Il-Belt Valletta (Città Umilissima)

Dħul

Print this page

Il-Belt Valletta (Città Umilissima)

Il-Belt Valletta (Città Umillissima) inbniet bis-saħħa tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, li ppjanaw il-belt bħala post ta’ rifuġju għal suldati midruba u pellegrini matul il-kruċjati fis-16-il seklu. Sal-miġja tal-Kavallieri, l-Għolja ta’ Xebberas, fejn tinsab il-Belt Valletta, bejn żewġ portijiet naturali, kienet art niexfa.

Ma kien hemm l-ebda bini ħlief torri ta’ l-għassa , Sant’ Iermu, li kienet tinsab fit-tarf nett tagħha. Il-Gran Mastru La Vallette l-eroj galanti tal-Assedju l-Kbir ta’ l-1565, irrealizza li jekk l-Ordni ried iżomm Malta f’idejh, kellu jipprovdi difiża adegwata. Għalhekk għamel pjan għal Belt fortifikata fuq il-peniżola ta’ Xebberas.

Il-Papa Piju V u Philip II ta’ Spanja urew interess fil-proġett. It-tnejn li huma wegħdu għajnuna finanzjarja u l-Papa offra s-servizzi ta’ Franċesco Laparelli, inġinier militari, li għamel il-pjanijiet meħtieġa għall-belt il-ġdida u d-difiżi tagħha.

Ix-xogħol beda b’fervur f’Marzu ta’ l-1566 – l-ewwel fuq is-swar u ftit wara fuq l-aktar bini importanti. Il-belt il-ġdida ssemmiet Valletta ad unur La Vallette.

Il-Gran Mastru miet fl-1568, qabel ma tlestiet il-belt. Is-suċċessur tiegħu, Pietro del Monte kompla x-xogħol bl-istess ritmu. Sa l-1571, il-Kavallieri ċaqilqu l-kwartieri tagħhom minn Vittoriosa (Il-Birgu) għall-Belt il-ġdida.

L-arkitett Laparelli telaq minn Malta fl-1570. Huwa ġie sostitwit mill-assistant tiegħu Ġiormu Cassar li kien qatta’ ftit xhur f’Ruma, fejn osserva l-istil ġdid tal-bini fil-Belt Taljana.

Cassar iddisinja u ssorvelja l-biċċa l-kbira tal-ewwel bini li kien qed jinbena, inluż is-Sakra Infermerija, il-Knisja ta’ Ġwann, il-Palazz Maġisterjali, u s-seba’ Bereġ, jew alloġġi ta’ Residenza tal-Kavallieri.

Sas-16-il seklu l-Belt Valletta kibret sew. Nies minn kull parti tal-gżira bdew imorru jgħixu fi ħdan il-fortifikazzjonijiet tagħha u waħda mir-raġunijiet ta’ dan u li l-Imdina, li sa dak iż-żmien kienet il-Belt Kapitali ta’ Malta kienet tilfet l-attrazzjoni tagħha.

Fis-snin li segwew, bdew jinbnew palazzi u knejjes iżjed rikki b’faċċati grazzjużi u b’motifi skulturali rikki minflok l-istil awster manjerista ta’ l-istrutturi ta’ Cassar.

Il-belt il-ġdida, bis-swar sodi tagħha u ħniedaq fondi, saret fortifikazzjoni ta’ importanza strateġika kbira. Il-pjan tat-toroq tal-Belt Valletta huwa uniku u ġie pjanat għal skopijiet ta’ difiża. Ibbażat fuq forma ta’ gradilja kważi uniformi, xi uħud mit-toroq jinżlu f’daqqa hekk kif tersaq qrib il-quċċata tal-peniżola. It-taraġ mhux konformi ma dimensjonijiet normali peress li nbena b’tali mod li jkun jippermetti lill-kavallieri jitilgħuh bl-armatura tqila tagħhom.

Għaddew xi ftit sekli u l-belt mibnija minn ġentlomi għal ġentlomi reġgħet għaddiet minn assedju ieħor; din id-darba matul it-tieni gwerra dinjija li ġabet qerda kbira f’Malta. Il-Belt Valletta qalgħet bosta bombi iżda ma baxxitx rasa, u fi ftit snin, reġgħet qamet fuq saqajha. Il-marki tal-gwerra għadhom viżibbli sal-lum fis-sit fejn qabel kien hemm ir-Royal Opera House fil-qalba tal-belt, ferita li ħalliet lill-Membri Parlamentari Maltin diviżi tul dawn l-aħħar sittin sena dwar x’għandu jinbena minfloka.

Matul is-snin ta’ wara l-gwerra, il-Belt Valletta tilfet bosta residenti li ċċaqilqu għal djar moderni f’lokalitajiet oħrajn u l-popolazzjoni tagħha naqset għal 9,000 abitant. Madankolu f’dawn l-aħħar snin bosta individwi li għandhom għal qalbhom l-arkitettura unika u oriġinali reġgħu marru lura lejn il-belt u qed jinvestu f’propjetajiet antiki. Valletta, l-iżgħar belt kapitali fl-Unjoni Ewropea issa saret l-akbar ċentru kummerċjali u finanzjarju tal-gżira u tilqa’ bosta turisti kuljum li jiġu biex jesperjenzaw l-istorja rikka tal-belt.

                           
View Larger Map