Ħ'Attard

Geografija

Print this page

  Mappa ta' Attard

Attard (jew Ħ’Attard) huwa raħal li jinsab eżatt fiċ-ċentru tal-gżira ta’ Malta. Flimkien ma’ Ħal Balzan u Ħal Lija, jifforma parti minn tliet irħula li huma magħrufin bħala ‘The Three Villages’. Nies ilhom jgħammru f’dan ir-raħal sa mill-perjodu klassiku.
Il-Motto tradizjonali ta’ Ħ’Attard huwa Florigera Rosis Halo (Iffjurit bil-ward imfewwaħ), minħabba il-ġonna numerużi li Ħ’Attard għandu. In-nies li jgħixu ġewwa Ħ’Attard huma magħrufin bħala Saraċini.

Map of Malta - Attard

Bħala muniċipalità bil-Gvern Lokali tiegħu sa minn l-1994, Attard għandu area ta’ 7 kilometri kwadri. Il-popolazzjoni tiegħu, flimkien ma’ Misraħ Kola huwa madwar 10,000. Fit-Tramuntana tiegħu, iħares lejn l-Imdina, hemm ukoll l-area imsemmija bħala Ta’ Qali. Taħt Ta’ Qali hemm area magħrufa bħala Ta’ l-Idward li jingħaqad ma’ Misraħ Kola, jaqsam minn Wied San Martin, Wied Inċita u Wied Irmiedi (fuq in-naħa ta’ Ħaż-Żebbuġ).

Il-faċċata tal-Punent huwa mdawwar b’Wied is-Sewda, fuq in-naħa ta’ Ħal Qormi. Din l-area hija magħrufa bħala Tax-Xarolla li fiha wkoll il-Katakombi tax-Xarolla. Fit-3 ta’ Settembru 1935, ġo għalqa magħrufa Ta’ Farrat, ħdejn il-mitħna tax-Xarolla, instab qabar li jmur lura għal żmien il-Feniċi, minbarra fdalijiet oħra tal-fuħhar. Fit-13 ta’ Ġunju, kien instab ukoll qabar Ruman.

Lejn il-Lvant tiegħu sa ħdejn il-kappella tal-Mirakli, hemm żona li jisimha Ta’ Fġieni li ddur mal-parti ċentrali ta’ ħdejn il-knista parrokkjali tas-seklu sbatax. Din il-knisja parrokkjali inbniet mill-perit Tumas Dingli, li twieled u għex f’Ħ’Attard u li huwa magħruf l-iktar fuq ix-xogħol ta’ l-akwedotti tal-Granmastru Alof de Wignacourt, il-Porta Reale, fid-daħla tal-Belt Valletta u diversi knejjes oħra. Minn dawn il-bini kollha, il-faċċata tal-knisja ta’ Ħ’Attard biss qatt ma ntmisset jew inbidlet.

Fin-nofs in-nhar ta’ Ħ’Attard, jinsab il-Palazz ta’ San Anton u l-ġonna tiegħu, li ġew mibnija mill-Kavallieri bejn l-1623 u l-1636. Illum dan il-palazz huwa r-residenza uffiċċjali tal-President ta’ Malta u huwa wkoll simbolu ta’ fejn jinsab Ħ’Attard..