazza tinsab kappella żgħira dedikata lill-Madonna tad-Duluri. Hi l-unika kappella fl-Imqabba li minkejja l-oriġini bikrija tagħha ħadha tiġbed devozzjoni qawwija minn nies tal-lokal.

Skond ma jgħid Dun Lawrenz Zammit fil-monografu tiegħu dwar l-Imqabba miktub fl-1927 il-Knisja tad-Duluri nbniet qabel l-1500 u kienet imsejħa Santa Marija ta` Fakkania. Jgħid ukoll li fiz-zuntier ta` din il-knisja ndifnu diversi vittmi tal-pesta li bdiet f`Ġunju 1592 u li sal 1593 ħalliet madwar tlett elef vittma ma` Malta kollha. Isemmi wkoll il-Viżta Pastorali tal-Isqof Tomaso Gargallo f`Diċembru 1600. F`din il-Viżta l-Isqof ordna lil Antonio Agius bin Bastjan li kien jippresjedi din il-knisja biex iġedded l-ħitan taċ-ċimiterju tagħha peress li l-ħitan kienu sejjieħ.

L-istess ordni ngħatat minn Baldassar Cagliares fil-viżta tad-9 ta` Dicembru 1615 u din id-darba l-Isqof ta perjodu ta` sitt xhur biex dan ix-xogħol isir.

Nhar l-1 ta` Mejju 1679, l-Isqof Molina żar din il-Knisja u ddeskriviha bħala żgħira u qadima. Hu qabbad lil Don Francisc u Don Roccu Agius li kellhom il-beni ħdejn din il-knisja biex jibnu knisja oħra. Fil-fatt huma mxew max-xewqa tal-Isqof u fl-1680 bnew il-knisja preżenti. Sa dan iż-żmien il-knisja dejjem żammet l-isem tal-Assunta. Fl-istess sena l-kappella hi deskritta minn Molina bħala miżmuma tajjeb u li kellha l-Prokuratur tagħha.

Jidher li l-istat ta` din il-Knisja fl-1814 reġa’ kien wieħed ta` traskuraġni. Minħabba dan l-Isqof Fr Ferdinando Mattei ta din il-kappella bħala Jus Patronatus lil Dr Giovanni Schembri, Assessur fil-Kurja tal-Isqof. Dr Schembri kien il-proprjetarju tal-art li ddawwar il-kappella u ndaħal hu stess biex joħroġ l-ispejjeż ħalli jsiru t-tiswijiet meħtieġa. Kien għalhekk ukoll li hu rabat ir-renta ta` 25 skud li kien hemm fuq l-għalqa Ta` Scamardi ma` din il-Kappella.

Kien Dr Schembri li biddel l-isem tal-kappella għal dak tal-Addolorata u ra li jinbena zuntier madwarha kif ukoll isiru l-balavostri. Fl-istess żmien inżergħu s-siġar taż-żebbuġ kif ukoll sar kampnar żgħir li ġie fornut b`qanpiena żgħira tal-bronż. Dr Schembri ra wkoll li jkun hemm dak kollu meħtieġ bħal gandlieri u l-istazzjonijiet tal-Via Sagra. L-artal kien imżejjen bil-pittura ta` Antonio Grech magħruf bħala 'Naici'.

Żviluppi oħrajn importanti saru meta l-Jus Patronatus għadda f`idejn Marianna bint Dr Schembri. Marianna kienet miżżewġa lil Dr Arcangelo Pullicino u dan tal-aħħar ħadem biex issir il-kripta taħt il-kappella. Fil-fatt kripta li saret fl-1851 saret fuq mudell tal-injam li kien għamel Dr Schembri snin qabel. Kienet ukoll l-intenzjoni ta` Dr. Pullicino li jittrasferixxi l-fdalijiet ta` Dr Schembri mill-Knisja Parrokkjali għall-Kappella tad-Duluri.

Mal-mewt ta` Marianna Schembri, il-Jus Patronatus tal-kappella għadda fuq binha l-Monsinjur Paolo Pullicino (1815-1890), wieħed mill-aqwa edukaturi li qatt rat Malta. Pullicino li twieled fil-15 ta` Awissu 1815, kien appuntat Direttur ta` l-Edukazzjoni Primarja, kariga li żamm sal-1880. Aktar tard hu kien appuntat bħala Professur u Chief Inspector tal-Edukazzjoni Primarja fl-24 ta` Mejju 1850. Monsinjur Pullicino kompla sebbaħ il-Kappella tad-Duluri billi rregala lampier ibbanjat fil-fidda, ostensorju tal-fidda maħdum minn Belli ta` Ruma u tapit. L-istess Monsinjur Pullicino irregala lampier tal-fidda maħsul fid-deheb lill-Knisja Parrokkjali tal-Imqabba. Fil-fatt hu kien ordna dan il-lampier f`Pariġi.

F`Jannar 1876, Dr Antonio Pullicino hu Paolo Pullicino indifen fil-kripta tal-kappella tad-Duluri. Mal-mewt ta` Monsinjur Pullicino fl-1890, il-kappella għaddiet f`idejn neputieh l-Imħallef Giovanni Pullicino u fl-1919 f`idejn l-Imħallef Sir Phillip Pullicino. Sir Phillip ikkummissjona diversi xogħlijiet ta` restawr fil-kappella fosthom il-bdil tal-balavostri li jdawru z-zuntier.

Mal-fundazzjoni tal-kappella fl-1814 kien hemm marbuta diversi piżijiet. Fost dawn kien hemm l-obbligu prinċipali li ssir il-Festa tad-Duluri permezz ta` funzjoni bil-vespri u l-paniġierku f`Settembru kif ukoll quddiesa kantata fil-Festa tad-Duluri waqt ir-Randan. Dawn is-servizzi kellhom jitħallsu miċ-ċens tal-għalqa "Ta` Scamardi". Mis-sena 1982, din ir-renta bdiet titħallas direttament lill-Uffiċċju Parrokkjali tal-Imqabba.

Permezz ta` kuntratt bid-data tal-14 ta` April, 1891 quddiem in-Nutar Cristofero Frendo, il-Monsinjur Pullicino żied dawn l-obbligi ta` quddies: fid-19 ta` Jannar għal ruh Dr Antonio Pullicino, fl-10 ta` Marzu għal Dr Giovanni Schembri, 8 ta` Awissu għal Maria Pullicino u f`Novembru għal Dr Giovanni Schembri.

Ma` dawn żdiedu erba` quddisiet oħrajn minn Sir Philip Pullicino li kellhom isiru fis-17 ta` Jannar għal Carmela Pullicino fit-13 ta` Marzu għal Mons Paolo Pullicino, fl-4 ta` Frar għall-Imħallef Giovanni Pullicino u f`Settembru għall-antenati ta` l-Imħallef Giovanni Pullicino. Dawn l-obbligi żgur li kienu jsiru sal-1958.

Il-kotba tal-finanzi tal-Kappella tad-Duluri huma ta` interess kbir għaliex jixħtu dawl interessanti fuq il-ħajja soċjali tal-Imqabbin. Insibu li f`Settembru 1867, Monsinjur Pullicino ħallas ħames skudi lil Dun Ġużepp Galea għall-funzjoni. Ħallas ukoll sitt skudi għal-logħob tan-nar. 3.9 Skudi għall-illuminazzjoni kif ukoll l-isparar tan-nar. Skud mar għas-servizz ta` sagristan, filwaqt li għas-servizz tad-daqq tal-qniepen tħallsu tliet tari. Skud u tliet tari tħallsu għaż-żejt tal-lampi u nxtraw ukoll erba` xemgħat bil-prezz ta` żewġ skudi u erba` tari. L-ispiża totali tal-festa kienet 20 skud li huma relattivi ma' Ewro 4.08 tal-lum il-ġurnata.

Fil-kontijiet tal-1890 tidher is-somma ta` żewġ skudi u 7 tari għal 210 rotoli ta` ħobż biex jitqassam lill-fqar tal-Imqabba, Zurrieq u Qrendi. Għal dan il-għan kienu jinħarġu kupuni bil-kliem li ġej: Festività Della B.V. Dei Dolori. Buono per un Rotolo di Pane da consegnarsi sul sagrato della Chiesa dei Dolori alla Micabiba, Domenica, 17 Settembre, 1893, alle ore 9 a.m. Il-biljett ta` kulur aħdar kien jiswa għal nofs artal ta` ħobż filwaqt li l-kupun abjad kien isarraf għal ratal.

Jidher li l-attendenza f`din il-festa kienet tkun waħda qawwija. Ta` kull sena kien jintalab permess biex isiru id-dekorazzjonijiet neċessarji fit-toroq għall-festa tad-Duluri. Konferma ta` dan hi talba simili li saret fis-17 ta` Settembru 1909 mill-Imħallef G. Pullicino lill-Uffiċċju tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Sat-tletinijiet żgur li l-Festa tad-Duluri fl-Imqabba kienet waħda ferm attiva. Kienu jinġabru siġġijiet mill-Knisja Parrokkjali kif għadu jsir sal-lum. Il-kappella kienet tiżżejjen bit-tazzi taż-żejt kulurit. Minkejja dan kollu fl-ebda dokument ma tissemma statwa marbuta ma` din il-kappella. Inventarju dettaljat li jkopri sa Marzu tal-1919, ma jsemmi l-ebda statwa.

L-Istatwa tad-Duluri li preżentement tinħareġ proċessjonalment fil-Festa tad-Duluri saret bl-inizjattiva tal-Kappillan Dun Anton Vella. L-istatwa li tħallset mid-devoti qamet Ewro 569.30 u nħadmet mill-Istatwarju Mqabbi Glormu Dingli. It-tberik tal-Istatwa sar nhar il-Ħadd 27 ta` Marzu 1977. Fl-istess żmien saret il-pittura tas-saqaf mill-Imqabbi Rosario Zammit. Din il-pittura tirrafigura s-seba` duluri tal-Madonna.

Illum il-ġurnata l-Kappella tad-Duluri għadha miżmuma b`għożża liema bħala. Membri tal-familja Xuereb jagħtu kontribut eżemplari biex il-kappella tinżamm nadifa, f`kundizzjoni tajba u b`ċertu sigurtà. Kien ferm ta` sodisfazzjoni għal kull min għandu għal qalbu l-wirt storiku Mqabbi li l-kappella kienet skedata.

Dan il-pass minn naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar kien ferm meħtieġ speċjalment meta wieħed jiftakar li kienu skedati wkoll diversi monumenti storiċi oħra bħal Katakombi tal-Mintna, il-Kappella ta` San Ġwann ta` Ħal Millieri il-Kappella ta` San Bażilju u t-Torri Vinċenti.

Tajjeb wieħed jirrimarka wkoll li l-ammont ta` turisti u Maltin li qed jiġu jżuru dawn is-siti kull nhar ta` Ħadd hu ħaġa impressjonanti.

Il-Knisja ta' San Bażilju

Il-Knisja ta` San Bażilju hi waħda mill-eqdem knejjes li nsibu f`dawn il-gżejjer. Inbniet l-ewwel darba għall-ħabta tas-seklu ħmistax. Kienet iżgħar milli hi imbagħad fl-1551 tkabbret kif tixhed is-sena fuq il-kwadru titulari. Din il-knisja minn dejjem kellha importanza kbira f`dan ir-raħal, kemm hu hekk, meta fl-1575 żarha Monsinjur Duzina qal li din hi l-akbar knisja tar-raħal. Kellha kollox; bibien, artal bi kwadru fuqha u fuq kollox qassis biex jieħu ħsiebha. Meta fl-1680 żarha l-Isqof Molina sejħilha bħala l-Knisja Prinċipali tal-Imqabba u qal li minn dejjem kienet marbuta ma` qalb in-nies tar-raħal. Fiha wkoll kien isir il-quddies kull ġimgħa. Quddiesa oħra kienet tiġi ċċelebrata fl-14 ta` Ġunju u oħra fl-1 ta` Jannar, Jum il-Festa taċ-Ċirkunċizzjoni tal-Mulej. F`din il-festa kienet issir ukoll purċissjoni mill-Parroċċa. Tmiss ma` din il-Knisja insibu knisja oħra ddedikata lil San Mikiel Arkanġlu li l-bidu tagħha jmur lura għas-seklu sittax. Meta wieħed jifli ċerti dettalji ta` din il-faċċata jinduna li dawn huma l-isbaħ xhieda tal-qedem ta` din il-Knisja. Fost dawn insibu l-għamla tal-bieb oriġinali li llum jinsab imbarrat fil-ġebel u t-tieqa għamla ta` warda li tidher fuq dan il-bieb. L-għamla ta` riliev minqux f`niċċa fil-faċċata tal-Knisja ta` San Mikiel, flimkien ma` bank li jinsab ħdejn il-Knisja ta` San Bażilju huma żewġ xhieda oħra tal-qedem ta` dawn l-inħawi. L-intern ta` din il-Knisja iżda, huwa l-aqwa xhieda tal-qedem tagħha għaliex hi knisja mibnija fuq numru ta` ħnejjiet li dawn m`humiex tondi iżda li jispiċċaw bil-ponta.

Il-Kwadru titulari ta` din il-Knisja ma` fih l-ebda valur artisitiku iżda fih il-valur storiku u fuq kollox hu kwadru qadim ħafna. Dan il-kwadru jirrappreżenta lil Missier Etern, lil San Gużepp, lill-Madonna, lill-Bambin, lill-Erwieħ tal-Purgatorju, lil San Bażilju u lil Santu Rokku l-Qaddis Padrun tal-pesta, b`tifkira ta` dawk l-imsejkna li kienu indifnu f`dawn l-inħawi, meta l-gżejjer tagħna ġew milquta b`dan il-flaġell. Interessanti s-sena 1551 li tidher fuq dan il-kwadru. Din qed tfakkar is-sena meta din il-knisja ġiet imbierka.

Interessanti ħafna huwa Artal Laterali li jeżisti f`din il-Knisja ta` San Bażilju. Dan ukoll jitfa ħafna dawl fuq il-qedem ta` din il-Knisja. L-iskanell tiegħu imtarraġ fuq in-naħa ta` wara tiegħu hu irrepetut fuq in-naħa ta` quddiem fil-mensa u bi gwarniċ tal-ġebel imiss ma’ l-istess mensa, huma kollha traċċi li juru l-qedem ta` dan l-artal.

Il-Knisja ta' San Mikiel

Stil totalment differenti hija l-Knisja ta` San Mikiel li tmiss mal-Knisja ta` San Bażilju. Is-sena 1669 li tidher fuq il-kwadru titulari qiegħda tfakkar is-sena li fiha inbniet din il-Knisja. Il-gwarniċa u l-prospettiva li iddawwar dan il-kwadru ta` San Mikiel għandhom l-istil tas-seklu li fih inbniet il-Knisja. Biex wieħed jidħol kemm fil-Knisja ta` San Bażilju kif ukoll f`dik ta` San Mikiel, irid jgħaddi minn fuq bosta oqbra u fl-1778, biex l-imsejkna midfuna hawn ma jintesewx, twaqqaf monument tal-ġebel li fuqu ġiet ukoll imnaqqxa din is-sena.