Ħ'Attard

Residenzi Importanti

Print this page

Minħabba li Ħ’Attard huwa ġeografikament ċentrali, huwa ċentrali wkoll minħabba li fl-ewwel kwart tas-seklu sbatax, ġol-palazz ta’ San Anton kienu jgħixu l-ewwel Gran Mastru kif ukoll il-Gvernatur. Illum jospita fih lil-President ta’ Malta.
Ġewwa Ħ’Attard hemm ukoll ħafna djar kbar oħra li huma ta’ mportanza kbira, fosthom Casa de Piro ġo Triq il-Mosta, li hija issa ir-residenza privata tal-Gran Mastru ta’ l-Ordni ta’ San Ġwann, Fra Andrew Bertie. Hemm ukoll Villa Apap Bologna ġo Triq San Anton kantuniera ma’ Triq il-Linja, b’ġonna kbar u estensivi li issa hija ir-residenza ta’ l-Ambaxxatur Amerikan.

Villa Bologna: li kienet ir-residenza ta’ Lord Strickland, il-Prim Ministru ta’ Malta mill-1927 sa l-1930 u li għandha l-ikbar ġonna privati and ġibjuni ġewwa Malta, hija waħda mill-iktar positijiet magħrufa għall okkażjonijiet bħal fieri, tiġijiet u riċevimenti. Villa Bologna hija l-iktar dar prestiggjuża tas-seklu tmintax li nbniet għall familja maltija. Viċin ta’ din id-dar sew, hemm fabbrika taċ-ċeramika u ħanut, liema fabbrika inbniet u bdiet topera wara l-gwerra u għada sal-lum topera. Fil fatt, dan il-ħanut kien wieħed minn ta’ l-ewwel li eżista f’Ħ’Attard u li issa ħwienet ta’ dan it-tip jeżistu erbgħa (li tlieta minnhom jinsabu f’Ta’ Qali).

L-Ambaxxatur ta’ Tuneż, l-Ambaxxatur taċ-Ċina u l-Konslu Ġenerali ta’ New Zealand ukoll jgħixu Ħ’Attard, filwaqt li rapprezentant residenti ta’ l-UE kien jgħix fil-viċinanzi ta’ Tal-Mirakli li parti minnu jagħmel ma’ Ħal-Lija. Meta l-Papa Ġwanni Pawlu II ġie fostna, fl-1990, u għex ġo Ħ’Attard – fir-residenza tan-Nunzju Appostoliku.  Numru kbir ta’ nies importanti bħal Ambaxxaturi Maltin, kemm tal-present u tal-passat, imprendituri, ġurnalisti u personalitajiet oħra wkoll jgħixu jew kienu jgħixu ġewwa Ħ’Attard.